Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – karozzi leased/mikrija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 3940, tlabt biex jinġabar il-kumplament tal-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moll fit-Torri l-Abjad hux se jiġi rranġat u jekk se jiġi rranġat, meta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin ser ikun qed isir intervent temporanju fuq l-iskall biex tkun tista' tintuża fl-istaġun tas-sajf li ġej. Xogħol permanenti fiż-żona hu mistenni li jsir wara li jgħaddi l-istaġun ta' l-għawm.
Transport Malta – Sezzjoni Marittima responsabbli mit-tindif tal-baħar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi unit fis-sezzjoni marittima ta’ Transport Malta li hi responsabbli mill-ħarsien tat-tindif tal-baħar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi ħdan id-Direttorat tal-Portijiet tal-Awtorità jeżisti unit li ji¿gura li kull tniġġiż ta’ żjut li jiġi kkawżat minn bastiment jew xi sors marittimu jinġabar għas-sodifazzjon tal-Awtorità. L-istess Unit huwa wkoll responsabbli li jara li jinġabru mill-baħar oġġetti li jistgħu jkunu ta’ periklu għan-navigazzjoni u għall-baħħara.
Rabat, Malta – bdil ta’ covers tal-plastic fil-bankini
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8832, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qed jinbidlu l-ammont kbir ta' covers tal-plastic imkissrin li saru fil-bankini l-ġodda ftit xhur ilu madwar ir-Rabat, Malta u min se jkun qed jinżamm responsabbli wara li dawn kollha tkissru malli saru minħabba li huma ta' periklu immedjat għall-pedestrians?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jindika għal liema toroq qed jirreferi għalihom f’din il-Mistoqsija Parlamentari.
Peress li x-xogħlijiet fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, huma lesti, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża mkejla sal-lum għax-xogħlijiet li saru fl-inħawi tal-mini ta’ Għajn Dwiel hija ta’ madwar EUR 695,000. Dawn ix-xogħlijiet jinkludu r-restawr tal-mina, is-shaft ta’ ventilazzjoni f’nofsha u xogħlijiet oħra ta’ natura ċivili sabiex il-mina tinfetaħ għall-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru r-rapporti u t-tiswijiet neċessarji fi Triq l-Isqof Buhagiar, f’Raħal Ġdid, billi din hija waħda mill-iktar toroq użati mit-trasport u minn vetturi industrijali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment għadda għand il-Unit ikkonċernat sabiex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji fejn hemm il-bżonn.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti
Question
Jista’ l-Ministu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ xogħol sar fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Labour, fin-Naxxar, biex jilqa’ l-ilma tax-xita, partikolarment fiż-żona ta’ ħdejn il-bandli u b’mod partikolari ftit ’l isfel min-niżla ta’ Villa Mdina?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta kienu jibdew minn Labour Avenue kantuniera ma’ Triq l-Imdina, fin-naħa ta’ isfel, u għalhekk din il-mistoqsija parlamentari ma tirreferix għal xogħlijiet li saru minn din l-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir fil-Bajja tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar, meta beda u meta se jitlesta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed twettaq xogħol fit-triq ta’ mal-bajja tax-Xemxija fejn qed isir intervent ta’ restawr tas-sistema tal-ilma li twassal mill-Wied tal-Pwales għall-baħar. Ix-xogħol beda fil-bidu ta’ Marzu u mistenni jitlesta fix-xahar ta’ Lulju.
Il-Mellieħa — Triq il-Barkazza, Triq id-Denċi, Triq it-Tumbrell u Taraġ il-Landiera - asfaltar
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta t-toroq li ġejjin li jinsabu fil-Mellieħa, se jkunu ffinalizzati bl-asfalt:
a. Triq Il-Barkazza;
b. Triq id-Denċi;
ċ. Triq it-Tumbrell; u
d. Taraġ il-Landiera?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tikkonsulta mal-Kunsill Lokali fuq pjan ta’ xogħlijiet fil-lokalità tal-Mellieħa. Taraġ il-Landiera hija waħda mit-toroq li ġiet proposta li jsir ix-xogħol fiha però fadal xi preparamenti li jridu jsiru. Ix-xogħol f’din it-triq mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.
Belt Valletta – Triq in-Nofs in-Nhar — tiswijiet fiċ-ċangatura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu lesti t-tiswijiet neċessarji fi Triq in-Nofs in-Nhar, il-Belt Valletta, fiċ-ċangatura tal-art bejn Triq ir-Repubblika u Triq l-Ifran, billi qegħdin isiru iktar perikolużi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għall-proġett tax-Xatt tal-Kalkara, peress li hemm l-għajdut li l-proġett se jieqaf għas-sajf, jista’ l-Ministru jgħid:
a. meta se tinfetaħ it-triq li mix-Xatt tagħti għall-Mina tal-Kalkara;
b. minn meta sa meta se jieqaf ix-xogħol;
ċ. liema partijiet se jkunu aċċessibbli għall-pubbliku u t-traffiku u liema le; u
d. peress li se jieqaf ix-xogħol, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett hux se jkun komplut sal-aħħar tas-sena 2023 jew hux se jerġa’ jipposponi d-data, peress li oriġinarjament kellu jkun lest qabel dan is-sajf ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mhux minnu li x-xogħol fuq dan il-proġett ser jieqaf fis-sajf.
Dwar ix-xogħlijiet, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-twegibiet li tajt ftit ġimgħat ilu għall-Mistoqsijiet Parlamentari 8275 u 8273. Ma nbidel xejn minn dak li ntqal dakinhar.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn fil-ġurnata tal-Ħamis, 25 ta’ Mejju 2023, għal ħinjijiet twal matul il-ġurnata l-Flyover il-ġdida ta' ħdejn l-Ajruport kienet magħluqa u fuqha kien hemm trakkijiet u ready-mixers weqfin għal ħinijiet twal?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-25 ta’ Mejju kien hemm numru ta’ trakkijiet mgħobbija fuq il-pont biex jissimulaw l-agħar każijiet ta’ tgħabija fuq il-pont. Dan hu wieħed mit-testijiet mitluba biex jiġi kkonfermat li l-kostruzzjoni tal-pont saret skont id-disinn.
Rabat, Malta – bdil ta’ covers tal-plastic fil-bankini
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8832 rigward covers tal-plastic fil-bankini fejn ġie mwiegeb li “Infrastructure Malta aġixxiet billi ħarġet (04/11/2022) direzzjoni teknika ċara lill-entitajiet terzi u lill-istaff tekniku tagħha sabiex b’mod immedjat jiġu installati BISS għotjien konformi mal-ispeċifikazzjoni Ewropea EN 124-1 – Dan ifisser illi l-materjal tal-“covers” ikun “ductile cast iron”, l-istess bħalma jintuża fil-kareġġjata. Ir-reżistenza għall-piż (loading class) kif mitluba mill-istandard tkun dik għall-użu “pedestrian”. Infrastructure Malta kompliet tinforza din id-deċiżjoni billi inkorporat speċifikazzjoni ċara fit-Tender Dynamic Purchasing (DPS) maħruġ f’Marzu, 2023 li tesiġi dan”, jista’ l-Ministru jgħid jekk din id-direzzjoni li l-materjal tal-“covers” tal-bankini jkun ductile cast iron (għotjien konformi mal-ispeċifikazzjoni Ewropea EN 124-1) tgħoddx ukoll għall-covers tal-bankini ġewwa l-gżira ta' Għawdex u jekk hux qiegħed isir hekk ukoll?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-deċiżjoni tapplika għal kull xogħol li jsir taħt id-Dynamic Purchasing System indikat.
Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3483, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u jgħid jekk il-proċess ta’ konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali huwiex magħluq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni preliminari saret però mhix konkluża u terġa' ssir konsultazzjoni li timxi pari passu mal-istadji differenti tal-proġett. Il-konsultazzjoni ma’ xi entitajiet pubbliċi għadha għaddejja, kif ukoll għadu għaddej il-proċess tad-disinn.