Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kaħwiela — Bankina ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16959 dwar bankina fi Triq il-Kaħwiela, f’Ħaż-Żabbar li tinsab fi stat perikoluż, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parti tal-bankina li kienet nieqsa saritx jew le? Jekk le, meta hemm il-ħsieb li din issir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li l-bankina fi Triq il-Kaħwiela saret riċentament minn Infrastruttura Malta.

Pembroke — Spazji miftuħa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20609 dwar spazji miftuħa f’Pembroke, jista’ l-Ministru jgħid liem huma ż-żoni l-oħra li huma kkunsidrati bħala spazji miftuħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke li ż-żewġ żoni meqjusa bħala spazji miftuħa f’din il-lokalità huma: - Sit bejn Triq l-Imħallef William Harding u Triq Burma, u sit bejn Triq Manuel Buhagiar u Triq il-Mediterran.

Valletta — Pageant of the Seas

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20908, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika u jgħid kemm sewa l-Valletta Pageant of the Seas u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, rendikont ta’ kif intefqu l-flus, bid-dettalji ta’ min tħallas minn dan il-Pageant li dam sagħtejn? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw it-tenders?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif mgħoddija lili mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Valletta Pageant of the Seas huwa l-akbar proġett fil-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Il-Valletta Pageant of the Seas issir darba kull sentejn u t-tħejjijiet għalih jieħdu bejn 6 xhur u 8 xhur. Is-servizzi miksuba biex ġie mtella l-Valletta Pageant of the Seas inkisbu skond ir-Regolamenti Dwar L-Akkwist Pubbliku.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Segretarjat għall-Gvern Lokali — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dekasteru tagħha wara l-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda wara Mejju tal-2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22282.

Wied il-Għajn — Ix-Xatt - Manutenzjoni u tibdil tal-pavimentar

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 5953 u 8490, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux issir il-manutenzjoni neċessarja u t-tibdil tal-pavimentar fix-Xatt ta’ Wied il-Għajn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn li għalissa ma sarx investiment fil-manutenzjoni u tibdil tal-pavimentar fix-Xatt. Għaddejjin diskussjonijiet dwar dan mal-Gvern Ċentrali.

Wied il-Għajn — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li rċieva madwar għaxar ilmenti matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari. Dawn l-ilmenti kienu dwar il-pavimentar ta’ Triq ix-Xatt.

Iż-Żejtun — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali taż-Żejtun matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li l-figura approssimattiva ta’ ilmenti jew suġġerimenti hija ta’ 4,000. Dawn l-ilmenti u/jew suġġerimenti kienu dwar skart u knis, qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar, bozoz maqtugħin u wires imdendlin, tiswijiet ta’ bankini u toroq, marki tat-toroq, twaħħil ta’ tabelli u vandaliżmu.

Marsaxlokk — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li rċieva total ta’ 213 ilment mill-bidu tas-sena sal-ġurnata tal-lum. Dawn kienu dwar tindif, qtugħ ta’ bozoz, ħsarat tal-ilma u drenaġġ, manutenzjoni tat-toroq u sinjali.

Ħal Għaxaq — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq li rċieva madwar 380 bejn ilmenti u suġġerimenti mill-bidu tas-sena sal-ġurnata tal-lum. Dawn l-ilmenti u/jew suġġerimenti kienu dwar manutenzjoni ta' toroq , ħsarat ta’ elettriku u ilma , tindif u ġbir ta’ skart, żbir ta’ siġar, żamma u manutenzjoni ġenerali, interventi tal-pulizija u tas-sanità u dwar vandaliżmu.

Bormla — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali ta’ Bormla matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li rċieva 404 ilment mill-bidu tas-sena sal-ġurnata tal-lum. Dawn l-ilmenti u/jew suġġerimenti huma varjati u jinkludu qtugħ ta’ bozoz, żbir tas-siġar, annimali mejta, lifts jew drinking fountains bil-ħsara, manutenzjoni ta’ bankini, ħsarat fuq linja tad-dawl u telefon, ħsarat fuq servizz tad-drenaġġ, knis, bulky refuse, ħsara f’culverts u sleeping police, invażjoni ta’ żnażan, ġbir tal-iskart, tiswija ta’ bollards u refresh ta’ sinjali ta’ toroq.

Tas-Sannat, Għawdex – Xogħlijiet fuq Playing Field

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta' tisbiħ fil-playing field li hemm ġewwa t-Triq Ta' Marżiena fis-Sannat, Għawdex? Jista’ jgħid f'liema xahar u sena huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu u b'hekk ikun jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-pubbliku peress li hi l-unika playing field fis-Sannat Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Tas-Sannat li x-xogħol fl-imsemmija Playing Field jikkonsisti fil-bdil ta’ tagħmir tal-logħob għat-tfal li kien jinsab fi stat dilapidat u fil-bdil tad-dawl skont l-istandards. Id-dawl diġà tlesta. Ix-xogħlijiet l-oħra għandhom ikunu lesti sal-aħħar ta' Jannar 2025.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct Orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Jannar 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23691.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati miegħu preżentement fil-Ministeru bħala: (a) Head of Secretariat; (b) Deputy Head of Secretariat; (c) Private Secretary; (d) Assistant Private Secretary; (e) Head Customer Care Officer; (f) Customer Care Officer; (g) Customer Care Assistant; (h) Communications Secretary; (i) Events Co-ordinator; (j) Co-ordinating Officer; (k) Secretariat Officer; (l) Secretariat Pool; (m) Senior Secretariat Messenger; (n) Secretariat Messenger; (o) Chairwoman; (p) Personal Driver; (q) Security Officer; (r) Advisor; (s) Policy Consultant; (t) Policy Co-Ordinator; (u) Photographer; (v) Person/Position of Trust oħrajn? Jista’ jgħid ukoll x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn l-impjegati, min huma dawn l-impjegati, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f'każ ta' Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x'inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta' kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? Minn dawn l-allowances u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati għal xiex hu intitolat u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli): (i) Disturbance Allowance; (ii) Secretariat Allowance; (iii) Bonus for Overtime Worked; (iv) Communications Allowance; (v) Fully-expensed mobile telephony; (vi) Free telephony; (vii) Pre-Paid top-ups for telephony service; (viii) Internet Service; (ix) Car Allowance; (x) Transport Allowance; (xi) Fuel Vouchers; (xii) Use of car-hired car; (xiii) Use of government-owned car; (xiv) Internet key; (xv) Tablets; (xvi) Laptops; (xvii) Peripherals; (xviii) Expertise allowance; (xix) Disturbance Allowance; (xx) Shift Allowance; (xxi) Xi tip ta' allowance u/jew perkaċċi oħra (speċifika)? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat tal-Ministeru għandu fis-seħħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif weġibt f'diversi istanzi, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sakemm qed titwieġeb din l-interpellanza inxtraw żewġ macbooks għall-użu ta' staff fis-segretarjat tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-amministrazjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xogħlijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmat illi l-MITA mhux talli ma toġġezjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Impjegati li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts, u meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21445.

Ħal Tarxien — Triq it-Tarzna -Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parti tat-Triq it-Tarzna f’Ħal Tarxien minn Triq Manuel Buhagiar sa Triq in-Nazzarenu huwiex ser isir xi xogħol fuqha fil-futur qarib minħabba l-istat li qiegħda fih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-parti tat-Triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabilità tal-Kunsill ta’ Raħal Ġdid. Ninsab infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xogħol fl-imsemmija triq skedat li jsir iktar 'il quddiem minn Infrastructure Malta.

Mużew iddedikat lil Mattia Preti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex jiġi kkunsidrat li fil-futur ikun hemm mużew separat u distint dedikat lil Mattia Preti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li waqt li ebda idea ma tiġi eskluża a priori, hija l-fehma tal-esperti fi ħdan Heritage Malta illi l-aħjar triq hi dik tal-konsolidament tar-riżorsi u tisħiħ tal-mużewijiet.

Ix-Xagħra, Għawdex – Triq Marsalforn — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17561 u ċjoè: B'referenza għall-finanzjament li madwar erba’ snin ilu l-Ministeru ta lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra għall-bini mill-ġdid tal-aħħar parti ta' Triq Marsalforn, jista’ l-Ministru jgħid x'fadal isir f'din it-triq u meta hu ppjanat (xahar u sena) li tingħata l-aħħar kisja asphalt f'din il-parti tat-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li biex jitlesta il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-aħħar parti ta’ Triq Marsalforn fadal biss l-aħħar kisja asfalt u xi xogħlijiet żgħar oħra. Dan il-proġett huwa ppjanat li jkun finalizzat sa nofs is-sena d-dieħla.

MICAS — Mużew tal-Arti Kontemporanja - Ftuħ ta’ esebizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22509 u 23296 u jgħid kemm ħallset il-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) lill-artist barrani għal ftuħ ta’ esebizzjoni tal-Mużew tal-Arti Kontemporanja?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.