Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz tal-Home Help

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hemm benefiċjarji tas-servizz tal-Home Help, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont ta’ benefiċċjarji tas-servizz Home Help, maqsuma lokalità b’lokalità.

Żoni turistiċi – Storbju, diżordni u mġiba antisoċjali – Impatt fuq ir-residenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern wettaqx jew ikkummissjonax xi studju dwar l-impatt li l-istorbju eċċessiv, l-imġiba antisoċjali u d-diżordni f'żoni turistiċi qed ikollhom fuq il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa mentali u s-sens ta' sigurtà tar-residenti? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Gvern qed jieħu numru ta’ inizjattivi fir-rigward taż-żamma tal-ordni pubblika kif diġa ġie mħabbar fil-konsum pubbliku.

Servizzi tas-saħħa mentali – Pazjenti – Sena 2025

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li użaw is-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu nisa, irġiel jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal liema servizzi tas-saħħa mentali qed tirreferi.

Numru ta’ twelid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta' twelid skont l-età tal-omm, maqsuma fil-kategoriji ta' taħt l-20 sena, 20–24 sena, 25–29 sena, 30–34 sena, 35–39 sena, 40–44 sena u 45 sena jew aktar, mis-sena 2000 sal-aħħar ħin li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Ommijiet li welldu l-ewwel tarbija – Età medja

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kienet l-età medja tal-omm meta welldet l-ewwel tarbija tagħha mis-sena 2000 sal-aħħar sena li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Live births

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm min-numru ta’ twelid ħaj (live births), it-twelid kien jirrigwarda l-ewwel tarbija, it-tieni tarbija, it-tielet tarbija u r-raba' tarbija jew aktar, mis-sena 2000 sal-aħħar sena li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Live births

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta' twelid ħaj (live births) irreġistrat f'Malta mis-sena 2000 sal-aħħar ħin li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Total Fertility Rate

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kienet ir-rata totali tal-fertilità (Total Fertility Rate), jiġifieri l-medja tan-numru ta' tfal li mara mistennija jkollha matul il-ħajja riproduttiva tagħha abbażi tar-rati ta' fertilità skont l-età f'dik is-sena, mis-sena 2000 sal-aħħar sena li għaliha hija disponibbli d-data, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Operazzjonijiet ta’ total knee replacement – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il pazjent hemm fuq il-lista ta' stennija għal total knee replacement taħt kull wieħed mill-konsulenti ortopediċi fis-servizz pubbliku, skont l-aktar data reċenti disponibbli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li sal-1 ta’ Lulju 2026 fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex kien hemm 504 pazjenti li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.

Qasam tas-Saħħa – Ingaġġi mas-settur pubbliku

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1142 u jgħid kemm-il persuna ġiet ingaġġata mas-settur pubbliku fil-qasam tas-saħħa bejn Jannar u Ġunju 2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Mediċini relatati mas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm persuni li ngħataw mediċini relatati mas-saħħa mentali f’Ġunju 2025, f’Jannar 2026 u f’Ġunju 2026?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema mediċini qiegħed jirreferi.

GU Clinic – Każijiet ta’ mard trasmess b’mod sesswali – New Cases

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ mard trasmess b’mod sesswali li ġew dijanjożati bħala ‘new case’ fil-GU Clinic?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Jannar sa Ġunju 2026, l-unità nazzjonali tas-sorveljanza (IDCU) ġiet notifikata b’557 każ ta’ infezzjonijiet trażmessi sesswalment mill-klinika GU.

Epipens

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex mhux qed jingħataw Epipens lill-adulti, kif kien imwiegħed qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-prodott Adrenaline Autoinjecter għall-użu mill-adulti, wara li ġie introdott fuq il-Formularju tal-Gvern, qed  jiġi fornut regolarment mill-POYC fuq ordni tal-ispiżerija u l-intitolament rispettiv tal-pazjent.

Anzjani – Iżolament soċjali – Inizjattivi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inizjattivi qed jiġu ppjanati biex jitnaqqas l-iżolament soċjali fost l-anzjani?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AAKK) qed taħdem fuq diversi proġetti li se jkomplu joffru diversi opportunitajiet u servizzi lill-anzjani, liema proġetti jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Anzjani bil-kundizzjoni tad-dimenzja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn anzjani f’pajjiżna li ġew dijanjostikati bil-kundizzjoni tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jirċievu servizzi speċjalizzati u x’tip ta’ servizzi qed jingħataw?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa – Użu tal-Intelliġenza Artifiċjali – Linji gwida/politika adottata

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija nru. 726.

Gender Clinic – Pazjenti – Sena 2025

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm pazjenti li għamlu użu mill-Gender Clinic fl-2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2025, il-Gender Wellbeing Clinic kellha total ta’ 104 referenzi ġodda, li jwasslu t-total ta’ referenzi għal 611 minn mindu fetħet il-klinika f’Novembru 2018.

Operazzjonijiet ta’ total knee replacement – Konsulenti ortopediċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma l-konsulenti ortopediċi li bħalissa qed iwettqu operazzjonijiet ta' total knee replacement fis-servizz pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex hemm b’kollox 18 -il konsulent ortopediku li jagħmlu operazzjonijiet ta’ total knee replacement.

Operazzjonijiet ta’ total knee replacement

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru operazzjonijiet ta' total knee replacement fl-Isptar Mater Dei u kemm saru operazzjonijiet ta' total knee replacement fi sptarijiet privati permezz ta' skemi jew kuntratti tal-Gvern mill-2021 sal-aktar data reċenti disponibbli, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li n-numru ta’ operazzjonijiet ta’ total knee replacement fi sptarijiet privati permezz ta’ skemi jew kuntratti tal-Gvern mill-2021 sal-2025 huwa kif jidher hawn taħt: Sena Total Knee Replacement 2021 2 2022 13 2023 4 2024 110 2025 677