Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Għarb - kumpens għar-raba' meħuda biex titwessa' triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31594 u jispjega kif il-porzjon raba', li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġiet meħuda biex titwessa' triq li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament fl-Għarb Għawdex u dan meta s-sidien tagħha ma ġew infurmati b'xejn u lanqas ħadd ma avviċinahom biex jieħu l-kumpens spettanti lilhom skont il-ligi u skont ir-records jidher li l-esproprju sar mill-Ministru għal Għawdex u mhux mill-Kummissarju tal-Artijiet? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid kif u meta se jingħataw il-kumpens dawn in-nies?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ngħatat separatament mhux possibbli li tkun identifikata l-art indikata billi fl-istess triq ittieħdu diversi biċċiet ta’ art. Ta’ min jgħid ukoll li r-referenzi li ngħataw ma jirrelatawx ma' files tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern. Għalhekk huwa suġġerit li l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament tindika fuq site plan l-art li qed titlob kumpens għaliha.

kwestjoni dwar kumpens

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31593 u jgħid meta se jitħallas il-kumpens lill-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi id-Dipartiment tal-Artijiet jkun jista jħallas il-kumpens dovut lill-familja li d-dettalji tagħha ngħataw separatament malli s-sidien ta’ l-art jagħtu prova tat-titolu tagħhom fuq l-istess art. Għal dan il-għan, huma mħeġġa li jikkuntatjaw is-Sezzjoni tal-Kuntratti tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern biex jingħataw aktar dettalji ta’ kif għandhom jagħmlu dan.

Spezzjoni fuq il-frott u l-ħaxix minħabba pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28815 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2010 biex jaraw li l-frott u l-ħaxix li jkun hawn fis-suq Malti u Għawdxi ma jkollux kwantità kbira ta' pestiċidi ġo fih? Jista' jgħid kif jiġi ċċekkjat li l-frott ma jkollux pestiċidi u li huwa tajjeb għall-ikel? Jista' jgħid fejn jiġi ċċekkjat u kemm jiġi jiswa dan il-proċess kollu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Infurmat li l-ammont ta’ spezzjonijiet fuq frott u ħaxix matul is-sena 2010 saru 129-il spezzjoni. Dawn il-prodotti kienu jinkludu kemm prodotti mkabbrin Malta kif ukoll prodotti impurtati min pajjiżi differenti. Il-prodotti li ġew analizzati ittieħdu kollha minn fuq is-suq Malti. It-testijiet saru ġewwa laboratorju akkreditat ġewwa Sqallija u kull test ġie jiswa Eur 110. Għalhekk il-proċess biex jiġu testjati dawn il-129 prodott ġie jiswa Eur 14,190.

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 31435 u cioè:Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li siefru club class matul l-2010 kien sitta u matul l-2011 kien ħamsa.

Nadur — art magħrufa ta' Tal-Ħali - titolu tal-art

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30767 u jgħid meta se jitħallas il-kumpens dovut għall-esproprju tal-art magħrufa bħala Tal-Ħali fin-Nadur, Għawdex liema proprjetà illum saret housing estate u minħabba n-nuqqas ta' ħlas tal-kumpens, min jgħix ġo dan il-housing estate għadu mingħajr titolu fuq l-art li appuntu ħadu mingħand l-Awtorita tad-Djar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30767.

Ta Xbiex — Malta Royal Yacht Club - aċċess għall-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex konformi mal-liġi li l-Malta Royal Yacht Club ġewwa Ta' Xbiex filwaqt li kif għandhom kull dritt jkomplu bil-ħidma tagħhom, fl-istess waqt jagħlqu parti mit-triq fejn hemm aċċess għall-baħar għan-nies fl-akwati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għadda l-proprjetà li għandha l-Malta Royal Yacht Club ġewwa Ta’ Xbiex, lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz ta’ Avviż Legali Numru 81/2009. L-art li ġiet trasferita lill-Kunsill Malti għall-Isport ma kinitx tinkludi wkoll it-triq li tagħti aċċess għall-baħar. Fil-fatt, id-Dipartiment ħa passi biex inħarġet Ordni ta’ Żgumbrament, sabiex jitneħħa l-imblokk ta’ dan l-aċċess u minn spezzjoni li saret dan l-aħħar, irriżulta illi l-aċċess għall-baħar reġgħa nfetaħ.

Garaxx u żewġt ikmamar maġenb d-dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-koppja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jiġu mċaħħda mill-garaxx u minn żewġt ikmamar maġenb id-dar tagħhom meta oriġinarjament meta ngħataw id-dar fis-17 ta' Novembru 1987 suppost li dak il-garaxx u ż-żewġt ikmamar kienu parti integrali mid-dar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-garaxx u l-kmamar li qed jirreferi għalihom, fil-verità qatt ma kienu jifformaw parti mill-lokazzjoni tad-dar li l-koppja li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament, kienu ngħataw mid-Dipartiment tad-Djar fl-1987. Oriġinarjament, kemm id-dar abitata mill-koppja, kif ukoll il-garaxx u l-kmamar, kienu ġew akkwistati mill-Gvern skont l-Ordinanaza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kap 88). L-iskop pubbliku kien in konnessjoni ma’ bini ta’ skola. Peress li l-proprjetà meħuda ma ġietx utiliżżata kollha għall-iskop li kienet ittieħdet, is-sidien oriġinali talbu lill-Gvern biex ibiegħlhom lura l-proprjetà lilhom meħuda. Skont it-termini tal-Artiklu 2 tal-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap 268), id-Dipartiment qiegħed jikkunsidra li jbiegħ lura lis-sidien oriġinali, l-proprjetà li ma ġietx utiliżżata eskluż id-dar abitata mill-koppja.

Għawdex — Għarb - kumpens għar-raba' meħuda biex titwessa' triq

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-porzjon raba', li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġiet meħuda biex titwessa' triq li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament fl-Għarb Għawdex u dan meta s-sidien tagħha ma ġew infurmati b'xejn u lanqas ħadd ma avviċinhom biex jieħu l-kumpens spettanti lilhom skont il-ligi u skont r-records jidher li l-esproprju sar mill-Ministru għal Għawdex u mhux mill-Kummissarju tal-Artijiet? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid kif u meta se jingħataw il-kumpens dawn in-nies?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31490 u t-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 31435 u cioè:Jista' jgħid kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur — kirja tal-binja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tħallas kirja l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għall-binjiet li qed tagħmel użu minnhom? Minn meta twaqqfet l-Awtorità kemm kienet in-nefqa s'issa għal refurbishing u għamara fil-binjiet li qed tagħmel użu minnhom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28393.

Dipartiment tal-Artijiet u Uffiċċju Konġunt — call for tender għas-servizz ta' avukat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn inħarġet call for tender għas-servizz ta' avukat għad-Dipartiment tal-Artijiet u Uffiċċju Konġunt, meta dan id-dipartiment diġà għandu avukat impjegat direttament u huwa r-rappreżentant legali tal-istess Dipartiment tal-Artijiet? Jista' jagħti dettalji li min ingħata dan it-tender u d-dettalji tal-kuntratt?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta' bdiewa

Question

B'referenza għall-misotqsija parlamentari 30997, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm mill-applikazzjonijiet huma insolidu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi d-dipartiment m’għandux il-mezzi meħtiega sabiex jiddentifika jekk l-applikazzjonijiet taħt l-Iskema ALS jaqgħux fuq kirjiet li huma “in solidum” jew le. Għalhekk sabiex wieħed jiddentifika dan, ikun mehtieġ illi tiġi pproċessata l-applikazzjoni nnifisha. Għaldaqstant, id-Dipartiment ħa kampjuni ta’ Kirjiet Agrikoli fil-lokalitajiet tan-Nadur u x-Xewkija f’Għawdex, u s-Siġġiewi u l-Imġarr f’Malta. Wara l-istħarriġ f’dawn il-lokalitajiet jirriżulta illi l-medja hija ta’ 66% fil-mija tal-kirjiet agrikoli huma “in solidum”. Hawn taħt qiegħda tingħata statistika għall-informazzjoni tal-Kamra rigward l-applikazzjonijiet illi daħlu taħt l-iskema ALS f’dawn il-lokalitajiet imsemmija hawn fuq: Lokalità Nru. t’Applikazzjonijiet li daħlu taħt l-Iskema ALS Nadur (Għawdex) 411 Xewkija (Għawdex) 416 Siġġiewi 550 Mġarr (Malta) 684

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 31435 u cioè:Jista' jghid ukoll kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Marsa — Spencer Hill - postijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31009 u jgħid kemm-il post għandu l-gvern ġo Spencer Hill fil-Marsa? Kemm minnhom huma vojta? Il-gvern għandu xi ħsieb li jikrihom u/jew ibiegħhom jew għandu ħsieb li jagħmel użu minnhom huwa stess? Dawn jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Artijiet jew taħt l-Awtorità tad-Djar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġewwa Spencer Hill fil-Marsa, l-Gvern għandu 21 post li huma kollha postijiet residenzjali. Minn dawn il-postijiet, hemm wieħed li huwa vojt. Peress li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma jikriex postijiet residenzjali, jekk dan il-post vojt ser jinkera fil-futur dan isir min-naħa tal-Awtorità tad-Djar. Il-21 post li hemm fi Spencer Hill jaqgħu kollha taħt id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern.

informazzjoni dwar il-premises tal-ex Malta Shipbuilding

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x’użu qiegħed isir mill-premises tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa minn mindu għalqu t-Tarznari fl-2010 sal-lum? Jista' jagħti wkoll dettalji speċifiċi jekk inkrewx xi partijiet mill- premises lil xi kumpaniji privati Maltin jew barranin u x’attività dawn il-kumpaniji qegħdin iwettqu fid-diversi partijiet tal- premises : Quay wall 1, quay wall 2, quay wall 3, quay wall 4, quay wall 5, quay wall 6 , il-Baċir, l-i steel stockyard , u l-fabrication workshop? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra x'tip ta’ kuntratti saru ma' dawn il-kumpaniji u b’liema prezz xahar b’xahar minn mindu għalqu t-tarznari sal-lum? Min għandu t-tmexxija ġenerali ta’ dawn il-premises u min qiegħed jiffinalizza u jiffirma l-kuntratti tal-kirjiet? Jekk min iddeċieda li jiftaħ il-baċir u jħallih miftuħ indefinitivament ħa xi parir tekniku u jafx li baċir miftuħ għal tul ta’ żmien issirlu ħsara kbira fl-istruttura tiegħu? Min għandu r-responsabilità ġenerali ta’ dawn il-premises u x’inhu jagħmel fil-konkret u fit-tul biex il-premises u l-makkinarju tal-bini tal-vapuri ma ssirlux iżjed ħsara? Jekk hux qegħdin isiru negozjati ma' kumpaniji internazzjonalment biex fil-premises jerġa' jibda jkun hemm attività serja ta’ industrija tal-azzar bħalma hija l-industrija tal-wind-farming, u/jew xogħol tal-azzar li għalih dawn il-premises ġew mibnija bi flus il-poplu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-premises tal-Ex Malta Shipbuilding fil-Marsa għadhom proprjetà tal-Gvern u fil-preżent qegħdin fdati taħt it-tmexxija ta’ kumpanija governattiva jisimha Ricasoli Tank Cleaning Ltd (RTCL). Din il-kumpanija kienet twaqqfet mill-Gvern waqt il-privatizzazzjoni tat-Tarzna sabiex tamministra l-faċilitajiet tar-reception plant li jinsab ġo Ricasoli, li ma kienx gie privatizzat mal-kumplament tal-faċilitajiet tat-Tarzna. Parti mill- Management ta’ din il-kumpanija jopera wkoll mis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding permezz ta’ uffiċċju żgħir li ġie allokat mill-Gvern lill-kumpanija b’mod temporanju. Għaldaqstant il-kumpanija ingħatat ukoll ir-responsabbilta’ li tieħu ħsieb is-sit tal-Ex Malta Shipbuilding u d-diversi mollijiet li jinsabu f’dan is-sit, sakemm il-Gvern jiddeċiedi x’għandu jsir minn dan is-sit fil-futur. Permezz ta’ dan qiegħed jingħata servizz lil numru ta’ vapuri li jkollom bżonn moll fejn jorbtu. Id-dħul mill-irmiġġ qiegħed imur għand din il-kumpanija biex jgħinha tiffinanzja l-operat tagħha. Il-kumplament tas-sit tal-Marsa, li hu temporanjament fdat fil-kustodja ta’ din l-istess kumpanija, qiegħed jiġi amministrat f’isem il-Gvern u kull parti mis-sit li tgħaddi għal xi użu lil xi entita’ pubblika jew privata tkun normalment koperta b’kuntratt direttament mal-Gvern għal żmien definit. Il-kumpanija RTCL titħallas management fee mill-Gvern għall-amministrazzjoni ta’ dawn is-siti meta dawn jiġu allokati lil terzi. Dan minħabba li l-kumpanija tiffaċilita l-komunikazzjoni mal-klijenti, twassal għal ftehim bejn il-Gvern u l-entita’ permezz ta’ kuntratt, u tibqa’ tikkoordina l-aċċess fis-sit mal-entitajiet involuti, kif ukoll tipprovdi sigurta lis-sit b’mod ġenerali kif ukoll lill-makkinarju li għad hemm fuq dan is-sit. Il-makkinarju mhu qed issirlu l-ebda manutenzjoni iżda qiegħed ikun mħares minn serq jew ħsarat intenzjonati fuq bazi ta’ 24 x 7 security . Fost l-entitajiet li ngħataw partijiet mis-sit għal użu definit kienu l-Arriva Malta Ltd, it-Transport Malta, il-Heritage Malta u l-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC). Dawn l-entitajiet kollha, ħlief Heritage Malta, iffirmaw kuntratt għal żmien definit direttament mal-Gvern permezz tal-Government Property Department. L-iskeda ta’ hawn taħt tagħti d-dħul li kellu l-Gvern mingħand kull entità. Dħul tal-Gvern minn Entitajiet Pubbliċi jew Privati li għamlu użu mis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding Entita’ Pubblika/Privata Żmien Dħul Arriva Malta Ltd Privata 3 xhur €13,680 Transport Malta Pubblika 3 xhur €13,500 GHRC Pubblika 18 il-xhar €36,000 Huwa minnu li riċentement ġie deċiż li l-baċir tal-Ex Malta Shipbuilding jingħata l-ilma u jitħalla mimli bl-ilma sabiex jipprovdi post akbar għall-irmiġġ tal-vapuri. Dan sar wara rapport tekniku minn perit imqabbad mill-kumpanija RTCL. Qabel ma’ l-baċir imtela’ bl-ilma ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex il-baċir ikun jista’ jerġa’ jitbattal meta jkun hemm il-ħtieġa. Ta’ min jiċċara li l-kumpanija RTCL m’ghandha l-ebda nkarigu li tagħmel xi marketing għas-sit tal-Ex Malta Shipbuilding jew li tidħol f’xi diskussjonijiet jew negozjati ma’ kumpaniji lokali jew barranin għall-użu futur ta’ dan is-sit. Meta l-kumpanija tirċievi xi proposti f’dan ir-rigward, hija tgħaddihom għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern li għandu entitajiet oħra speċjalizzati biex jagħmlu dan ix-xoghol. Il-kumpanija qegħda biss tiddiskuti rikjesti għal użu temporanju minn partijiet tas-sit tal-Marsa, dejjem b’konsultazzjoni mal-Gvern li għandu d-dritt ta’ l-aħħar deċiżjoni dwar jekk jakkomodax dawn ir-rikjesti jew le.

proprjetà pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-binja jew binjiet li jidhru mmarkati fuq is-site plan li qed tintbagħat separatament, jikkostitwixxux proprjetà pubblika jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hemmx xi individwi jew entitajiet li għandhom xi forma ta' titlu fuq l-istess proprjetà u fl-istess każ jagħti d-dettalji tat-titlu/i?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-binja jew binjiet indikati fuq is-site-plan li ntbagħtet separatament, huma proprjetà tal-gvern. Fil-fatt dawn il-binjiet jifformaw parti minn art akbar li hija reġistrata fid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern bħala tenement no. 50940. L-art kollha hija soġġetta għal kirja agrikola, iżda bħalissa l-Qbiela fuq din l-art mhix qed tiġi aċċettata peress li hemm il-ħsieb li parti minn din il-proprjetà se tgħaddi f’idejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u għadu qed jiġi deċiż liema parti se tiġi tterminata.

kumpens minħabba post meħud għall-użu pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tas-sidieni tal-fond li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, biex jiġu kkompensati minħabba li l-istess post kien ittieħed għall-użu pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għaddej bil-proċedura biex il-proprjetajiet kollha li huma milquta b’titlu ta’ pussess u użu jew dominju pubbliku jiġu akkwistat mill-Gvern u s-sidien tagħhom jiġu kkumpensati. Dan il-proċess jieħu daqsxejn fit-tul għaliex hemm ħafna proprjetajiet li jridu jiġu akkwistati, però huwa mistenni li dan ix-xogħol jitkompla u jkun komplut fit-tliet snin li ġejjin u għalhekk il-proprjetà tal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament se tiġi wkoll akkwistata mill-Gvern f’dan il-perjodu u sussegwentement jitħallas il-kumpens dovut.

Wied il-Għajn — Kuntratt ta' klabb tal-boċċi

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta quddiem il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih il-klabb tal-boċċi ta' Wied il-Għajn ingħata art/kamra u pitch tal-boċċi fil-ġnien ta' taħt il-Knisja ta' Wied il-Għajn?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pitch tal-Boċċi u l-Clubhouse li hemm fil-ġnien ta’ taħt il-Knisja ta’ Wied il-Għajn huwa wieħed mill-proprjetajiet assenjati skont l-Artikolu 16 tal-Ewwel Skeda annessa mall-Att dwar l-Isport (Kapitlu 455) tal-Liġijiet ta’ Malta. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm il-Pitch tal-Boċċi u il-Clubhouse, ġew mogħtija b’enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ disgħa u erbgħin (49) sena lill-Marsascala Boċċi Cub skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-istess kuntratt.

plots u proprjetà esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm plots u proprjetà esproprijata? Kemm huwa l-valur tagħha llum u meta l-gvern beħsiebu jħallas lura lis-sidien oriġinali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment għandu record ta’ kull espropriju. Però ma jistax jgħid kemm hemm plots li fuqhom ħareġ espropriju billi din il-figura tvarja waqt il-proċess tal-akkwist skont kemm ikun hemm sidien involuti. Madankollu d-Dipartiment iżomm lista ta’ kull talba għal-ħlas ta’ kumpens. Skont din il-lista l-ammont dovut għall-art huwa ta’ madwar €50 miljun. Ma’ dan l-ammont jista’ jiżdied ukoll imgħax dovut lis-sidien, kif ukoll xi żieda addizzjonali fil-prezz tal-art li jista’ jkun hemm wara li l-kumpens offrut jiġi kkontestat quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet. Kull sena, il-Gvern jalloka ammont ta’ flus sabiex jitħallsu s-sidien ta’ dawn l-artijiet li ġew esproprjati. Fil-fatt din-is-sena kien hemm is-somma ta’ €9,000,000 li intużaw kollha biex jitħallsu dawn l-esproprji antiki, filwaqt li fil-Budget ta’ din is-sena ġiet ivvutata somma oħra ta’ €9,000,000 biex inkomplu nħallsu lis-sidien ta’ artijiet esproprijati.