Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt tagħha fit-28 ta’ Diċembru 1977 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena.
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant qatt ma kien jinżamm u għadu ma jinżammx.
Skola Primarja tal-Mellieħa – pulizija ħdejn id-daħla
Question
Jista’ l-Ministru jara li kuljum jattendi pulizija ħdejn id-daħla tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa fi Triq il-Mitħna l-Ġdida u dan sabiex ikun jista’ jikkontrolla t-traffiku u jenforza r-regolamenti tat-traffiku fis-seħħ fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-istess iskola, hekk kif indikat b’diversi tabelli f’din l-istess triq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi saru l-verifiki ma’ uffiċjali responsabbli mid-duties fil-Mellieħa, u ġie kkonfermat illi fil-ħin ta' dħul u ħruġ mill-Iskola Primarja tal-istess lokalità. Il-Pulizija tagħmel minn kollox biex dan id-dover taqdih kuljum, anke jekk legalment dawn id-doveri jaqgħu wkoll fir-responsabilità ta’ entità oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-snin 2015, 2016 u 2017? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-priġunieri reġgħu saru reċidivi sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ priġunieri ġewwa il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-snin 2015, 2016 u2017 huwa kif indikat:
Fis-sena 2015 – kien hemm total ta’ 527 priġunieri li minnhom 13% (68) kienu reċidivi .
Fis-sena 2016 – kien hemm total ta’ 575 priġunieri li minnhom 12% (69) kienu reċidivi, u
Fis-sena 2017 – kien hemm total ta’ 606 priġunieri li minnhom 14% (84) kienu reċidivi
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri li huma taħt kura psikjatrika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li huma taħt kura psikjatrika? Kemm hemm priġunieri li qegħdin fit-Taqsima Forensika ta’ Mount Carmel?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-24 ta’ Ottubru 2018, kien hemm 161 priġunier taħt il-kura psikjatrika. Minn dawn hemm 28 priġunier li huma fit-Taqsima Forensika ta’ Mount Carmel u l-kumplament qed ikunu segwiti minn psikjatra li żżur il-ħabs fuq bażi regolari.
Peress li l-Europol arrestat 79 persuna fi Spanja wara ħidma internazzjonali bejn Franza, l-Italja, Malta, Spanja u l-Portugal dwar allegat involviment ta’ traffikar illegali ta’ tonn aħmar fl-Ewropa li jkun inqabad f’ibħra Maltin u Taljani, jista’ l-Ministru jgħid x’kien eżatt l-involviment tal-Pulizija Maltija? X’prekawzjonijiet se jittieħdu mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex dan ma jseħħx aktar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li peress illi l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Membru tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet, inklużi l-Pulizija, ma jkunx prudenti u ma jinħassx li tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-awtoritajiet f’dan il-każ għandu jkun ippubblikat. Infurmat iżda li kull assistenza mitluba ngħatat, bħal dejjem, fid-dawl ta’ koperazzjoni ma’ awtoritajiet barranin. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant iressaq il-mistoqsija lill-Onor. Ministru tal-Agrikoltura u Sajd.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7206, jekk ikun hemm talba urġenti għal għajnuna lill-pulizija jew entitajiet oħra li għandhom jgħinu f’stat ta’ emerġenza, kif ikkordinati mill-proċess ta’ għajnuna b’urġenza taħt in-numru 112, f’każ li t-talba ta’ emerġenza tkun relatata ma’ dħul ta’ insetti bħal żnażan li jkunu qed joħolqu periklu għal min ikun jiffrekwenta l-premises jew tista’ tkun dar residenzjali, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din it-talba ma tkunx iżjed kordinata bl-urġenza mill-pulizija? (dan jista’ jwassal għal dewmien fl-għoti tal-għajnuna li tkun urġenti)
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-każ inkwistjoni mhux każ li jiġi referut lill-operaturi tan-numru 112 li kif żgur jaf l-Onor. Interpellant huwa numru li jkopri sitwazzjonijiet ferm iktar gravi mill-każ li qed isemmi u għalhekk min iċempel fuq każ ta’ din in-natura jintalab iċempel dirett lill-pulizija. Hu minnu li barra l-funzjonijiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità, u kif titlob il-liġi, meta tintalab assistenza, membri tal-Korp tal-Pulizija jassistu għal kwalunkwe rikjesta f’limiti raġonevoli anke jekk ir-responsabilità biex tiġi pprovduta għajnuna, ma tkunx tappartjeni lilhom. F’dan il-każ anke kieku ġew ikkonsultati l-pulizija mhux fuq il-112, ma seta’ jsir xejn, ħlief li jingħata parir biex tingħalaq il-propjetà msemmija mis-sidien, ġaladarba l-insetti kienu fuq ġewwa, sakemm dawn jitolbu l-assistenza ta’ kumpaniji li jagħtu servizz li jitneħħa dan it-tip ta’ insett u/jew insetti oħra.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Każijiet ta’ dixxiplina fil-konfront ta’ membru tal-Korp tal-Pulizija
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-każijiet ta' dixxiplina fil-konfront tal-membru tal-Korp tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-każ kontra l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, għadhom pendenti għal raġunijiet mediċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu kaċċaturi l-Qorti matul is-sena 2017 u matul is-sena 2018 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid b'liema reati ġew akkużati, kemm instabu ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kaċċaturi li tressqu l-Qorti sena b'sena mis-sena, 2017 u sal-aħħar ta' Settembru 2018, kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt, u cioè erbgħin (40) fis-sena 2017 u ħdax (11) fis-sena 2018. Ir-reati li tressqu fuqhom dawn il-persuni kienu fuq artikli relatati mal-provedimenti tal-Legiżlazzjoni Sussidjarja 549.42 dwar Konservazzjoni ta' Għasafar Selvaġġi. Fejn il-każ ġie deċiż il-pieni li ngħataw, kienu jikkonsistu f’multi – multi b’sospenzjoni tal-liċenzja u kien hemm każi fejn ġew konfiskati l-oġġetti esebiti u xi drabi anke l-armi.
2017
2018
Sas-17 ta' Ottubru
Persuni mressqa
40
11
Persuni misjuba ħatja
28
1
Persuni lliberati
10
7
Persuni b'sentenzi pendenti
2
3
Korp tal-Pulizija – Ranks ta’ Maġġur, Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju — nisa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa fil-Korp tal-Pulizija li jokkupaw ir-rank ta’ Maġġur, Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li sat-8 ta’ Ottubru 2018 kien hemm sitta u tletin (36) mara fil-Korp tal-Pulizija li jokkupaw ir-rank ta’ Surġent Maġġur, Spettur, Supretendent u Assistent Kummissarju, kif jidher hawn taħt:
Assistent Kummissarju
1
Supretendent
5
Spettur
27
Surġent Maġġur
3
Total
36
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – sejħiet għall-għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sejħiet għall-għajnuna lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, xahar b’xahar, mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018, is-sejħiet għall-għajnuna lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, xahar b’xahar kienu kif jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt:
Jannar
314
Frar
347
Marzu
383
April
447
Mejju
535
Ġunju
607
Lulju
681
Awwissu
632
Settembru
488
Total
4,434
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri li gawdew mis-sistema tal-parole fis-sena 2017 u mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interperllant li fis-sena 2017, 18-il persuna ngħataw il-Liċenzja tal-Parole. Filwaqt illi mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru, 15-il persuna ngħataw il-Liċenzja tal-Parole.
Skwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta – persuni salvati mill-Ibħra tal-Mediterran
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew salvati mill-Baħar tal-Mediterran fis-sena 2018 mill-iSkwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7166, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li 605 persuna ġiet salvata mill-Baħar tal-Mediterran matul l-2018 sad-data ta’ din ir-risposta.
Immigranti rregolari li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm immigranti rregolari li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom fis-sena 2016, fl-2017 u fl-2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fis-snin 2016, 2017 u sa Settembru 2018 l-ammont ta’ immigranti irregolari li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
2016
2017
2018
Total
Total
96
171
186
453
Immigranti li jgawdu xi forma ta’ protezzjoni rilokati fl-iStati Uniti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-possibbilità li persuni immigranti li jgawdu xi forma ta’ protezzjoni, jiġu rilokati fl-iStati Uniti kif kien isir fi żmien Gvern Nazzjonalista?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Il-Gvern ġdid Amerikan qiegħed kulma jmur inaqqas ir-rilokazzjoni ta’ persuni, permezz tal-programm USRAP, li jgawdu minn xi forma ta’ protezzjoni internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilo ta’ droga nqabdet fil-pajjiż fis-sena 2014, fl-2015, fl-2016 fl-2017 u fl-2018 (sa’ issa)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ droga li nqabdet fil-pajjiż fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant u cjoè fl-2014, fl-2015, fl-2016, fl-2017 u sas-6 ta’ Ottubru 2018, kien kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan l-ammont jinkludi kemm id-droga maqbuda u reġistrata mit-Taqsima tad-Drogi tal-Pulizija kif ukoll dik maqbuda mid-Dwana.
Korp tal-Pulizija — Legalizzazzjoni ta’ drogi għall-skopijiet ta’ divertiment – diskussjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx diskussjoni interna fil-Korp tal-Pulizija sabiex jiġi determinat jekk għall-finijiet ta’ bon ordni u tnaqqis ta’ kriminalità fil-pajjiż, huwiex għaqli jew le li jiġu legalizzati ċertu drogi għal skopijiet ta’ divertiment? Jekk fl-affermattiv x’kienu l-konklużjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet dwar jekk ċertu drogi jkunux legalizzati, kif saru f’pajjiżi oħra, għadhom għaddejjin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – sejba ta’ droga / mediċinali pprojbita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ sejbien ta’ droga jew ta’ mediċinali pprojbiti ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena kollha 2017 u mill-1 ta’ Jannar 2018 sat-30 ta’ Settembru 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2017 kien hemm sittin (60) każ ta’ sejbien ta’ droga u/jew mediċinali pprojbiti ġewwa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin filwaqt li mill-1 ta’ Jannar sa l-aħħar ta’ Settembru 2018 kien hemm sebgħin (70) każ.