Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35078 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Intern

Feedback negattiv rigward Union tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mil-liema Assoċjazzjonijiet ta' Pulizija madwar l-Ewropea huwa rċieva feedback negattiv dwar proposta għat-twaqqif ta' Union tal-Pulizija li tinsab f'Abboz ta' Liġi u jekk il-Korp tal-Pulizija kienx diġà oġġezzjona għall-istess proposta qabel ġiet inkorporata fl-Abboz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, filwaqt li bħal ma ntqal fit-tweġiba għad-Domanda Parlamentari Numru 34415, kien hemm korrispondenza minn diversi Assoċjazzjonijiet tal-Pulizija fl-Ewropa dwar id-dritt tal-Pulizija li jissieħbu f’Union. Sa issa, għar-rigward tal-proposta speċifika li tinsab f’Abbozz ta’ Liġi, waslet korrispondenza biss mingħand l-Albanian State Police Union li talbet li l-liġi proposta tkun rikonsidrata.
Leg 11 PQ #35079 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — overtime dovut lill-membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu dovut f'overtime lill-membri tal-Korp tal-Pulizija u meta se jitħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi bħala regola ġenerali l-ħlas ta' l-overtime lill-membri tal-Korp tal-Pulizija jsir xahrejn b'lura minħabba raġunijiet amministrattivi. Fil-fatt l-overtime li nħadem f’April ta’ din is-sena u li jammonta għall €61,661 ser jitħallas mal-paga tas-16 ta’ Ġunju. Infurmat ukoll illi l-overtime dovut għal-xogħol li sar in konnessjoni mal-elezzjonijiet ta’ Marzu, li jammonta għall €57,871, ser jitħallas mal-paga tal-14 ta’ Lulju 2012.
Leg 11 PQ #35093 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: PHILIP MIFSUD To: Ministeru tal-Intern

Ħaż-Żebbuġ — resurfacing ta' toroq fiż-żona ta' Ħal Mula

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34674 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta beda x-xogħol ta' resurfacing ta' toroq fiż-żona magħrufa bħala Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ Malta? Jista' jgħid meta dan ix-xogħol kien skedat li jitlesta? Jista' jagħti r-raġuni għaliex ix-xogħol ilu tant wieqaf b'inkonvenjent kbir għar-residenti taż-żona? Jista' jgħid x'azzjoni ħa jew qed jieħu l-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ fil-konfront tal-kuntrattur ikkonċernat? Jista' jgħid jekk il-kuntrattur għandux penali minħabba dewmien, kemm huma l-penali u jekk dawn il-penali hux qed jiġu nfurzati? Jista' jinforma l-Kamra dwar jekk hemmx pjan ta' kontinġenza u jekk ittieħdetx deċiżjoni jekk ix-xogħol hux se jitkompla mill-istess kuntrattur jew le? Hemm data definita ta' meta x-xogħol se jitlesta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ li x-xogħol ta’ resurfacing ta’ toroq fiż-żona magħrufa bħala Ħal Mula f'Ħaż Żebbuġ beda f’Lulju 2011 u skedat li jitlesta dan ix-xahar (Ġunju 2012). Jirriżulta li l-kuntrattur waqaf mix-xogħol minn jeddu minn tal-anqas tliet darbiet. Dan ġara f’Diċembru 2011, f’Jannar 2012 u anke fi Frar 2012. Il-kuntrattur waqqaf ix-xogħolijiet tiegħu fis-16 ta’ Marzu 2012. Fl-ebda mument ma kien il-Kunsill Lokali li waqqaf ix-xogħolijiet. Il-Kunsill Lokali kiteb uffiċjalment lill-kuntrattur minnufih wara l-ewwel waqfien fl-14 ta’ Diċembru 2011. F’laqgħa li saret bejn il-Kunsill u rappreżentant tal-kuntrattur fit-28 ta’ Marzu 2012, dan informa lill-Kunsill li, b’deċiżjoni tad-diretturi tal-kumpanija, r-riżorsi tal-kumpanija li kienu qed jintużaw f’Ħaż-Żebbuġ kienu se jiġu trasferiti fuq proġetti oħrajn li, skont il-kuntrattur, kellhom deadlines aktar stretti u multi aktar għoljin u li ma kienx se jkompli bix-xogħol qabel l-aħħar ta’ Mejju 2012. Ir-rappreżentanti tal-Kunsill f’din il-laqgħa mill-ewwel informaw lill-kuntrattur li dan ma kienx aċċettabli. Dan kien mill-ġdid konfermat b’mod unanimu mill-Kunsillieri kollha, fil-laqgħa tat-12 ta’ April 2012. Għalhekk il-Kunsill ddeċieda li jipproċedi kontra l-kuntrattur skont il-kuntratt tax-xogħolijiet. F’dan id-dawl allura li l-kuntrattur kien naqas milli jonora l-ftehim fil-kuntratt, il-Kunsill b’mod unanimu ddeċieda li jsarraf il- performance guarantee fuq il-kuntratt. Il-kuntratt jipprevedi wkoll penali ta’ tnejn fil-mija (2%) tal-valur tax-xogħol li jkun għadu mhux lest għal kull ġurnata li l-kuntrattur idum aktar mid-data stabbilita għat-tmiem tax-xogħolijiet. Din il-penali għada ma ġietx implimentata. Biex jitnaqqas l-inkonvenjent, il-Kunsill b’mod regolari qiegħed ixarrab it-toroq permezz ta’ bowżer tal-ilma. Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ltaqa’ l-aħħar mal-kuntrattur nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Mejju 2012. Waqt din il-laqgħa kien miftiehem li l-kuntrattur jgħaddi lill-Kunsill programme of works ta’ kif fi ħsiebu jkompli x-xogħolijiet. Dan il- programme of works se jiġi diskuss waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali għada t-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2012.
Leg 11 PQ #35138 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — seduti recorded

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk is-seduti tal-kunsilli lokali jistgħux jiġu rekordjati skont il-liġi? Jekk iva, min hu awtorizzat li jirrekordja tali laqgħat u kif jistgħu tali recordings jiġu użati b'mod legali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont Art. 14 a (9) tal-Ordnijiet Permanenti tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363 – Sitt Skeda) “Kunsill jista’, b’riżoluzzjoni, japprova r-rekordjar jew reġistrazzjoni oħra ta’ proċedimenti għall-iskop uniku li jiġi faċilitat l-abbozzar tal-Minuti. Dawk ir-reġistrazzjonijiet kollha jistgħu jitħassru wara li l-Minuti tal-laqgħa relattiva jkunu ġew approvati”.
Leg 11 PQ #35139 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — laqgħat trasmessi bir-radio jew internet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma r-regoli, regolamenti li jirregolaw it-transmissjonijiet bir-radio jew l-internet tal-laqgħat tal-kunsilli lokali? Liema stazzjonijiet tar-radio jistgħu jittrasmettu dawn il-laqgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kapitlu 363 li jirregola l-Kunsilli Lokali ma jispeċifika ebda regolamenti li jirregolaw trasmissjonijiet bir-radio jew l-internet tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali. Tali trasmissjonijiet, huma regolati bid-dispożizzjonijiet u r-regolamenti nazzjonali tax-xandir, sakemm isir xort’oħra.
Leg 11 PQ #35141 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

permessi biex stabbilimenti jarmaw barra

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tas-7, il-11u t-12-il distrett elettorali ħarġu permessi/awtorizzazjonijiet lil sidien ta' bars/restaurants biex dawn jarmaw barra fuq il-bankini, fit-toroq jew fil-pjazez matul din is-sena? Fejn inħarġu tali permessi u meta ħarġu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35142 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Buġibba — attività LoveSexy - bejjiegħa li ramaw fit-triq

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fl-okkażjoni tal-attività LoveSexy li nżammet f'Buġibba/Qawra, San Pawl il-Baħar fit-13 ta' Mejju 2012, kienx hemm ħruġ ta' permessi mill-Pulizija jew mill-kunsill lokali biex jarmaw operaturi ta' bejgħ ta' xorb/ikel jew attivitajiet kummerċjali oħra fit-triq? Kemm ħarġu tali permessi u minn min?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li huwa ħareġ erba’ permessi lill-operaturi ta’ bejgħ ta’ ikel u xorb jew attivitajiet kummerċjali fit-triq.
Leg 11 PQ #35150 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Intern

Gwardjani tal-ħabs — ħatja ta' reati kontra l-liġijiet tad-drogi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il gwardjani tal-ħabs instab ħati ta' reati kontra l-liġijiet tad-drogi u x'kienu l-pieni li ngħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat illi f dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm uffiċjal Korrettiv wieħed li nstab ħati ta’ pussess u traffikar ta’ droga. Kien ġie misjub ħati u weħel sentejn priġunerija.
Leg 11 PQ #35151 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Intern

Pulizija li nstabu ħatja ta' reati kontra l-liġijiet tad-droga

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il pulizija nstabu ħatja ta' reati kontra l-liġijiet tad-droga u x'pieni ngħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar 10 snin, cioe’ mill 2002 sal-lum, kien hemm tlett persuni li nstabu ħatja li, meta kienu membri fil-Korp tal-Pulizija kellhom fil-pussess tagħhom u ttraffikaw id-droga. Wieħed ingħata 10 xhur priġunerija; ieħor ingħata sentejn priġunerija u Lm800 multa; filwaqt li l-ieħor ingħata 16 il-sena priġunerija u €40,600 multa. Barra minn dan kien hemm ukoll ħdax il-persuna oħra li nstabu ħatja ta’ pussess ta’ droga. Il-piena mogħtija kienet tinkludi sentenzi sospiżi ta’ priġunerija, multi, kif ukoll liberta’ kondizzjonata.
Leg 11 PQ #35152 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Intern

Pulizija ħatja ta' traffikar tad-drogi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il pulizija nstabu ħatja ta' traffikar tad-drogi u x'pieni ngħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar 10 snin, cioe’ mill-2002 sal-lum, kien hemm tlett persuni li nstabu ħatja li, meta kienu membri fil-Korp tal-Pulizija, kellhom fil-pussess tagħhom u ttraffikaw id-droga. Wieħed ingħata 10 xhur prigunerija; ieħor ingħata sentejn priġunerija u Lm800 multa; filwaqt li ieħor ingħata 16 il-sena priġunerija u €40,600 multa.
Leg 11 PQ #35154 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Furjana — Triq l-Argotti u Triq l-Iljuni - binjiet tal-apparti - riasfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34948 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u 34770 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'żamm u x'qed iżomm milli jiġu riasfaltati t-toroq Argotti u Iljun fil-Furjana fejn tlestew ix-xogħlijiet tal-binja tal-appartamenti li diġà bdew jiġu allokati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana illi wara li sar il-bdil tas-servizzi tal-ilma, mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qed jinbidlu il-bankini bi preparazzjoni għall-asfaltar ta’ dawn it-toroq.
Leg 11 PQ #35159 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — ħabsin li ħarbu mill-ħabs

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm ħarbu ħabsin mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u kemm damu hekk maħruba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35168 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tal-Intern

Kirja tal-Ġnien ta' Hastings

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34532, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi min ingħata permess għall-użu ta' dan il-ġnien u kemm tħallas flus għal dawn il-permessi f'dawn l-aħħar erba' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35209 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — deficit

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm kunsilli lokali li matul is-sena finanzjarja li għadha kemm għalqet, li għamlu deficit fil-budget tagħhom? Jekk fl-affermattiv min huma l-kunsilli lokali, x'kien l-ammont tad-deficitu jekk hemmx raġuni għal dan in-nuqqas serju? X’passi biħsiebhom jittieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-iżbilanċ finanzjarju fil-working capital tal-audited financial statements għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011. L-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li l-ġbir tal-informazzjoni relatata tirrikjedi riżorsi konsiderevoli speċjalment fid-dawl li żewġ Kunsilli Lokali u tliet Kumitati Reġjonali għadhom ma ssottomettewx l- audited financial statements tagħhom minkejja li kellhom jagħmlu dan sat-2 ta’ Mejju 2012. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur għadhom qed jikkumpilaw l-informazzjoni mill- audited financial statements riċevuti u allura nkun f’pożizzjoni li nwieġeb din il-Mistoqsija Parlamentari hekk kif dan l-eċerċizzju jkun komplut.
Leg 11 PQ #35210 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali li weħlu multa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm kunsilli lokali li bejn Jannar 2011 sal-lum weħlu xi multa/penali ta’ kull xorta mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali ? Jekk fl-affermattiv, min huma l-kunsilli lokali, x'inhu l-ammont ta' kull multa u x'inhuma r-raġunijiet għall-istess multa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35231 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kumitat amministrativ ta’ Paceville

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilu ma jiltaqa' l-kumitat amministrativ ta’ Paceville? Kien hemm riżenji f’dan il-kumitat? Hemm chairperson fuq dan il-kumitat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv ta’ Paceville, li ċ-Chairperson tiegħu huwa s-Sur Richard Scicluna, saret it-Tnejn 28 ta’ Mejju 2012. Intant kien hemm riżenja ta’ membru wieħed minn dan il-Kumitat Amministrattiv.
Leg 11 PQ #35232 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali tal-Fontana — ħinijiet tal-uffiċċju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min u kif qed jiftaħ il-Kunsill Lokali tal-Fontana? Jista’ jgħid jekk hux qed jiftaħ is-Sibtijiet? Jekk le, x’passi ttieħdu mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali? Jista’ jgħid kemm kien hemm segretarji eżekuttivi (jew aġenti segretarju eżekuttivi) f’dan il-kunsill tul dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fontana li l-uffiċċju tiegħu jkun miftuħ mis-Segretarju Eżekuttiv mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.30 am sal-4.00 pm matul ix-Xitwa, u mis-7.00 am sas-1.00 pm matul is-Sajf. Nhar ta’ Sibt il-Kunsill jiftaħ mit-8.00 am sal-11.30 am mill-impjegat assenjat lill-Kunsill mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali. Tul dawn l-aħħar erba’ snin il-Kunsill kellu sitt Segretarji Eżekuttivi (jew Aġenti Segretarji Eżekuttivi).
Leg 11 PQ #35233 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali ta’ Birkirkara — sitwazzjoni finanzjarja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi qiegħed jieħu d-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jsegwi l-qagħda finanzjarja ta’ kull kunsill lokali u jara li jimxu mal-provedimenti legali finanzjarji. Infurmat li f’dan id-dawl il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara approva pjan ta’ azzjoni sabiex inaqqas id-deficit tiegħu.
Leg 11 PQ #35234 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Dipartiment tal-Gvern Lokali — ittri mhux imwieġba

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn meta tintbagħat ittra lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali ħafna drabi ma tkunx imwieġba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, bħal kull dipartiment ieħor u bħal kull entità oħra tal-Gvern, jibgħat acknowledgement għall kull korrispondenza li jirċievi, sakemm din ovvjament ma tkunx anonima. Ikun tajjeb għalhekk li l-Onorevoli Interpellant, jekk dejjem għandha xi każ jew ċirkostanza partikolari, tgħaddili d-dettalji sabiex nanalizzha.
Leg 11 PQ #35235 Sitting 486 2012-06-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — nies li jagħmlu xogħol ta' accountants

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ accountants mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, Tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m'hemmx kuntratt, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u jgħid il-kriterji li ntużaw biex tintagħżel il-persuna kkonċernata u kemm dawn jitħallsu fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Intant infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor kopja tal-kuntratti mitluba mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi. Inkun nista’ npoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jintemm dan l-eżerċizzju.