Legislature:
Category:
Reset
Active:

Logħob tal-Commonwealth

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk il-Gvern Malti ħax xi inizjattivi partikolari b'rabta mal-kwestjoni tac-child labour li ħarġet dan l-aħħar b'rabta mal-logħob tal-Commonwealth li se jsiru fl-Indja? Jekk iva, jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn l-inizjattivi? Jekk le, għaliex ma ttieħdet ebda inizjattiva?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern Malti jopponi bil-qawwa kollha kull forma ta' abbuż fuq it-tfal, inkluż child labour, iseħħ fejn iseħħ. B'rabta diretta ma' child labour, Malta irratifikat żewġ Konvenzjonijiet tal-Organiżżazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol - Minimum Age Convention, 1973 u Worst Form of Child Labour Convention, 1999. Bħala membru tal-Unjoni Ewropea, Malta tappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Unjoni favur id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tat-tfal, fid-djalogu ma' pajjiżi terzi. F'dan il-kuntest, nixtieq infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Settembru li għadda qabel li fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-Asja, u fil-kuntest ta' diversi Summits li ser jsiru din is-sena, għandhom jittieħdu passi konkreti f'diversi oqsma prijoritarji ta' koperazzjoni, fosthom l-iggvernar tajjeb, standards ta' xogħol u d-drittijiet tal-bniedem.

Residence permit

Question

Fir-rigward ta' żgħazagħ b'ċittadinanza barranija li ġew fostered minn familji Maltin fi ċkunithom u li ilhom residenti f'pajjiżna għal bosta snin, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'jirrikjedu sabiex jiġi mogħti lilhom ir-residence permit?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li applikazzjonijiet għall-permess ta' residenza mill-persuni konċernati jintlaqgħu mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates sakemm dawn il-persuni m'humiex persuni li applikaw għall-ażil jew inkella l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil hi miċħuda. Minbarra d-dokument ta' vjaġġar dawn il-persuni jridu jipproduċu dokumenti li juru li dan il-fostering huwa awtoriżżat. Kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-mertu tiegħu.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Infiq f'reklamar fuq il-media

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm nefqu il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar (produzzjoni u reklamar attwali) għal kull sena bejn 2004 u 2010 f'dawn l-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża f'reklamar hi kif murija fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Euopean Space Agency — Satellita Planck

Question

B'referenza għall-European Space Agency, anke tenut kont tal-passi importanti li qed tagħmel tramite s-satellita Planck fost oħrajn, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-kontribuzzjoni finanzjarja u ta' xorta oħra (personell eċċ.) li pajjiżna jagħti lil din l-aġenzija? Hemm ċittadini Maltin li huma involuti f'din l-aġenzija bħala tekniċi jew xorta oħra?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — persuni u/jew kumpaniji inkarigati mill-konsulenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid matul l-2009 min kienu l-persuni u/jew kumpaniji inkarigati mill-konsulenza għall- Ministeru u/jew dekasteri oħra li jaqgħu taħtu? F'liema oqsma kienet meħtieġa l-konsulenza?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ftehim bilaterali mal-Qatar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jwieġeb mistoqsija parlamentari 18976 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, u issa ġiet riferuta lilu, ċioe: Peress li ftit ilu intqal li l-gvern kien iffirma numru ta' ftehim bilaterali mal-Qatar, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim fejn jidħol l-isport ?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wieħed mis-sitt ftehim li jiena kont ffirmajt f'Awwissu tal-2009, waqt iż-żjara Statali tal-President tar-Repubblika fil-Qatar, kien attwalment Memorandum ta' Ftehim fil-qasam ta' l-isport bejn il-Kunsill Malti għall-iSport u l-Kumitat Olimpiku tal-Qatar. Qed inpoġġi kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ċifra ta' flus globali għall-konsulenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid matul l-2009, kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għall-konsulenti tal-Ministeru u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18736.

Protokol tal-Unjoni Ewropea — żieda tal-Membri Parlamentari Ewropej

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma lill-Kamra meta huwa maħsub li din l-istess Kamra tiddiskuti u tivvota fuq ir-ratifika tal-protokol tal-Unjoni Ewropea li bih jiġu emendati t-Trattati tal-Unjoni Ewropea li jippermettu li ssir żieda tal-Membri Parlamentari Ewropej?

Response (BORG, TONIO)

Id-deċizjoni titieħed fil-mument opportun. Il-Gvern għandu l-intenzjoni li d-deċizjoni tas-sitt siġġu titieħed kemm jista' jkun malajr.

Qorti tal-Appell — informazzjoni personali dwar l-istat ta' saħħa ta' persuna mogħtija minn Membru Parlamentari

Question

F'sentenza dwar każ ta' libell li Membru Parlamentari li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, għamel lill-ġurnal It-Torċa, il-Qorti tal-Appell qalet li l-Membru Parlamentari ppreżenta dokumenti kunfidenzjali b' informazzjoni personali dwar l-istat ta' saħħa ta' persuna bħala parti mill-każ tiegħu u peress li l-istess Qorti ġibdet l-attenzjoni dwar dan minħabba l-fatt li l-Membru Parlamentari huwa Assistent Parlamentari assenjat miegħu, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk ħassx il-ħtieġa li jitlob spjegazzjoni lill-istess Membru Parlamentari dwar l-aġir tiegħu? Jekk iva, xi spjegazzjoni ngħata? Jekk le, għaliex ma ħassx il-bżonn li jitlob din l-ispjegazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Onorevoli David Agius ġie fdat bil-kordinazzjoni tal-ħdima tal-Assistenti Parlamentari taħt is-supervizjoni tiegħi. Ma jiffurmax parti mill-Esekuttiv. Ma ħux minnu li fis-sentenza ċitata mill-Onorevoli Interpellant hemm xi referenza għall-kariga fuq indikata tal-Onorevoli Agius. F'kawza ċivili ta' libel, fejn l-Onorevoli Agius kien attur, instemgħet xhieda ammessa mill-Qorti u li għaliha ma saret ebda oġġezzjoni mill-partijiet fil-kawza. Il-Qorti tal-Appell ma qablitx li dik ix-xhieda kellha tinstema mill-Magistrata tal-Qorti tal-Ewwel Istanza.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — devoluzzjoni lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid mis-sena 2008 sal-ġurnata tal-lum x'ġie devolut minn dawk id-dipartimenti, aġenzji, entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu lill-kunsilli lokali?

Response (BORG, TONIO)

Jiena ninsab infurmat illi mis-sena 2008 sa llum ma ġie devolut xejn lill-kunsill lokali mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ilmenti f'isem il-kostitwenti

Question

Peress li fost il-ħidmiet tal-membri parlamentari hemm li jiltaqgħu, jisimgħu u jitkellmu f'isem il-kostitwenti tagħhom, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li ċerti dipartimenti jirrifjutaw li jirrispondu għal talbiet, ilmenti u mistoqsijiet li jsiru minn żmien għal żmien minn deputati f'isem il-kostitwenti? Ma jikkunsidrax li jinħoloq punt ta' referenza f'kull dipartiment, fejn id-deputat ikun jista' jitkellem f'isem u għall-kostitwent?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull Ministeru għandu sezzjoni ta' Customer Care u ukoll Uffiċjal Kordinatur għall-Kommunikazzjoni fis-Segretarjat Privat li lilhom jista' jitressqu talbiet, ilmenti u mistoqsijiet.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Kuntratti ta' Konsulenza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il kuntratt ta' konsulenza ingħata mill-Ministeru tiegħu u/jew kumpaniji u entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu, matul is-snin 2009 u 2010 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' kull kuntratt ta' konsulenza mogħti u lil min ingħata?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta kuntratti lill-Konsulenti matul l-2009 u l-2010 kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — tenders governattivi

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il kuntratt ngħata mis-segwenti entitajiet kemm b’diret order u kemm permezz ta’ tender Governattiv: Committee of Inquiry (Deprivation of Maltese Citenship), Ministerial Advirsory Committee on the Tsunami Relief Fund, Sanctions Monitoring Board, National Authority of Malta for the Implementation of the Chemical Weapon Convention? Lil min ingħata u kemm kien jiswa kull kuntratt fil-perjodu 2008, 2009 u 2010?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Committee of Inquiry (Deprivation of Maltese Citizenship) u l-Ministerial Advisory Committee on the Tsunami Relief Fund kif ukoll in-National Authority of Malta for the Implementation of the Chemical Weapon Convention ma taw l-ebda kuntratt la b'Direct Order u lanqas permezz ta' tender Governattiv fil-perjodu 2008, 2009 u 2010. Is-Sanctions Monitoring Board meta jkun hemm il-ħtieġa, juża s-servizzi ta' professjonisti biex jitlestew l-abbozzi tal-Avviżi Legali maħsuba biex ikunu implimentati r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ġnus Magħquda lokalment. Fl-2008, 2009 u 2010 (sa Mejju), il-Ministeru qabbad lil Dr Joseph Zammit sabiex, wara li ngħatat l-approvazzjoni meħtieġa, ħejja ħameż Avviżi Legali, bil-Malti u bl-Ingliż li swew 233 euros kull verżjoni.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Konsulenti

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-konsulenti kemm dawk legali kif ukoll dawk li m’humiex, kemm ilhom fil-karigi rispettivi tagħhom u kemm qed jitħallsu fis-sena referibbilment għal: Committee of Inquiry (Deprivation of Maltese Citenship), Ministerial Advirsory Committee on the Tsunami Relief Fund, Sanctions Monitoring Board, National Authority of Malta for the Implementation of the Chemical Weapon Convention? Jista’ jgħid kemm-il seduta attendew il-membri rispettivi tal-bordijiet, awtoritajiet aġenziji u kumpaniji governattivi? Min huma s-segretarji rispettivi ta’ dawn l-entitajiet imsemmija, jekk humiex full-time u x’paga għandhom? Dan kollu senjatament għas-snin 2008, 2009 u 2010. Jista’ jgħid ukoll min huma l-konsulenti kemm dawk legali kif ukoll dawk li m’humiex u x’retainers għandhom għall-Ministeru nnifsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Commitee of Inquiry (Deprivation of Maltese Citizenship) ma kellux laqgħat fis-snin 2008 u 2009. Fl-2010 kellu żewġ każi. Is-Segretarju ta' dan il-bord hu Mr Joseph M Micallef li mhux full-time u jitħallas 232.94 euro għal kull każ irrispettivament minn numru ta' seduti li fihom ikun diskuss. Matul l-2008, 2009 u l-2010 ma ġewx maħtura konsulenti mill-Ministerial Advisory Committee on the Tsunami Relief Fund. Dan il-kumitat iltaqa' darba fl-2008, u tliet darbiet fl-2009 u m'għandux segretarju. Is-Sanctions Monitoring Board m'għandux konsulenti legali jew tip ta' konsulenti oħrajn. Il-membri tal-Bord huma kollha impjegati taċ-ċivil full-time u l-pożizzjoni tagħhom bħala membri tal-Bord mhix imħallsa. Is-segretarja ta' dan il-Bord hija Sharon Scicluna li hija impjegata full-time mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u hija l-persuna li tieħu ħsieb is-Sanctions Desk. Il-paga tagħha hija skont l-istruttura tal-iskali tal-Gvern. In-National Authority of Malta for the Implementation of the Chemical Weapons Convention m'għandha l-ebda konsulent. Din l-awtorità ltaqgħet tliet darbiet fl-2008, darbtejn fl-2009 u darba fl-2010 u m'għandhiex segretarju.

Kunsill tas-Sigurtà kontra l-Iran — strutturi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif pajjiżna qiegħed jassigura li s-sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà kontra l-Iran qegħdin jiġu osservati? X'inhuma l-istrutturi amministrattivi, regolatorji, u eżekuttivi li qegħdin jitħaddmu biex jassiguraw li jigu mwettqa s-sanzjonijiet, speċjalment fl-oqsma finanzjarji, u dawk tat-trasport marittimu tal-merkanzija?

Response (BORG, TONIO)

Il-Missjoni Permanenti ta' Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York issegwi mill-qrib dak li jiġi diskuss fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, inkluż ir-riżoluzzjonijiet dwar sanzjonijiet kontra pajjiżi oħra. Meta jkun il-każ il-Kunsill tas-Sigurtà jadotta xi riżoluzzjoni dwar sanzjonijiet, bħalma ġara fid-9 ta' Ġunju 2010, fejn kienet adottata r-riżoluzzjoni numru 1929 (2010) dwar il-Programm Nuklejari tal-Iran, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jieħu l-passi meħtieġa sabiex ir-riżoluzzjoni tkun implimentata fil-Liġijiet ta' Malta permezz ta' Avviż Legali. Dan il-proċess diġà beda u meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali japprova l-Avviż Legali dan jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Barra dan, hemm bord imwaqqaf apposta taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li jieħu ħsieb is-Sorveljanza tas-Sanzjonijiet. Fuq dan il-bord, minbarra r-rappreżentanza tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hemm ukoll rappreżentanza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, tad-Direttorat tad-Difiża fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, il-Bank Ċentrali, id-Dipartiment tad-Dwana u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Il-membri ta' dan il-bord jingħataw kopja tal-Avviż Legali ħalli minn naħa tagħhom jieħdu l-azzjoni neċessarja li taqa' taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dan il-bord jiltaqa' skont il-ħtieġa biex jiddiskuti suġġetti li għandhom x'jaqsmu mas-sanzjonijiet u l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet li jadotta il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda minn żmien għal żmien.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ħaddiema li qabżu l-61 sena

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema/uffiċjali li qabżu l-61 sena u baqgħu jaħdmu fil-ministeru tiegħu u/jew fid-dekasteru li jaqa' taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' ħaddiema/uffiċjali li qabżu l-61 sena u baqgħu jaħdmu mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin huwa ta' 18 (10 Ambaxxaturi, 6 Advisers Part-time u 2 uffiċjali).

European Personnel Selection Office

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il employment vacancy ħadu ħsieb l-entita' Maltija akkreditata mill-European Personnel Selection Office fl-aħħar sentejn biex Maltin jidħlu jaħdmu fi ħdan il-civil service tal-Unjoni Ewropea? Kemm applikaw Maltin għal kull sejħa u kemm intgħażlu?

Response (BORG, TONIO)

Ma teżisti ebda entita' Maltija li hija akkreditata mill-ESPO sabiex tittratta dwar postijiet vakanti għall-impjieg. Postijiet vakanti huma ppubblikati direttament mill-ESPO u individwi japplikaw b'mod dirett. L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant mhix fil-pussess tal-Gvern Malti.

Dar Malta — Spejjeż

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm swiet Dar Malta fi Brussell u kemm irrendiet f'kirjiet u dħul ieħor? Jista' jgħid ukoll kemm huma r-running costs tagħha?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

pledging ta' għajnuna lill-Palestinjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm Malta għamlet pledging ta’ għajnuna taħt forma jew oħra lill-Palestinjani, inkluż dak li huwa development aid fis-sena 2009 kif ukoll fis-sena li ninsabu fiha? Kemm tħallsu mill-ammonti mwiegħda?

Response (BORG, TONIO)

Matul 2009-2010, Malta tat din l-għajnuna lill-Awtorità Palestinjana: - 25,000 Euro għall-fini ta' kors fir-restawr ta' wirt kulturali li se jseħħ f'Ramallah; - $100,000 (fuq medda ta' sentejn) f'forma ta' boroż ta' studju għal taħriġ mill-Mediterranean Academy for Diplomatic Studies (MEDAC). Dan l-ammont ikopri l-kors kif ukoll l-ispejjeż kollha marbuta miegħu; - 17,250 Euro f'xahar taħriġ mal-Pulizija ta' Malta, bejn Lulju u Awwissu 2009, offrut lil tliet uffiċċjali tal-Pulizija Palestinjana. Dan bħala riżultat ta' Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn Malta u l-Awtorità Palestinjana f'dan ir-rigward speċifiku. - 12,750 Euro lill-Università ta' Betlehem f'għotja ta' tagħmir tat-teknoloġija tal-informatika; - 12,224 Euro lill-Isptar St Louis f'Ġerusalemm sabiex jiġi rinovat tagħmir fid-Dipartiment tal-X Rays; - 672 Euro sabiex tiġi faċilitata żjara f'Malta ta' delegazzjoni kummerċjali Palestinjana f'Mejju ta' din is-sena; Fix-xhur li ġejjin, huwa mistenni li tingħata għajnuna fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informatika kemm f'dak li huwa tagħmir kif ukoll f'taħriġ dwar e-government u e-learning. Qegħdin ukoll isiru pjani għal taħriġ fil-qasam tal-Gvern lokali wara li jsiru elezzjonijiet muniċipali fil-Palestina.