Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — remunerazzjoni tal-konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm konsulenti mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha? Min huma u x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull wieħed minnhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar il-labour force

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward tal-Labour Force għax-xhur ta' Ġunju u Lulju 2011, separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istatistika dwar il-Labour Force għax-xahar ta’ Ġunju għadha ma ġietx ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, filwaqt għax-xahar ta’ Lulju għadha qed tinħadem qabel ma tiġi ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.

Persuna li mhux intitolat għas-somma

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, u li jaħdem bħala general hand fl-istores u li wasal biex joħroġ bil-pensjoni, ġie infurmat li mhux intitolat għas-somma meta persuni li daħlu warajh se jeħduha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar — appartamenti riservati għas-single mothers

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk fl-Imtarfa hemmx xi appartamenti ġodda tal-Awtorità tad-Djar li huma riservati għas-single mothers? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li se jinħarġu għall-pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għandha proprjetà vakanti ġdida ġewwa l-Imtarfa li se tiġi mibjugħa taħt avviż pubbliku fix-xhur li ġejjin. Persentaġġ ta’ din il-proprjetà, bħal dejjem, tkun riservata wkoll għall-familji bit-tfal.

Servizz ta' trasport għall-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa s-servizz ta' trasport għall-iskejjel matul is-sena li għaddiet? Kemm hu kkalkulat li ġej jiswa din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-infieq għas-servizz ta’ trasport għall-iskejjel matul is-sena li għaddiet kienet ta’ €3,700,185. Din is-sena se jiġi jiswa €5,458,911.91.

Fond għat-Taħriġ fl-Intraprenditorija — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta twaqqaf il-Fond għat-Taħriġ fl-Intraprenditorija u x’inizjattivi ttieħdu b’rabta mat-twaqqif tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) m'għandha l-ebda fond għat-Taħriġ fl-Intraprenditorija. Madanakollu l-ETC għandha l-iskema INT (Ibda Negozju Tiegħek) li ġiet introdotta mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ bil-ħsieb li tgħin persuni li jkunu jixtiequ jibdew negozju. Din l-iskema tikkonsisti f`pariri, Taħriġ dwar kif tmexxi l-impreditorija u suġġetti oħra relatati u għajnuna finanzjara f’forma ta’ grant u mentoring . Il-klijenti jiġu mħeġġa jirriflettu fuq il-vijabilita tan-negozju li huma jkunu jixtiequ jibdew. Dan jiġi segwit b’taħriġ intensiv li joffri l-parteċipanti b’tagħrif u ħiliet dwar kif jmexxu negozju, aspetti legali ta’ intraprizi żgħar, kif tmexxi ir-riżorsi umani u dawk fiżiċi, aspetti ta’ Marketing , obligi finanzjari u kontrolli kif wkoll kif wieħed jagħmel Business Plan . Wara it-taħriġ il-parteċipanti jkunu mħeġġa jagħmlu u jippreżentaw pjan għan negozju tagħhom u jekk dan jinstab li huwa tajjeb jingħataw grant ta’ madwar Ewro 2300. Barra minhekk dawk li jaslu sa din il-fażi ikollhom is-servizz ta’ Mentor biex jgħinhom fil-fażi inizjali tan- negozju. Matul din is-sena il-Korporazzjoni ser torgannizza tlett programmi bil-ħsieb li tħarreġ madwar 45 persuna.

Għaqdiet mhux Governattivi — rati ogħla fi Ħdud, Festi Pubbliċi u sigħat ta' overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għaqdiet volontarji mhux governattivi għandhomx il-faċilità li ma jħallsux il-ħaddiema tagħhom b'rati ogħla fi Ħdud, festi pubbliċi jew meta jaħdmu sigħat ta' overtime?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

ETC — persuni b'diżabilità impjegati mal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm huma, skont l-informazzjoni miġbura mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, il-persuni li għandhom xi diżabilità li huma impjegati mal-gvern, mal-privat, inkella f'xi kumpanija parastatali jew Awtorità rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ dwar persuni li għandhom xi diżabilità (RDP Register) u li kienu jaħdmu sa l-aħħar ta` Mejju 2011 fuq bażi full jew part-time, kien hemm 1,246; 720 jaħdmu mal-privat, 389 jaħdmu mal-gvern u 137 jaħdmu f’xi kumpanija parastatali jew awtorità.

Tfal tal-iskejjel primarji — Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal fl-iskejjel primarji tal-gvern fis-7, 11 u 12-il distrett elettorali li għandhom l-għajnuna tal-Learning Support Assistants fil-klassi? Tista' tagħti ukoll l-istess informazzjoni għal dawk li huma skejjel mhux governattivi, jekk tali informazzjoni tinġabar mill-Ministeru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

persuni ngaġġati biex jieħdu ħsieb tfal fin-nurseries

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi kwalifiki huma meħtieġa għall-persuni li qegħdin jiġu ngaġġati sabiex jieħdu ħsieb tfal żgħar fin-nurseries li qegħdin jinfetħu mill-gvern f'diversi lokalitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- iStandards Nazzjonali għall- Faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il- Jum (2006) jistabbilixxu l-kwalifiki meħtiega minn carer u manager f’childcare centres. Skont dawn l-iStandards, il- carer għandu/ha jkollu/ha Kwalifika Livell Akkreditat ta’ Taħrig u Edukazzjoni fiċ-childcare. L-iStandards jistabbilixxu li l- manager għandu/a jkollu/ha kwalifika fiċ-childcare u taħrig fil-management jew Amministrazzjoni. Id-Dipartiment għall-iStandards fil- Ħarsien Soċjali qed jaħdem mal- Kunsill Malti għall-Kwalifiki sabiex jistabilixxu l- livell meħtieġ għal dawn iż-żewġ rwolijiet skont il-Qafas Malta għall-Kwalifiċi. Id-Dipartiment għall-iStandards fil- Ħarsien Soċjali u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki qed jaħdmu wkoll fuq Occupational Standards li jgħinu lin-nies li jixtiequ jaħdmu u kif ukoll jimpjegaw jew joffru taħriġ f’dan il- qasam.

Università ta' Malta — capping

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se tagħmel dwar il-fatt li l-capping qed imur kontra l-liġijiet eżistenti tal-Edukazzjoni, l-avviżi legali li jirregolaw l-admissions għall-Università, partijiet relevanti mill-General Regulations tal-Admissions tal-Università u mill-B.Ed Course Regulations, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rekwiżiti tal-Istatut 1.3 ma japplikawx għal meta l-għadd tal-istudenti li jistgħu jidħlu f’kors ikun limitat għax dan ma jeffettwax il-kwalifiki meħtieġa biex wieħed jidħol f’kors. Dwar il-provvediment 8 tal-ordinamenti tal-kors għall-B.Ed (Hons), l-Università avżat is-suġġetti li kienet qed toffri fil-kors fit-30 ta’ Ġunju 2011. L-Universita’ ma setgħetx tavża n-numru ta’ postijiet għat-Teaching Practice dakinhar għax l-iskejjel ma jkunux għadhom f’pożizzjoni li jagħtu din l-informazzjoni. L-applikazzjonijiet regolari ntlaqgħu sat-22 ta’ Lulju 2011 u applikazzjonijiet tard baqgħu jintlaqgħu sal-20 ta’ Settembru 2011. L-għadd ta’ postijiet disponibbli f’kull suġġett ġew avżati fis-16 ta’ Settembru 2011. L-Università ma ħarġitx in-numri qabel għax baqgħet tipprova ssib aktar postijiet permezz ta’ kuntatti kontinwi mal-iskejjel tal-istat, tal-knisja u privati.

ETC — strike-offs

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont xahar b'xahar ta' kemm kien hemm strike-offs mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bejn Ottubru 2010 u Settembru 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC — employment services - Korsijiet finanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Peress li s-sena d-dieħla se jibdew jagħlqu l-korsijiet li huma ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, tista' l-Ministru tgħid hux minnu li wħud mill-iskemi se jispiċċaw bla fondi? Fir-rigward tal-fondi għas-snin ta' wara, xi pjanijiet hemm ta' kif se jiġu ffinanzjati tali skemi sabiex isostnu l-operat tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ l-iżjed fis-settur tat-taħriġ u l-employment services?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qiegħda f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati sabiex jiġu estiżi l-budgets u l-perjodi tal-iskemi ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Hemm indikazzjonijiet tajba li dawn it-talbiet jiġu milqgħuha. Wara s-sena 2013 jibda perjodu ġdid ta’ programmi ta’ użu tal-Fond Soċjali Ewropew. Xogħol fuq dan l-ippjanar għadu qed isir.

persuna bix ikollha l-blue sticker

Question

Tista' l-Ministru tara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li għandha diżabilità, tingħata l-blue sticker peress li din tkun ta' għajnuna kbira għall-ġeneturi tagħha li jridu jieħdu ħsiebha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna msemmija kwalifikat għall-Blue Badge Service fuq bażi temporanja għall-3 snin.

Applikazzjoni għal social housing

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu jżomm milli l-applikazzjoni tat-30 ta' Jannar 2001 rigward il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, dwar social housing tiġi proċessata u ndirizzata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni tal-persuna in kwestjoni hija proċessata mal-kumplament tal-lista għall-akkomodazzjoni alternattiva. Is-sinjura qiegħda tħallas kera ta’ €1, 816. 92 fis-sena però tibbenefika minn sussidju mill-Awtorità tad-Djar fuq din il-kera li jammonta għall- €966.69.

Kap tal-Bord Editorjali — passi kontra l-PBS

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet fejn il-Kap tal-Bord editorjali ħa passi kontra xandara tal-Public Broadcasting Services talli kisru l-imparzjalità fix-xandir tagħhom fuq l-istazzjon tal-Istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-ħatra tiegħu minn Mejju tat-2008, il-Kap tal-Bord Editorjali tal-PBS dejjem ħa l-passi meħiteġa fil-konfront ta’ xandara. Kull meta kien hemm il-ħtieġa skont deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir, kemm jekk l-Awtorità ħasset li kella tilqa’ l-ilment imressaq quddiema parzjalment jew fit-totalità tiegħu. Dan minkejja li l-awtorità qatt ma ħasset il-ħtieġa li f’allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ imparzjalità fix-Xandir timponi sanzjoni aktar impenjattiva mill-qari ta’ sunt tad-deċizjoni tagħha. Eżempji tal-passi li ttieħdu f’każijiet minn Mejju tal-2008 ‘l hawn huma: 1. Ir-rimarki tal-Awtorita’ tax-Xandir dwar il-ħtieġa ta’ policy dwar ir-rappurtagg mill-Parlament. Saret diskussjoni dwar din il-ħtieġa u jidher ċar li fil-fatt il- policy diġa kienet teżisti. 2. Deċiżjoni li tabelli mxandra mill-preżentatur kienu jirrappreżentaw kalkoli tiegħu (flimkien mal-għarfien li dawn gew ikkorreguti ‘on air’ minn esperti fil-programm ta’ wara) Il-prezentatur ingħata struzzjonijiet biex meta jipprezenta tabelli jaghmilha cara jekk dawn ikunu uffiċjali u jekk le għandu jintqal dan b’mod ċar u għandhom jintużaw biss biex jixprunaw id-diskussjoni. 3. Deċiżjoni li wara intervista minn Membru Parlmentari li fiha ssemmew disa’ Membri Parlamentari oħra, li meta dawn intbattilhom email b’mistoqsijiet dwar il-kontenut u ma wieġbux imissu saret intervista individwali magħhom, il-preżentatur ingħata struzzjonijiet biex isegwi il-linja gwida fil-futur. 4. Id-deċiżjoni li n-nuqqas tas-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista li ma jattendix għall-programm ma kellux jipprekludi lill-preżentatur li jistieden kelliem ieħor uffiċċjali tal-Partit Laburista. Il-preżentatur ġie mogħti struzzjonijiet biex dejjem jimxi fuq din il-linja. Fil-każ ta’ deċizjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-allegazzjoni ta’ żbilanc meta id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin kien l-uniku mistieden waqt programm ma ttieħdet l-ebda azzjoni peress li din id-deċiżjoni qed tkun ikkontestata fil-Qorti. Meta jkun hemm deċiżjoni mill-Qorti jittieħdu l-passi kollha li jkunu meħtieġa fid-dawl tad-deċiżjoni.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Tista' tgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Tista' tgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, tista' tgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minbarra dik tad-Direttorat Servizzi Korporattivi, Kunsill Malti għall-iSport, Università ta’ Malta.

Furjana — Triq Sant' Anna - soluzzjoni rigward l-istallar ta' lift fl-appartamenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx soluzzjoni rigward l-istallar ta' lift fl-appartamenti tal-Gvern f'1 Triq Sant'Anna, Furjana peress li dan hu l-uniku blokk flats taħt il-loġoġ li għadu bla lift? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jsir dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta kienet saret applikazzjoni mill-inkwilini tal-fond imsemmi, ma kinitx instabet soluzzjoni mal-MEPA għall-istallazjoni tal-lift. Madwar sitt snin wara, kien instab kompromess mal-istess MEPA għall-istallazjoni tal-liftijiet fi blokki oħra simili fil-viċin. Minħabba tibdil fil-ċirkustanzi, għalhekk, l-Awtorità tad-Djar tħeġġeġ lill-inkwilini tal-fond javviċinawha sabiex ikun jista’ jiġi nstallat lift fil-binja tagħhom ukoll.

Cheque tal-pensjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ilu jirċievi cheque tal-pensjoni ta’ €104.07 għal dawn l-aħħar 25 sena meta skont riċerki li saru ġie verifikat li huwa intitolat għal aktar? Tista' tgħid għaliex wara żewġ ittri li intbagħtu lid-Dipartiment tat-Teżor, għadu bla risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

PBS — Bord Editorjali

Question

Peress li riċentament għal ċertu korrispondenza indirizzata lill-editur reġistrat tal-Public Broadcasting Services wieġeb il-bord editorjali, tista' l-Ministru tgħid jekk din kinitx xi ħaġa okkażjonali jew jekk itteħditx deċiżjoni li jitneħħa l-editur reġistrat biex ir-responsabilità tgħaddi f'idejn il-bord editorjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-prassi hi li l-editur iressaq il-korrispondenza dwar kontenut tal-programmi għad-diskussjoni mill-Bord Editorjali u wara tintbagħat tweġiba.