Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant tal-Enemed – xogħlijiet għal żarmar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet marbuta maż-żarmar tal-impjant tal-Enemed 31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa saru minn mindu l-Gvern ħabbar li se jiġi żarmat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta l-Gvern ħabbar li ser jiġi żarmat l-impjant tal-Enemed f’Birżebbuġa, diġa żżarma wieħed mit-tankijiet u l-Head Office Buildings li ġew ukoll ippreparati biex ikunu jistgħu jitwaqqgħu meta jitlaq l-proġett ta’ decommissioning.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1079 u 1118.

Lokalitajiet – sistema ta’ new water

Question

Jista' l-Ministru jindika dawk il-lokalitajiet li minnhom kien ippjanat li tgħaddi s-sistema ta' new water u fil-fatt din ma għaddietx? Jista' jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb, li l-lokalitajiet li kienu ppjanati li jkunu fornuti bin-new water u għadhom mhux moqdija, jingħataw dan is-servizz fil-futur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-sistema tan-New Water ser tgħaddi minn dawn il-lokalitajiet kif ppjanat: Tramuntana: Partijiet mill-Mellieħa u partijiet mill-Imġarr. It-tender ġiet aġġudikata u dalwaqt jibdew ix-xogħlijiet. Nofsinhar: Partijiet mix-Xgħajra, minn M’Scala, miż-Żejtun u minn M’Xlokk. It-tender għadu kif għadda għand id-Dipartiment tal-Kuntratti. Għawdex: Partijiet minn Għajnsielem, mix-Xagħra, mis-Sannat u minn Kerċem.

ARMS Ltd — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li applikaw jew tefgħu r-riżenja tagħhom fl-ARMS Ltd fl-aħħar sena? Jista' jgħid x’kienu r-raġunijiet għal dawn r-riżenji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 28 ħaddiem li rriżenja minn Novembru 2017 sat-12 t’Ottubru 2018. Ir-raġuni tar-riżenji huma dawn: 9 : Fil-perjodu tal- probation tagħhom 18: Sabu xogħol alternattiv 1 : Skandenza tal-kuntratt

Problema ta’ ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn ilu żmien twil bi problema fl-ilma li qed jiġih kannella u wara diversi tentattivi mal-Water Services Corporation kif ukoll mal-kunsill, xorta baqa’ bla risposta? L-individwu jrid jara wkoll jekk hux se jibdlulu l-main tal-Gvern jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ngħataw lill-WSC biex tistħarreġ dan l-ilment.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — avukati u ditti legali – ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Water Culvert – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jiċċekkja water culvert li tinsab quddiem ir-residenza li d-dettalji tagħha jinsabu separatament, peress li ilha ħafna biex tiġi mnaddfa u fin-nuqqas ta’ dan, l-istat ta’ din il-culvert qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – laqgħa ma’ individwi minn rappreżentanti jew uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, iltaqgħu ma’ rappreżentanti jew uffiċjali tal-Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma bejn Marzu 2013 u Mejju 2017? Jista’ jgħid ukoll meta u ma’ min iltaqgħu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma twaqqaf f’Ġunju 2017.

Għarb Għawdex – Triq Franġisk Portelli – tarmak

Question

B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 5913 li ngħatat mill-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmak fi Triq Franġisk Portelli ġewwa l-Għarb, Għawdex qabel jibda l-istaġun tas-sajf 2018 u jekk le meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' din it-triq peress li kif intqal fit-tweġiba parlamentari indikata, ix-xogħol qed isir mill-Water Service Corporation?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’diskussjonijiet rigward ix-xogħol meħtieġ mal-Ministeru għal Għawdex.

Tankijiet tal-fuel privati – ksur ta’ liġi

Question

B’referenza għat-tankijiet privati tal-fuel li huma illegali ta’ ħafna garaxxijiet li jordnaw fuel bulk biex ma jmorrux għand tal-pompi tal-petrol, jista’ l-Ministru jgħid x’rimedju qed jittieħed dwar hekk? Kemm inqabdu jiksru l-proċedura mir-REWS? Dawn it-tankijiet, bosta minnhom f’inħawi residenzjali, għandhom l-istandards ta’ protezzjoni meħtieġa? Min jissuplixxi l-fuel hu mġiegħel jiċċekkja jekk dawn is-sidien għandhomx permess?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-installazzjonijiet ta' ħażna ta' fuel għandhom bżonn awtorizzazzjoni mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma skond ir-Regolamenti dwar il-Petroleum għas-Suq tal-Karburanti bl-Imnut fuq l-Art. Skont dawn l-istess regolamenti hemm żewġ tipi ta’ awtorizzazzjoni li jistgħu jingħataw fejn hemm ħażniet ta’ fuel għall-użu personali u mhux għall-bejgħ: · operazzjoni ta’ stazzjon kummerċjali minn fejn jimtela l- petroleum, fejn il-kelma “Kummerċjali" tfisser post li ma jkunx miftuħ għall-pubbliku iżda minn fejn jitqassam il-karburanti għat-tħaddim tal-vetturi · operazzjoni ta’ faċilità sekondarja tal-ħżin tal- petroleum. F’każ ta’ installazzjonijiet ġodda r-Regolatur jesiġi li l-installazzjoni tilħaq l-istess standard mitlub minn stazzjonijiet li jbiegħu l-fuel, jiġifieri skont id-Design, Construction, Modification and Maintenance of Petrol Filling Stations Guidelines, ippublikati mill-Association for Petroleum and Explosives Administration (APEA). Barra minn hekk, l-operaturi għandhom isegwu Kodiċi ta’ Prattika attwali. Biex tingħata awtorizzazzjoni, l-applikant ukoll jiġi mitlub li jkollu l-permessi kollha meħtieġa, speċjalment il-permessi ta’ l-Awtorita’ tal-Ippjanar u dak ta’ l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi. Ir-Regolatur jieħu il-passi ta’ infurzar meħtieġa kull darba li jinqabad każ ta’ ħażna ta' fuel li m’għandhiex il-permessi meħtieġa. Kien hemm għaxar investigazzjonijiet riċenti (tul dawn l-aħħar tlett snin) li jirrigwardjaw stallazzjonijiet illegali ta’ ħazna ta’ fuel . Il-fornituri tal- fuel huma obbligati li jiċċekkjaw li l-istallazjoni fejn ser ifornu għandha l-permessi meħtieġa.

Tankijiet ta’ taħt l-art tal-fuel stations – lining tal-membrane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ispeċifikazzjonijiet tal-lining tal-membrane tat-tankijiet ta’ taħt l-art tal-fuel stations? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li qed jiġi aċċettat lining ta’ membrane normali meta l-petrol idewbu u mhux il-lining tal-fuel tanks proprja li hu epdethelene benelyne nomimer membrane or fiber glass enforced plastic? Kif qed timmoniterja u tirregolarizza dwar hekk ir-REWS?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li waqt refurbishment ta’ petroleum filling station u għall-istazzjonijiet ġodda ir-Regolatur jesiġi li l-pit fejn ikunu ser jitpoġġew it-tankijiet tal-fuel kif ukoll l-oil/water separator (ta’ volum aktar minn 7000 litru) iridu jiġu miksija b’fuel-resistant self-healing geotextile membrane b’permjabilità minima ta’ 5x10-9 cm/s. Il-forecourt tal-istazzjon trid tinkesa ukoll b’din it-tip ta’ membrane. Dan it-tip ta' lining huwa mitlub skont id-Design, Construction, Modification and Maintenance of Petrol Filling Stations Guidelines,ippublikat mill-Association for Petroleum and Explosives Administration (APEA)' – it-tielet edizzjoni, Sezzjoni 8.5.5.3. Dawn il-linji gwida huma meqjusa internazzjonalment bħala ta’ livell għoli. L-operaturi tal-pompa taħt il-gwida ta’ inġinier kompetenti jrid jipprovdi ċertifikat li dan it-tip ta' lining ġie installat skont l-ispeċifikazzjonijiet mitluba.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 522 magħmula mill-istess Interpellant.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Triq tal-Armier – kontroll tat-traffiku minħabba xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ kontroll tat-traffiku ħa l-kuntrattur li d-dettalji tiegħu qed jingħataw b’mod separat, meta nhar it-Tlieta 5 ta’ Ġunju 2018 kien qiegħed jaħdem fit-triq tal-Armier fejn kien qiegħed jagħti t-tarmak u kien imqabbad mill-Enemalta? Jista’ jgħid jekk kienx hemm pulizija jew wardens imexxu t-traffiku, u jekk kien hemm, kemm kien hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-kuntratturi mqabbdin mill-Enemalta plc huma obbligati jimxu skont ir-regoli u d-direzzjonijiet tal-Awtorità responsabbli.

Għajnsielem – Triq l-Imġarr – bozza mhux mixgħula

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-bozza bin-numru 163 li qiegħda fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, u li ilha mitfija għal aktar minn sena, tinxtegħel kemm jista’ jkun malajr?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Enerġija mill-Interconnector

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm inxtrat enerġija tramite l-interconnector Malta-Sqallija, xahar b’xahar minn mindu bdiet, f’volum (Mwh) u prezz? Jista’ jelenka liema kienu s-sorsi ta’ enerġija minn fejn ġiet din l-enerġija għall-Malta u ċjoè x’persentaġġi mis-swieq barranin u x’tip ta’ enerġija kienet li forniet id-domanda għal Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ġentilment jirreferi għad-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra li kien ippubblikat mill-NSO fit-12 t’Ottubru 2017, fejn hemm elenkata, xahar b’xahar, l-enerġija li nxtrat tramite l-interconnector bejn Malta u Sqallija minn Marzu 2015 sa Diċembru 2016. L-istess informazzjoni, inkluż informazzjoni dwar l-enerġija li nxtrat matul is-sena 2017 tiġi ppubblikata mill-NSO matul din is-sena. Ta’ min wieħed jgħid li l-enerġija mixtrija tramite l-interconnector bejn Malta u Sqallija tinxtara minn fuq is-swieq Taljani, u l-provenjenza ta’ din l-enerġija ma tkunx indikata. Fir-rigward tal-bqija tal-informazzjoni mitluba, din għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc, u għaldaqstant l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.

Mellieħa – Triq l-Armier u Triq ir-Ramla – xogħol ta’ reinstatement

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir ix-xogħol ta’ reinstatement li hemm bżonn fi Triq l-Armier u Triq ir-Ramla, limiti tal-Mellieħa, u jekk hu possibbli, dan ix-xogħol isir qabel ma joqrob iżjed l-istaġun tas-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ reinstatement fi Triq l-Armier diġa bdew u għandhom jitlestew fil-ġranet li ġejjin. Fir-rigward ta’ Triq ir-Ramla, b’koordinament mal-entitajiet kollha, qed naħdmu biex ix-xogħol jitlesta mill-aktar fis possibbli.

Il-Mellieħa – Bajja tal-Għadira – skular tad-drenaġġ

Question

Peress li d-drenaġġ qed jiskula fil-bajja tal-Għadira l-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet? Is-Supratendenza tas-Saħħa Pubblika hi notifikata? X’passi ttieħdu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma sabet l-ebda evidenza ta’ xi drenaġġ li kien qiegħed jiskula fil-bajja tal-Għadira.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — għajnuna finanzjarja lill-knisja

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?

Response (MIZZI, JOE)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.