Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm laneċ ta' Heritage Malta fil-baħar u fl-art, meta ngħataw jew inxtraw minn Heritage Malta, x'użu jsir minnhom u kemm hi l-ispiża tal-maintenance tagħhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li Heritage Malta għandha tliet laneċ, li kollha jinsabu fuq l-art dawn jikkonsistu f’dan li ġej:
1. Lanċa li kienet tintuża mid-Dipartiment tad-Dwana bl-isem ta’ 21 March li ngħatat bħala donazzjoni mid-Dipartiment tad-Dwana fl-2004 u li se tintuża fil-wirja permanenti tal-Mużew Marittimu wara r-restawr meħtieġ.
2. Lanċa tas-sajd bl-isem ta’
Temptation
mgħoddija mid-Dipartiment tas-Sajd fl-2005, li wkoll se tintuża fil-wirja permanenti tal-Mużew Marittimu wara r-restawr meħtieġ.
3. Lanċa żgħira tar-Royal Navy li ngħatat bħala donazzjoni minn persuna mill-Kalkara fl-2011 li se tiġi restawrata sabiex tiġi nkluża fil-wirja permanenti.
Infurmat ukoll li bħalissa m’hi qed issir l-ebda spiża fuq dawn it-tliet laneċ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex il-proċess biex f'Għawdex jitwaqqaf mużew ta' arti moderna u kontemporanja ta' livell nazzjonali? Jekk fin-negattiv, meta hu mistenni li jinbeda? Fejn hu s-sit li fuqu mistenni li jitwaqqaf dan il-mużew?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-Politika Kulturali Nazzjonali tenfasizza fuq il-ħtieġa li pajjiżna jkollu spazju għall-arti moderna u kontemporanja. B’rabta ma’ dan u mall-fatt li Malta ser tkun qed iġġorr it-titula ta’ Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, fl-2018, il-Ministeru responsabbli mill-Kultura nieda eżerċizzju biex jidentifika siti li jistgħu jakkomodaw spazji biex jesponu l-arti moderna kontemporanja. Is-siti li ġew identifikati huma fil-Belt Valletta u l-madwar tagħha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33505 u jagħti breakdown tad-dħul tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn sorsi diffrenti għas-snin 2008, 2009, 2010 u 2011?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentarui 33814 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta beda l-proġett tat-tkattir tal-għasafar tal-għana fl-Għemmieri f'Malta u f'Għawdex; x'inhu l-iskop ta' dan il-proġett, kemm-il speċi ta' għasafar tal-għana qed jitkattru u x'kienu r-riżultati ta' dan il-proġett? Kemm intnefqu flus s'issa fuq dan il-proġett u hemm ħsieb ta' xi għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea għalih?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spazji pubbliċi se jkunu nklużi fix-xogħol li qed isir fl-inħawi tal-akwarju, fl-inħawi tal-Qawra u San Pawl il-Baħar?
Response (DEMARCO, MARIO)
Filwaqt li l-proġett tal-akkwarju huwa kollu kemm hu pubbliku, għax huwa ntiż bħala attrazzjoni pubblika, hemm ċertu spazji li minn dejjem kienu maħsubin li jkunu miżjuda mal-promenade eżistenti għat-tgawdija tal-pubbliku in ġenerali. Dawn huma:
Livell mat-Triq:
estensjoni tal-promenade b’
soft
u
hard
landscaping,
5500 mtr kwdr
water features
u żona għat-tfal
żona għall-parkeġġ 4000 mtr kwdr
Livell taht it-Triq
Żona esterna b
’landscaping
u
pool
4000 mtr kwdr
Żona għall-parkeġġ sotterranja 2500 mtr kwdr
Faċilitajiet oħrajn jinkludu Diving Institute, Ristorant, Kiosk, ħanut u Tourist Information Kiosk.
Rabat — San Pawl Kuntent - permess għal żvilupp fl-għerien
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tatx permess sabiex ġewwa San Pawl Kuntent limiti tar-Rabat, jkun hemm żvilupp ta’ farmhouse u jekk is-sidien ingħatawx permess sabiex jiżviluppaw u jkissru saħansitra għerien li jinsabu fl-inħawi? Kemm-il darba ma ngħatax permess mill-awtorità sabiex isir tkissir tal-għerien, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet mis-sezzjoni tal-infurzar u meta saru?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — Ingaġġ ta' persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'diżabilità fil-Ministeru jew dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-aħħar tliet xhur u f'liema grad?
Response (DEMARCO, MARIO)
Infurmat illi ma ġewx ingaġġati persuni b’diżabilità la fil-Ministeru u lanqas fid-dipartiment tat-Turiżmu, l-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-aħħar tliet xhur.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — nefqa fuq safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32848 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-notifika formali li permez tagħha l-Kummissjoni Ewropeja għarrfet lill-Gvern Malti li kienet bdiet proċeduri legali kontra l-impjant tal-power station tal-Marsa talli dan kien qed jopera fi ksur tal-Large Combustion Plant Directive tal-Unjoni Ewropea? Jista' jikkonferma li ilu jagħmel dan sa minn Lulju tas-sena li għaddiet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-notifika formali bid-data ta’ 28 ta’ Frar 2012 li Malta rċiviet mingħand il-Kummissjoni Ewropea tifforma parti minn proċedura legali (infringement procedure) li għadha għaddeja u mhix konkluża. Il-Gvern Malti m’huwiex f’pożizzjoni li jqiegħed dan id-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra qabel mal-proċeduri jiġu konkużi. Nixtieq ukoll ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ittra tirreferi għall-parti tal-Power Station tal-Marsa u mhux għall-power station kollha.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi problemi nqalgħu fir-rigward tat-tender tal-Katakombi ta' San Pawl fir-Rabat? Jista' jikkonferma jew jiċħad jekk kienx hemm dewmien sostanzjali biex dan il-proġett jitlesta u allura jekk hemmx il-possibilità li dawn il-fondi jintilfu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li t-tender imsemmi ġie ppubblikat fil-15 t’April 2011 u l-ewwel deċiżjoni għall-kanċellazzjoni minħabba raġunijiet amministrattivi kienet ippubblikata fl-10 t’Awwissu 2011.
Wieħed mill-kuntratturi appella minn din id-deċiżjoni. L-appell instema fl-10 t’Ottubru 2011 u ntlaqa’ b’deċiżjoni ppubblikata fil-31 t’Ottubru 2011. Għalhekk reġa’ beda l-proċess ta’ evalwazzjoni, din id-darba dik teknika. Il-Bord f’dan l-istadju ukoll irrakomanda li t-tender għandu jiġi kkanċellat. Din id-deċiżjoni ġiet ippublika mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-8 ta’ Marzu 2012. Din id-darba ma’ sar l-ebda appell, iżda l-kuntrattur involut ħass li minflok għandu jibda proċeduri fil-qorti, b’mandat ta’ inibizzjoni sabiex jitwaqqaf il-proċess ta’
tendering
. Dan il-każ instema fis-27 ta’ Marzu 2012 iżda l-qorti b’deċiżjoni tat-2 ta’ April 2012 ma laqgħetx il-mandat .
It-tender għalhekk se terġa’ tiġi ppubblikata mill-ġdid mid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-ġranet li ġejjin sabiex ix-xogħol ikun jista’ jsir fiż-żmien stabbilit fil-proġett tal-ERDF.
Jista' l-Ministru jinforma liema huma l-proġetti ta' Heritage Malta li kellhom jitwaqqfu in vista tar-reviżjoni 'l isfel fil-voti/fondi li jingħataw mill-gvern lil Heritage Malta?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma sofriet l-ebda reviżjoni mill-vot kapitali mogħti lilha għal din is-sena.
Malta Enterprise — Raba tal-wara l-Fabbrika tal-Gozitano
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' trail holes u x-xogħol ieħor li milli jidher qed tagħmel il-Malta Enterprise fir-raba li hemm wara l-fabbrika tal-Gozitano fit-Triq Mġarr, Xewkija, Għawdex huwiex kopert mill-permessi neċessarji? Jekk hemm dawn il-permessi, jista' jgħid d-dettalji tagħhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma tirriżulta ebda applikazzjoni pendenti jew permess ta' żvilupp sabiex isir xi żvilupp fuq dan is-sit li hu identifikat bħala Żona Industrijali skond l-Pjan Lokali għall-Għawdex. Pero minn stħarriġ li sar mal-Malta Industrial Parks, tal-Malta Enterprise, jirriżulta illi verament kienu saru 'soil testing holes' xi żmien ilu bħala parti minn 'feasiblity studies' qabel tkun sottomessa xi applikazzjoni ta' żvilupp. Tali xogħol jikkwalifika bħal żvilupp permess mingħajr il-ħtieġa ta' notifika (DNO) taħt Classi 13. (Sondaġġ minerali u geologiku).
Jista' l-Minsitru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-Superintendent tal-Wirt Kulturali akkumpanja lill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta' Malta fiż-żjara uffiċjali tal-Italja?
Response (DEMARCO, MARIO)
Is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali akkumpanja lill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta fuq stedina u rikjesta personali tal-istess President. Waqt iż-żjara kienet inawgurata wirja ta’ xogħolijiet tal-iskultur Malti Melchiorre Gafà.
Wirt Kulturali — informazzjoni dwar nies impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati mas-Superintendenza tal-Wirt Kulturali, kemm minnhom għandhom PhD u kemm għandhom Masters u f'liema suġġetti?
Response (DEMARCO, MARIO)
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha ħdax-il impjegat (11) li minnhom disgħa (9) huma gradwati. Minn dawn il-gradwati tnejn (2) għandhom livell ta’ MA, fl-immaniġjar ta’ wirt arkeoloġiku u ta’ Siti ta’ Wirt Dinji, wieħed (1) MSc fl-osteoloġija arkeoloġika, wieħed (1) M.Phil fl-arkeoloġija u l-preistorja Ewropea u Ph.D fis-sostenibiltà fl-immaniġjar, l-użu u l-konservazzjoni ta’ monumenti ta’ Wirt Dinji.
Jista' l-Ministru jgħid, minn mindu twaqqaf il-commuted parking scheme, li tħallsu minn żviluppaturi u oħrajn fuq żvilupp ġo Ta' Sliema, cioè mill-bidu sallum, kemm huwa t-total ta' fondi tul dan iż-żmien, kemm tnefqu ġo Ta' Sliema stess u kemm għad fadal flus f'dan il-fond? Kien hemm fondi li nġabru minn ġo żviluppi f'Ta' Sliema u ġew allokati ġo lokalitajiet oħra?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33877 u jgħid jekk jinħtieġx permess sabiex sid ta' caravan ikun jista' iqatta' sajf fl-area riservata fl-Armier ? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kif jista' jinkiseb dan il-permess?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sid ta' caravan ikun jista jqatta' sajf fl-area ristervata għal dan l-użu diment li l-istess area riservata hija koperta bil-permess ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew hija area riservata skond Klassi 10 Paragrafu 1(ii) ta' l-Avviż Legali 115 tal-2007 (ie. l-Ordni dwar in-Notifkazzjoni dwar Żviluppi kif emendat bl-Avviż Legali 226 u 494 tal-2010, u 317 u 457 tal-2011).
Din ta' l-aħħar tippermetti l-użu riversibbli ta' l-art, minn entitajiet governattivi, Kunsilli Lokali jew entitajiet pubbliċi appuntati minnhom, għat-tqegħid temporanju u użu ta' caravan jew kamp kif ukoll kull strutturi temporanji meħtieġa għall-użu bħal dan matul il-perjodu bejn l-1 ta' Ġunju u t-30 ta' Settembru, sakemm l-art użata tkun kompletament restawrata għall-istat oriġinali tagħha u kull struttura titneħħa qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu.
Ta' min iżid li l-Pjan ta' Azzjoni tal-Marfa jidentifika biċċa art għall-caravans fl-inħawi ta' l-Armier. Mandanakollu dan il-Pjan għadu abbozz.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu hux se tipprova tikkoorina mal-organizzaturi tal-Air Show ta' Malta biex din il-wirja ta' avjazzjoni tinżamm fl-inħawi 'l barra minn San Pawl il-Baħar?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-airshow annwali hi organizzata mill-‘Malta Aviation Society’ (MAS) li ma tiffurmax parti mill-Gvern. Għaldaqstant mhix il-kompetenza tal-Gvern li jiddetermina l-lokalita’ fejn din issir. Din tiġi determinata minn ħafna fatturi fosthom dak finanzjarju.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex minkejja l-iżvilupp tal-bini li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat fil-Baħrija qatt ma kkunsidrat li għal dan l-iżvilupp kien jeħtieġ li l-aworitajiet konċernati jestendu s-servizz tad-drenaġġ?
Billi s-sitwazjoni llum hija tali li l-fossa tal-Marġa fil-Baħrija qed tissokta tfawwar id-drenaġġ għad-detriment li qed issir ħerba kontinwa tal-Wied tal-Marġa kif ukoll tipperikola saħħet ir-residenti fl-inħawi u partikolarment lill-bdiewa li jfifrekwentaw l-inħawi biex jaħdmu r-raba, jista' l-Ministru jinfurmani min huwa politikament responsabli għal dan in-nuqqas ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel mistoqsija għandha tiġi mwieġba mill-MRRA.
Il-MEPA investigat ilmenti relatati ma' żbroff ta' drenaġġ minn ġol-fossa tal-Baħrija għal ġo Wied il-Marga fl-2004 u fl-2008. Fiż-żewġ każijiet il-MEPA għamlet l-investigazzjonijiet u nnotifikat lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tirrimedja is-sitwazzjoni.
Spezzjonijiet segwenti tal-MEPA f'Ottubru tal-2008 wrew li ma kienx hemm drenaġġ ifawwar. Minn Ottubru tal-2008 l'hawn il-MEPA ma rċevietx akar ilmenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex xi applikazzjonijiet pendenti rigward taż-Żwejra min-naħa tal-WasteServ? X’inhi r-raġuni li meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ statistika dwar l-iskart fil-bidu ta’ din is-sena intqal li the disposal at sea data of waste for 2009 is oncomplete filwaqt li dik għas-sena 2010 lanqas biss ingħatat, filwaqt li figuri dwar disposal u recycling ta' privatedly u WasteServ controlled/managed quarry sites ingħataw?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-Awtorita` ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha żewġ applikazzjonijiet li jinkludu ż-Żwejra. Dawn huma:
• PA 4525/03 li hi applikazzjoni għal outline development permission fuq il-kumpless kollu tal-landfill; u
• PA 2342/06 li hi applikazzjoni fuq iż-Żwejra għal tibdil u xogħol addizzjonali. Hemm diskussjonijiet għaddejjin biex din l-applikazzjoni tkopri x-xogħol kollu fuq l-arja taż-Żwejra.
Hemm applikazzjonijiet oħrajn fl-arja tal-engineered landfill li ma jaffettwawx iż-Żwejra.
Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika dwar l-iskart li intrama fil-baħar ma kienetx ingħatat lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għax kienet għadha qed tinġabar u/jew tiġi validata. Dan l-eżerċizzju ingħalaq u l-informazzjoni ingħatat lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tafx b’xi stock piling tal-RDF fil-Magħtab aktar milli fiż-Żwejra nnifisha? Jekk iva, jeżisti permess għal dan? Kien hemm xi ċaqliq mill-footprint oriġinali li ġie awtorizzat? L-awtorità tat xi awtorizazzjonijiet ġodda dwar dan speċjalment fejn jidħlu rehabilitation works? Dwar il-footprint taż-Żwejra nnifisha kien hemm xi tibdil jew modifiċi awtorizzati mill-awtorità nnifisha?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn spezzjoni li saret riċenti, ma kien innotat ebda stockpiling ta' Refuse Derived Fuel (RDF) la fil-Magħtab u l-anqas fiż-Żwejra. Rigward il-footprint oriġinali li ġie awtorizzat, l-Awtorita` għandha quddiema applikazzjoni, PA 2342/06, li għadha qed tiġi pproċessata u li parti minnha tikkonċerna tibdil fil-footprint taż-Żwejra. Xogħol ta rijabilitazzjoni tal-landfill u li fil-present qed jitwettaq, huwa approvat fil-permess PA 6149/08 għall- 'Proposed Rehabilitation of Former Magħtab Landfill' maħruġ f' Ġunju, 2010.