Legislature:
Category:
Reset
Active:

ċittadini li l-istat jipprovdilhom servizz ta’ sigurtà mill-membri tal-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma u min huma dawk iċ-ċittadini li l-istat qed jipprovdilhom is-servizz ta’ sigurtà mill-membri tal-Korp tal-Pulizija u għal liema raġuni partikolari qed jingħataw dan is-servizz? Jista' ma' din l-informazzjoni jgħid kemm ilha b’dan is-servizz kull persuna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li diġà tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10509.

Karozza abbandunata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31430 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex titneħħa karozza li ilha abbandunata u pparkjata quddiem Ideal Flats, Sir Ugo Mifsud Street, Gżira?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-karozza li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tneħħiet.

Għawdex — Xewkija - Triq Ciappelli

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Ciappelli fix-Xewkija, Għawdex, qed jilmentaw għaliex it-triq tiżloq u peress li f'dawk in-naħat jgħixu ħafna anzjani, jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Irreferejt il-materja mqajma mill-Onorevoli Interpellant lill-Kunsill Lokali tax-Xewkija. Waqt li ma jirriżultax li l-Kunsill Lokali rċieva xi lment dwar it-triq imsemmija, ninsab infurmat illi s-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv spezzjonaw din it-triq u se jirraportaw lura lill-Kunsill sabiex tittieħed deċiżjoni f'laqgħa li ser tinżamm l-Erbgħa 25 ta' Jannar.

droga li nqabdet qabel ma ġiet importata lejn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga li kienet se tiġi importata lejn Malta bejn Novembru 2010 u Novembru 2011? X'kienet din d-droga u minn liema pajjiż kienet ġejja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-droga maqbuda dieħla Malta bejn Novembru tas-sena l-oħra u Novembru ta’ din is-sena, kienet is-segwenti:-: Cocaine 4kgs215.8grs Dusseldorf, Rome, Paris, Zurich, Prague Heroin 3kgs805.4grs Brussels, Paris Cannabis Resin 82kgs338grs Zurich, Dubai, North Africa Khat 1,434kgs Gatwick, Luton Cutting Agent 5kgs829.25grs Luton, Zurich, Brussels Ecstasy look-a-like 29tablets Prague Mephedrone 619grs Prague

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — nefqa fuq mobile phones

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30639, jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li għandhom mobile? Xi grad għandhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li għandhom is-servizz tal-mobile imħallas mid-dipartiment rispettiv kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

kwestjoni dwar persuni barranija li għadha Malta

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna barranija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha Malta u ma ġietx esegwita kontra tagħha ordni ta' tneħħija minn dawn il-gżejjer?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet telqet minn Malta.

Għawdex — Għasri - Triq Għammar - inkonvenjent minħabba l-ilma tax-xita

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Għammar fl-Għasri, Għawdex qed jilmentaw għaliex l-ilma qed jinġabar fil-ġnub tat-triq u allura r-residenti qed isofru minn inkonvenjenti kbar u r-residenti ilhom jilmentaw mal-kunsill lokali sa minn mindu għamlet l-ewwel xita wara li kienet saret it-triq u peress li r-residenti huma anzjani u din is-sitwazzjoni qed tinkwetahom ħafna u meta tkun ix-xita ma jistgħux joħorġu mid-dar, jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-Onorevoli Interpellant tifhem u tapprezza li t-triq in kwistjoni hija triq mifruxa fuq medda twila u għaldaqstant ikun tajjeb li tindika għal liema parti tat-triq qed tirreferi għaliha sabiex inkun nista’ nwieġeb il-mistoqsija tagħha.

Karen Grech — żvilupp fuq il-qtil

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fuq il-qtil b'ittra bomba tal-mibkija Karen Grech u li dan jista' jitfa' dawl ġdid fuq dan il-każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom mhumiex konklużi. Għaldaqstant ma nħossx illi xi tagħrif dwar l-andament tal-istess investigazzjonijiet għandhom jiġu ppublikati.

Pulizija tad-Distrett — split shift

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jinħadem l-isplit shift tal-ispetturi tal-Pulizija fid-distretti? X'wassal biex din is-sistema ta' split shift li kienet għamlet żmien wieqfa, issa reġgħet iddaħħlet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi peress li dan l-aħħar żdied in-numru ta’ Spetturi f’diversi sezzjonijiet tal-Korp u li issa f’kull Distrett hemm tlieta jew aktar Spetturi, inħasset l-esiġenza illi Spettur minnhom jibda jaħdem skont roster, bi split shift, u cioe’ mill 5.00pm sad-9.00pm. Dan sar sabiex il-pubbliku jkun moqdi minn Spettur kull meta jkun meħtieġ kif ukoll tkun tista' ssir superviżjoni aħjar tal-membri tal-Korp bejn id-9.00am u 9.00pm. Wara d-9.00pm, imbagħad id-Distretti jkollhom ukoll servizz ta’ Spettur li jkun fl-Għases fuq bażi ta’ Reġjun. B’dan il-mod, il-Korp iħoss li qed jagħti servizz aħjar. Din il-proċedura ma’ tiġix applikata meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu mod ieħor.

persuni fuq community service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fuq community service waqt din il-leġislatura? X’tip ta’ xogħol kellhom iwettqu dawn il-persuni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din il-Leġislatura, sal-aħħar tas-sena l-oħra, kien hemm 43 persuna fuq community service. Dawn il-persuni wettqu xogħol fil-komunita` hekk kif indikat hawn taħt: Assistenza fil-bini ta’ trakka f’kumpless sportiv Assistenza f’manutenzjoni f’kumplessi sportivi Kontribut f’ awareness sessions fi skola u fl-Universita' Xogħol ta’ librar (Kunsill Lokali) Xogħol ta’ welding (NGO) Tindif ta’ spralli (Kunsill Lokali) Assistenza fit-tindif u l-manutenzjoni (Kunsilli Lokali) Manutenzjoni fit-toroq eż: żebgħa ta’ sinjali (Kunsilli Lokali) Għajnuna f’attivitajiet kulturali fi ħdan il-Kunsilli Lokali Tqassim ta’ flyers għal attivitajiet ta’ Kunsilli Lokali Tindif u tisbiħ ta’ ġonna pubbliċi (Kunsilli Lokali) Tindif u tisbiħ ta’ ġonna (NGOs) Tibjid u tikħil (Kunsilli Lokali u NGOs) Żebgħa ta’ railings , grajjed u bankijiet (NGOs u Kunsilli Lokali) Tqattigħ ta’ trinek u xogħol fl-elettriku (NGO) Twaqqif ta’ tined għal attivitajiet organizzati minn NGOs Manutenzjoni ġenerali fi djar fil-komunita` mmexxija minn NGOs Assistenza fil-kċina, tqaxxir ta’ patata etc (NGO)

Korp tal-Pulizija — tqassim tal-uniformijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kull kemm żmien qed jitqassmu l-uniformijiet lil pulizija, surġenti u fizzjali tal-Korp tal-Pulizija separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, bħala regola ġenerali, dawk il-membri tal-Korp li xogħol tagħhom huwa bl-unifomi, huma ntitolati għall-uniformi tas-sajf u oħra tax-xitwa kull sena. Dawk li x-xogħol tagħhom huwa pajżana, l-uniformi tingħatalhom kull għaxar snin jew qabel jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Silent Drill Team tal-Pulizija — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-preżent fis-Silent Drill Team tal-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30957.

Korp tal-Pulizija — konsultazzjoni fuq l-isplit shift

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret mal-ispetturi tal-Korp tal-Pulizija qabel ma ddaħħlet is-sistema tal-isplit shift?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li nagħmel referenza għat-tagħrif li jien tajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31168, għandu jingħad illi dan is-suġġett kien ġie diskuss waqt waħda mil-laqgħat li l-Kummissarju kellu mas-Supretendenti tad-Distretti, fejn kienu ġew infurmati bl-introduzzjoni ta' din il-miżura.

Attivitajiet kulturali mtellgħin mill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew iffinanzjati l-lokalitajiet kollha sabiex itellgħu l-attivitajiet kulturali għas-sena d-dieħla cioè is-sena 2012 u fuq liema kriterji qed jingħata dan il-finanzjament? Liema huma l-kunsilli li applikaw biex jibbenefikaw minn din l-iskema? Liema huma l-kunsilli li se jgawdu minn din l-iskema? Meta mistennija li ssir kull attività kulturali? Kemm hu previst li se tqum kull attività kulturali ? Kemm hu mistenni li joħroġ il-Gvern Ċentrali għal kull attività u kemm hu mistenni li joħrog il-kunsill għal kull attività?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-għażla tal-attivitajiet kulturali li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant saret a bażi ta’ kriterji stabiliti u ppublikati f’Memo 65-2011 u li l-Onorevoli Interpellant diġa għandu kopja tagħha peress li jirċievi l-Memoranda kollha li joħroġ id-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Memo 65-2011 u l-linji gwida li semmejt . Hekk kif id-Dipartiment irċieva l-applikazzjonijiet Bord maħtur apposta evalwa l-applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali u aġġudikahom skont il-kriterji li semmejt. Taħt l-iskema Inizjattivi ta’ Attivitajiet 2012, il-Kunsilli Lokali se jkunu qed jorganizzaw 65 attività kulturali differenti – 50 f’Malta u 15 f’Għawdex – maħsuba biex jippromwovu l-identitajiet u l-wirt storiku tal-lokalijiet rispettivi, jattiraw aktar viżitaturi fosthom turisti, jiġġeneraw aktar kummerċ u jagħtu aktar spazju lill-artisti lokali biex jesebixxu x-xogħlijiet u t-talenti tagħhom. Permezz ta’ din l-iskema, li ħarġet għar-raba’ sena konsekuttiva, hu stmat li l-Gvern se jkun qed jinvesti madwar miljun u mitejn elf ewro (€1.2 miljun). 56 attività huma organizzati bejn 49 Kunsill Lokali. Seba’ Kumitati Amministrattivi, fosthom tlieta Għawdxin, bejniethom se jorganizzaw tmien attivitajiet kulturali oħrajn, waqt li l-Kumitat Reġjonali għal Għawdex se jkun megħjun biex jorganizza attivitajiet li jikkommemoraw Jum Għawdex. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija għall-mezzi tax-xandir maħruġa mid-Dipartiment għall-Informazzjoni li tinkludi fiha kalendarju ta’ dawn l-attivitajiet kif ukoll tabella li tindika kif se jitqassam il-finanzjament għal kull attività magħżula. Intant hu impossibli li f’dan l-istadju nkunu nafu kemm ser tiswa’ kull attività. Dan ikun jista’ jingħad wara li jsiru l-attivitajiet jekk issir talba u tinġabar l-informazzjoni mingħand il-Kunsilli Lokali.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — proposta biex jinqasam il-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta li qed issir biex il-Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern jinqasam fi tnejn? Jista' jgħid jekk qattx kien ikkonsultat qabel ma din il-proposta saret pubblika meta fil-bidu ta’ Diċembru 2011 il-Prim Ministru tkellem dwarha fuq it-televiżjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Jiena nirrispetta l-provvediment kostituzzjonali li jistipolaw li t-tqassim tal-Ministeri huwa l-prerogattiva esklussiva tal-Prim Ministru.

kunsilli lokali — allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-allokazzjoni finanzjarja ta' kull kunsill lokali u kumitati amministrattivi għas-sena 2012 imqassma skont il-funzjoniet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-allokazzjoni finanzjarja ta’ kull kunsill lokali imqassma skont il-funzjonijiet għas-sena 2012. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allokazzjoni tal-Kumitati Amministrattivi, li hija inkluża fl-allokazzjoni tal-kunsilli rispettivi, għadha qed tinħadem. Nixtieq ngħid ukoll, illi, b’konsegwenza tar-reviżjoni li sar fl-estimi tal-gvern jista' jkun hemm xi aġġustamenti ukoll fl-allokazzjoni tal-kunsilli lokali.

Investigazzjoni dwar serqa

Question

Rigward is-serqa mid-dar tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet, partikolarment fir-rigward ta' video cameras fil-viċin li rnexxielhom jgħinu fl-identifikazzjoni tal-aggressur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, il-Pulizija għadha għadejja bl-investigazzjoni dwar is-serqa minn fuq il-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Korp tal-Pulizija — każijiet ta' effett ta' xorb alkoħoliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2010, 2011 u 2012 s'issa kemm kien hemm każijiet fejn xi membru jew membri fil-Korp tal-Pulizija nstabu taħt l-effett ta' xorb alkoħoliku eċċessiv? X'passi ttieħdu dwar dawn il-membri tal-korp?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm żewġ każi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija nstabu li kienu taħt l-effett ta’ xorb akoħoliku eċċessiv. Infurmat ukoll illi ttieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn iż-żewġ membri tal-Korp.

Kap tas-Servizz tas-Sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk irtirax l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, minn Kap tas-Servizz tas-Sigurtà? Min ħa postu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-individwu li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant irtira biż-żmien mill-grad sostantiv tiegħu iżda għad għandu kuntratt in vigore biex jaqdi l-funzjoni ta’ Kap tas-Servizz tas-Sigurtà.

ħabsin taħt l-effett tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu ħabsin taħt l-effett tad-droga mis-sena 1998 sas-sena 2011, sena b’sena b’mod separat? Kemm minnhom tressqu l-qorti? F’liema diviżjoni jew sezzjoni nstabet id-droga f’kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi għall-perijodu ta' bejn l-2000 u l-2003 ma kienetx tinżamm statistika, għalhekk l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tingħata għall-perijodu ta' bejn l-2004 u l-2011 fit-tabella t'hawn taħt:- Sena Priġunieri li nstabu Posittivi Pri[unieri li rrifjutaw jaghmlu t-test tal-urina 2004 50 11 2005 101 34 2006 52 44 2007 65 64 2008 110 78 2009 17 24 2010 2 1 2011 3 1 Infurmat ukoll illi meta priġunier jinqabad taħt l-effett tad-droga jew jirrifjuta li jsirlu t-test tal-urina jittieħdu passi dixxiplinari kontra tiegħu skont ir-Regolamenti tal-Ħabs u mhux jitressaq il-Qorti.