Vot tal-Pulizija — tnaqqis ta' finanzi sostanzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-vot tal-pulizija kellu tnaqqis ta' finanzi sostanzjali matul dawn l-aħħar għaxar snin meta paragunat mas-snin ta' qabel?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-affermazzjoni li qiegħed jagħmel ma tirrizultax peress li l-Vot tal-Pulizija żdiet kontinwament matul is-snin li qed jagħmel referenza għalihom.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn sentenza, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għadha ma ġietx esegwita mill-Kummissarju tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuna soġġetta għall-mandat imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienet bidlet ir-residenza minn dik indikata fil-mandat, però issa din ġiet rintraċċata u l-mandat ġie eżegwit.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Pulizija għadhom ma ħadux passi kontra l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, wara diversi rapport, sitta b’kollox magħmula minn persuni, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu fil-konfront tiegħu u meta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fejn irriżulta li kienu ġew komessi xi reati kriminali mill-persuna msemmija, il-Pulizija ħarġet it-taħrikiet. Hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti mas-seduta tad-Distrett u dawn qegħdin appuntati għas-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2011. Ġie ppreżentat rikors mill-Pulizija sabiex dan il-każ jinstema’ f’data ferm aktar viċina.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' reati kriminali li kienu rapportati fil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokalità lokalità fl-2009, l-2010 u 2011 sa Mejju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
San Pawl il-Baħar — persuni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin
Question
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar in-numru ta' persuni li preżentament jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Kemm hemm minnhom li huma Maltin u kemm minnhom li huma barranin? Kemm hu n-numru ta' Maltin u barranin rispettivament li qegħdin fil-faċilità u li ġejjin minn San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba, Qawra, Burmarrad u Xemxija)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent in-numru ta' persuni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin huwa 374 Maltin u 214 barranin. Infurmat ukoll illi minn dawn in-numru ta' Maltin u barranin li ġejjin minn San Pawl il-Baħar huwa ta' 17 u 25 rispettivament.
annullamenti ta' żweġijiet mill-Knisja li ma ġewx rikonoxxuti mill-Qrati ta' Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet ta' annullamenti ta' żweġijiet mill-Knisja li ma ġewx rikonoxxuti mill-Qrati ta' Malta? Jekk, iva kemm kienu? Meta sar dan ir-rifjut ta' rikonoxximent mill-istat? X'raġunijiet ingħataw biex dawn ma jiġux rikonoxxuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Mill-2004 (is-sena li fiha bidet tinżamm din l-istatistika), ninsab infurmat illi kien hemm ħames każijiet ta’ annullamenti ta’ żweġijiet mill-Knisja li ma ġewx rikonoxxuti mill-Qrati ta’ Malta. Dawn huma s-segwenti:
Sena
Numru
Raġuni
2004
2
Każ 1 - Ma tħarisx id-dritt ta’ smigħ xieraq quddiem it-Tribunal Metropolitan (wieħed mill-partijiet u ċioe’ l-attriċi ma kienetx preżenti waqt is-seduti ta’ dan it-Tribunal)
Każ 2 – Id-dokumenti ppreżentati ma kinux awtentikati
2007
1
Diġa’ kien hemm annotazzjoni fiċ-Ċertifikat taż-Żwieġ li dan iż-żwieġ kien dikjarat null u bla effett mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili.
2009
1
Diġa’ kien hemm annotazzjoni fiċ-Ċertifikat taż-Żwieġ li dan iż-żwieġ kien dikjarat null u bla effett mill-Qorti Ċivili.
2010
1
Kien hemm sentenza kontrarja bejn il-partijiet li saret
res judicata
Jista' l-Ministru jikkonferma li ġew ivvotati flus biex jitħallsu l-arretrati li għandhom jieħdu l-Pulizija mill-2003 sal-2010? Jista' jgħid kemm hija din is-somma vvotata? Jista' jgħid jekk l-arretrati humiex se jingħataw lil kull persuna li serviet fil-korp f'dan il-perjodu jew inkella jista' jispjega kif u lil min se jingħataw dawn l-arretrati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26114.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23183, 21426 u 25735, jista' l-Ministru jgħid:
a) meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-kummissarju li jitratta l-każ dwar it-refuġjati;
b) jekk sarx appell minnha;
ċ) meta sar dan l-appell u x'inhu t-terminu meta għandu jsir dan l-appell; u
d) normalment kemm jdum biex jiġi deċiż appell simili u wara d-deċiżjoni tal-appell jekk din tikkonferma s-sentenza tal-kummissajru, x'jiġri mill-persuna kkonċernata li l-appell tagħha għall-istatus ta' refuġjat tkun ġiet miċħuda?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, id-deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati ttieħdet fis-7 ta' Mejju tal-2011. Infurmat ukoll illi l-appell sar minn avukat privat għan-nom tagħha fil-21 ta' Mejju tal-2011. Normalment l-appelli jieħdu madwar xahar u nofs biex tittieħed deċiżjoni dwarhom. Madanakollu , dan il-perijodu jiddependi wkoll mill-volum ta' appelli li jkunu ġew reġistrati.
Peress li kull appell jiġi trattat fuq il-merti tiegħu, il-perijodu jvarja bejn każ u ieħor. F'każ li fl-appell tkun ikkonfermata d-deċiżjoni tal-Kummissarju għar-Refuġjati, l-applikant ikun eventwalment deportat lejn pajjiżu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħtux ittri lis-sidien ta' tined li joperaw ġewwa Kordin sabiex jiżgumbraw sal-aħħar ta' Lulju 2011? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw post alternattiv?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra xi programmi jeżistu li għandhom bażi psikoloġika, u li minnhom jistgħu jibbenefikaw priġunieri li joħorġu mill-ħabs sabiex dawn jintegraw ruħhom aħjar fis-soċjetà?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26162.
Jista' l-Ministru jinfomra lil din il-Kamra kemm-il darba iltaqa' l-Bord tan-Negozjar għall-Pulizija minn kemm ilu mwaqqaf u x'kienu d-dati ta' dawn il-laqgħat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' laqgħat minn kemm ilu mwaqqaf il-Bord tan-Negozjar għall-Pulizija huwa ta' 21. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dati ta' meta saru dawn il-laqgħat.
Wara li kien hemm persuni li ngħataw lura s-snieter tagħhom, wara li dawn kienu ġew elevati mingħajr ġustifikazzjoni minn Pulizija tal-Administrative Law Enforcement, jista' għallinqas l-Ministru jagħti assikurazzjoni li mhux se jittieħdu passi kontra l-kaċċaturi nvoluti, ukoll għal xejn b'xejn? Jista' jgħid jekk dawn il-kaċċaturi hux se jingħataw xi forma ta' kumpens għat-tbatija psikoloġika li għaddew minnha?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija qatt ma qabdet snieter għal xejn b’xejn kif qed jallega l-Onorevoli Interpellant. Pero’ infurmat ukol illi fil-bidu ta’ l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa li għaddiet, dawk il-kaċċaturi li kienu nstabu qed jiksru xi kundizzjoni tal-liċenzja, bħal per eżempju dawk li ma kellhomx il-liċenzja speċjali fuqhom, jew li ma kienux lebsin l-arm band, jew ma kellhomx fuqhom il-mobile sabiex jibagħtu SMS skont ir-regolamenti tal-kaċċa, dawn kien itteħdilhom is-senter skont kif jipprovdu l-istess regolamenti. Pero’ wara jumejn li kien beda l-istaġun kienet ġiet rikonsidrata l-pożizzjoni ta’ dawn il-kaċċaturi u meta ittieħed kont ta’ dawn in-nuqqasijiet, kien ġie deċiż illi l-każ tagħhom ikun trattat amministtrativament. Dan billi ingħataw twiddiba bil-miktub fejn ġew ukoll imwissija illi f’każ li jerġgħu jinqabdu bl-istess nuqqasijiet għat-tieni darba, is-senter u kull ħaġa relatata mal-kaċċa kienu ser ikunu miżmuma mill-Pulizija u jiġu esebiti fil-Qorti waqt il-proċeduri li kienu jittieħdu għal dan it-tieni każ.
Infurmat ukoll illi dawk li nqabdu b’dawn in-nuqqasijiet darba waħda biss u l-arma ġiet ritornata lilhom, mhux ser jittieħdu passi ulterjuri quddiem il-Qorti dwar dan l-istess nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni tal-liċenzja.
Kif jista' jara l-Onorevoli Interpellant il-Pulizija mhux talli m’aġixxiet għal xejn b’xejn, anzi għal kuntrarju, mxiet bl-aktar mod għaqli u prudenti fiċ-ċirkostanzi, li ma jagħti ebda lok għal xi kumpens kif qed jissuġġerixxi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kif kienu maqsuma dawn xahar b'xahar? Kif kienu maqsuma bħala nazzjonalità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames snin ta' din is-sena daħlu 1,454 immigrant irregolari f'pajjiżna. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni fid-dettal.
Jista' l-Ministru jgħarraf jekk l-arretrati għal ħlas ta' overtime dovut lill-membri tal-Korp tal-Pulizija ġewx imħallsa? Jista' jikkonferma jekk huwiex minnu li l-Gvern hu lest li jħallas frazzjoni żgħira biss mill-ammonti li huma dovuti lill-membri tal-Korp għax-xogħol li sar minnhom? U għaliex? Jekk ir-risposta għall-ewwel mistoqsija hi fin-negattiv, jista' jispjega għaliex wara li għadda daqstant żmien, il-Gvern għadu ma ħallasx dak li hu dovut lill-membri tal-Korp u qed iħalli din il-kwistjoni tkaxkar għal daqstant żmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 25896 li fiha kont spegajt li l-Amministrazzjoni tal-Korp m’għandha f’idejha ebda talba konkreta dwar ħlas ta’ overtime pendenti ma’ xi membru tal-Korp u allura ma jista’ jsir ebda ħlas ta’ arretrati li, skont rappreżentazzjonijiet li saru mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, huma allegatament dovuti. Kif indikajt ukoll fl-istess tweġiba, wara li kien sar protest ġudizzjarju minn madwar 1500 membru tal-Korp, saru diskussjonijiet mal-Assoċjazzjoni bl-intenzjoni li jinħoloq mekkaniżmu li jipprovdi soluzzjoni għal din il-kwistjoni billi jsir Bord li janalizza każ b’każ mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa ta’ proċeduri legali. Ninsab infurmat ukoll li huwa magħruf li għal aktar minn għaxar snin wara li daħal fis-seħħ il-Ftehim tal-1993, li kien jaħseb għal time off in lieu jew kumpens bi ħlas għal dawk li jaħdmu aktar minn sitta u erbgħin siegħa f’ġimgħa normali ta’ xogħol bil-ġurnata u għal dawk il-membri li jaqbżu n-numru ta’ sigħat tax-xift li jkun jaħdmu, qatt ma tressqet ebda talba għal kumpens lill-Amministrazzjoni tal-Korp. Għandu jingħad li għal żmien twil fil-Korp kienu jeżistu xiftijiet varji b’sigħat ta’ xogħol differenti u huwa fatt magħruf li kien hemm interess mill-maġġoranza tal-membri tal-Korp biex, kemm jista’ jkun, jiġu assenjati biex jaħdmu b’xiftijiet (bħal tal-24 jew 12-il siegħa) li kienu jitolbu numru aktar ta’ siegħat xogħol fil-ġimgħa, u li għalhekk kienu jagħtu lok għall-ħlasijiet akbar fir-rigward ta’ siegħat maħduma fil-Ħdud u Festi Pubbliċi li kienu ġew intitolati għalihom għall-ewwel darba fl-1993 u dan kif dettaljament spjegat fiċ-Ċirkolari interna 63/93 li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fuq dan kollu ninsab infurmat illi għalkemm saru diskussjonijiet fit-tul bejn l-Assoċjazzjoni u l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti sabiex fuq it-talba kif formolata fil-protest ġudizzjarju jintlaħaq ftehim, dan baqa’ ma sarx. Id-diskussjonijiet bejn il-partijiet għadhom mhux magħluqa u sabiex jiġi ċċarat aktar jekk hemmx dovuti, u jekk hemm, kemm huwa l-ammont attwalment dovut, ser isir proċess dettaljat tat-talbiet ta’ kull wieħed mill-persuni li ingħaqdu fil-protest ġudizzjarju. Dan kollu la ppreġudika u anqas jippreġudika li min għandu dritt jipproċedi bil-proċeduri legali skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ immigranti illegali li kienu għadhom Malta fi closed centres u f’open centres, b’mod separat, fl-aħħar t’April 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' immigranti li kienu daħlu f'Malta irregolarment u li kienu għadhom f'Malta fiċ-Ċentri Magħluqa u fiċ-Ċentri Miftuħa sal-aħħar t'April 2011 kien ta' 1048 u 2294 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fl-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010, sena b’sena, każi li fihom ġew rapportati bħala nieqsa immigranti irregolari li kienu miżmuma fil-faċilitajiet li hawn madwar il-pajjiż u li fihom jinżammu dawn l-immigranti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' każijiet li fihom ġew rapportati bħala nieqsa immigranti irregolari li kienu miżmuma fil-faċilitajiet ta' detenzjoni li hawn madwar il-pajjiż u li fihom jinżammu dawn l-immigranti huwa kif inhu elenkat hawn taħt:
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-pulizija intalbet tinvestiga abbużi fil-proviżjoni tad-dawl u l-ilma f’binja li tinsab fit-Triq Victor Denaro, fl-Imsida ? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x’passi ttieħdu sal-lum u jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu passi ulterjuri fil-futur?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dan il-każ għadu qed jiġi nvestigat.
Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar — storbju minn stabbilimenti kummerċjali
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet kull sena mill-2006 sal-lum, fejn persuni tressqu l-Qorti akkużati li kkawżaw storbju minn stabbilimenti kummerċjali li għandhom fl-inħawi ta' Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar kull sena? F'kemm minn dawn il-każijiet, min kien akkużat ġie liberat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li tressqu l-Qorti fuq akkużi dwar storbju minn stabbilimenti kummerċjali fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant u n-numru ta' dawk l-akkużati li ġew liberati huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-