Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport irċieva d-dipartiment jew l-entitajiet responsabbli dwar skart imħolli illegalment jew nuqqas ta’ ġbir ta’ skart fil-lokalità tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn u x’passi ttieħdu sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, mill-bidu tal-2024 sal-aħħar ta’ Awwissu 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċeviet 41 rapport dwar kwistjonijiet ta’ skart fil-lokalità tas-Swieqi permezz tal-pjattaforma uffiċjali tal-ERIS. Apparti dawn, l-Awtorità rċeviet ukoll numru ta’ imejls mill-Kunsill Lokali dwar is-suġġett li lkoll ġew segwiti.
Wara li l-ERA tirċievi tali rapporti, jsiru spezzjonijiet u monitoraġġ tal-‘hot spots’ skont is-severità tal-problema. Fil-perjodu inkwistjoni, l-Awtorità wettqet 679 spezzjoni relatata ma’ skart mormi ħażin fis-Swieqi. Dawn ix-shifts jikkonsistu f’żewġ uffiċjali li jagħmlu spezzjonijiet ta’ bejn erba’ u ħames sigħat. Dawn l-ispezzjonijiet wasslu biex, matul l-aħħar sentejn, l-ERA ħarġet 66 multa marbuta ma’ każijiet ta’ depożitu illegali ta’ skart fis-Swieqi, kif ukoll 118 -il ittra ta’ twissija uffiċjali relatati ma’ nuqqas ta’ konformità mal-liġi tas-separazzjoni mandatorja tal-iskart.
Marsaskala – Triq il-Batterija – Problemi ta’ vultaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Batterija, Marsaskala, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fit-triq indikata, l-Enemalta għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ ‘LVR’ biex issaħħaħ is-sistema fuq livell ta’ vultaġġ baxx f’din it-triq.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta tax-xogħlijiet li se jsiru fi Ġnien Mark Farrugia, f’Ħal Tarxien, inkluż il-method statement tax-xogħlijiet? Tista’ wkoll tispjega x'intervent se jsir?
Iż-Żejtun – Provvista tal-elettriku - Problemi ta’ vultaġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-inħawi ta’ Triq it-Tamburin, iż-Żejtun, qed jesperjenzaw problemi relatati mal-vultaġġ tal-provvista tal-elettriku? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar tal-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x’inhu l-pjan biex tissolva din il-problema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta wettqet u qed twettaq xogħol kontinwu biex tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-netwerk fil-lokalità indikata minnu f’din il-mistoqsija parlamentari u domandi oħrajn. Ninsab infurmata li lill-Enemalta ma jirriżultalhiex li hemm problema bil-vultaġġ tal-provvista tal-elettriku fejn indikat. F’każ li xi ħadd jesperjenza diffikultajiet għandu jinforma lill-Enemalta.
Ir-Rabat u l-Imġarr, Malta – Qtugħ fil-provvista tad-dawl
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-inħawi ta’ Binġemma, tas-Salib u l-Għammieri fir-Rabat, u l-Imġarr, qed jesperjenzaw qtugħ ta’ dawl spiss, fosthom nhar l-Erbgħa 15 ta’ Lulju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-ġurnata indikata rriżultat ħsara f’cable ta’ vultaġġ medju li affettwat il-provvista tal-elettriku fl-inħawi ta’ Binġemma, tas-Salib u l-Għammieri fir-Rabat kif ukoll f’partijiet tal-Imġarr. Infurmata wkoll li l-provvista bdiet tingħata lura lill-klijenti fi ftit minuti minn meta oriġinat u ġiet identifikata l-ħsara mit-timijiet tekniċi tal-Enemalta sakemm ġiet restawrata b’mod gradwali.
Raħal Ġdid - Triq tal-Borg u t-toroq tal-madwar - Qtugħ ta’ dawl
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 577 u 1133, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm rapporti ta’ vultaġġ għoli jew baxx aktar min-normal fi Triq tal-Borg, f’Raħal Ġdid u t-toroq tal-madwar, u kemm kien hemm minn dawn ir-rapporti minn Settembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bejn Settembru 2025 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati erba’ rapporti. Wara l-verifiki u l-investigazzjonijiet tekniċi meħtieġa, l-inġiniera tal-Enemalta wettqu aġġustamenti fis-settings tas-substation li tforni din iż-żona.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Laparelli, fil-Belt Valletta, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2019?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma sar il-proġett biex inħoloq dak li llum huwa magħruf bħala Ġnien Laparelli, li jinsab fil-foss taħt is-swar fid-daħla tal-Belt Valletta, iż-żona kienet mitluqa u tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi.
B’investiment ta’ madwar €5 miljun, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) ittrasformat il-foss fi spazju pubbliku miftuħ, b’għexieren ta’ siġar u eluf ta’ pjanti indiġeni, li huwa aċċessibbli minn żewġ naħat tal-Belt Valletta.
Enemalta - Sistema tad-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku - Proġettazzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1159, tista’ l-Ministru tgħid fuq liema ċifri, stimi jew proġettazzjonijiet qed taħdem l-Enemalta sabiex tiddetermina l-kapaċità li għandu jkollha s-sistema tad-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku? Tista’ tgħid ukoll kif dawn iċ-ċifri qed jintużaw biex jiġi ppjanat l-investiment meħtieġ fit-tisħiħ tal-infrastruttura tal-elettriku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti kollha relatati mat-tisħiħ tas-sistema għad-distribuzzjoni tal-elettriku jiġu ppjanati u aġġornati b’mod kontinwu mill-Enemalta fuq il-bażi ta’ analiżijiet tekniċi speċjalizzati li jqisu diversi fatturi, fosthom ix-xejriet storiċi tal-konsum tal-elettriku, it-tbassir tad-domanda futura, it-talbiet għal konnessjonijiet ġodda, l-iżviluppi approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, il-popolazzjoni u l-attività ekonomika fejn rilevanti, kif ukoll il-ħtiġijiet operattivi tan-network fiż-żoni konċernati. Kull żvilupp jew talba għal konnessjoni ġdida tiġi evalwata biex jiġi stabbilit l-impatt tagħha fuq is-sistema tad-distribuzzjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn l-evalwazzjonijiet jiġu identifikati u implimentati l-investimenti meħtieġa fit-tisħiħ tal-infrastruttura elettrika, inklużi substations, feeders, cables u assi oħrajn tan-network. L-ippjanar tal-infrastruttura jsir ukoll fid-dawl tal-ħtieġa li tinżamm sistema reżiljenti, sigura u affidabbli, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi fil-ġenerazzjoni lokali, l-integrazzjoni ta’ aktar enerġija rinovabbli u l-investimenti strateġiċi li qegħdin isiru biex ikompli jissaħħaħ is-settur tal-enerġija.
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-lokalitajiet fejn intużaw generators temporanji, u għal kull lokalità tispeċifika t-toroq fejn intużaw, kif ukoll id-dati u t-tul ta’ ħin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta investiet f’numru ta’ generators li jintużaw primarjament waqt xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-grid, fejn ikun teknikament possibbli li jitqabbdu sabiex il-konsumaturi jibqgħu jingħataw il-provvista tal-elettriku matul it-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet.
Barra minn hekk, f’każ ta’ ħsarat fuq il-grid, il-generators jintużaw meta xi substations jiġu iżolati u ma jkunx possibbli li l-provvista tiġi restawrata immedjatament. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-konsumaturi affettwati jiġu provduti b’servizz temporanju permezz ta’ dawn il-generators sakemm jitlestew it-tiswijiet meħtieġa u terġa’ tiġi stabbilita l-provvista normali.
Qtugħ fil-provvista tad-dawl - Lista tal-lokalitajiet
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-lokalitajiet li mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari esperjenzaw qtugħ fil-provvista tad-dawl, u għal kull lokalità tgħid meta seħħ dan il-qtugħ u jekk dan kienx skedat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien jew minħabba ħsarat lokalizzati, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.
Ir-Rabat, Malta - Żona tal-Għammieri - Lampi tat-toroq mitfija
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jissewwew il-lampi tat-toroq fiż-żona tal-Għammieri fil-limiti tar-Rabat, Malta, minħabba li ilhom aktar minn sebat ijiem mitfija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-lampi fiż-żona indikata nxtegħlu.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Rekords mediċi miżmuma
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1777 u tgħid x’tip ta’ rekords mediċi qegħdin jinżammu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fir-rigward tal-annimali li jinsabu taħt il-kura tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li meta annimal jidħol fil-kustodju tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, jiġi assenjat Patient Number u jinħariġlu Admission Patient Medical Record li jkun abbinat miegħu. Dan id-dokument jimxi mal-annimal meta jiġi trasferit għand il-kliniċi veterinarji (kemm interni kif ukoll privati) li jkunu qed jintużaw f’dak iż-żmien. Id-dettalji tal-ewwel eżaminazzjoni tal-annimal jitniżżlu fuq dan id-dokument. Kwalunkwe eżaminazzjonijiet jew proċeduri li jsiru fil-futur jiġu mniżżlin fuq Examination Record (jekk issir internament) jew Follow-Up Patient Medical Record (jekk issir privatament).
Apparti rekords fiżiċi, jinżammu wkoll dawk diġitali. Id-dettalji ġenerali, riżultati importanti ta’ testijiet tad-demm tal-annimal, u dettalji tal-Call tal-Ambulanza jitniżżlu f’Excel Sheets li jżommu detallji tal-pazjenti kollha li jkunu daħlu fil-kustodju tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f’sena partikolari. Rekords diġitali iktar dettaljati fuq pazjenti individwali jiġu miżmuma mis-sezzjoni relevanti (Qtates jew Klieb), fejn jitniżżlu problemi mediċi, trattamenti pjanati, dati ta’ vaċċini u trattamenti kontra l-parasiti, u kwalunkwe informazzjoni relevanti.
Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja qed isir f'Malta u f’Għawdex, inkluż il-metodoloġija użata u liema entità hija responsabbli minn dan il-monitoraġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtoritá għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-kwalitá tal-arja permezz ta’ network ta’ stazzjonijiet li jipprovdu riżultati b’mod instantanju. Dawn l-stazzjonijiet ta’ monitoraġġ jinsabu l-Imsida, San Pawl il-Baħar, Ħ'Attard, iż-Żejtun u l-Għarb, Għawdex. Il-mod kif ġew determinati s-siti, s-sustanzi ta’ tniġġiż koperti u l-metodoloġija tal-monitoraġġ huma kollha skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, d-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa.
Apparti n-network instantanju, hemm ukoll dak passiv li jikkumplimentah. Il-monitoraġġ isir permezz ta’ ‘diffusion tubes’, u jkopri tliet sustanzi ta’ tniġġiż li huma sulphur dioxide, volatile organic compounds (benzene) u nitrogen dioxide. Ir-riżultati huma disponibbli fuq medja ta’ xahar. Id-data ġenerata mill-stazzjonijiet ta’ monitoraġġ hija wkoll disponibbli fuq il-website tal-ERA.
Wasteserv - Makkinarju u tagħmir - Dewmien fil-ħatt tal-iskart domestiku
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsarat jew diffikultajiet fil-makkinarju u t-tagħmir tal-faċilitajiet tal-Wasteserv li fihom jitwaddab l-iskart domestiku li qed iwassal għal dewmien biex jinħatt l-iskart bil-konsegwenza li qed ikun hemm dewmien fil-ġbir? Jekk iva, x’inhuma dawn il ħsarat u kemm ilhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1271, ninsab infurmata li ma kien hemm l-ebda ħsara jew diffikultà oħra fil-makkinarju u/jew t-tagħmir tal-faċilitajiet tal-Wasteserv relatat mal-operazzjoni tal-ħatt tal-iskart.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1184 u tgħid x'inhu l-proċess jew proċessi f'pajjiżna biex wieħed jiddisponi/jiskrappja vettura elettrika? Tista’ tgħid ukoll xi ħlasijiet tinvolvi, liema awtoritajiet huma konċernati u jekk hemmx xi forma ta' riċiklar/esportazzjoni tal-partijiet li jikkomponuha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex wieħed jiddisponi minn/jiskrappja vettura (inkluż vettura elettrika), tali vettura għandha tittieħed ġewwa faċilitajiet li jkollhom permess mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). L-istess faċilità toħroġ Ċertifikat ta’ Distruzzjoni (Certificate of Destruction – CoD) lil sid il-vettura, biex dan ikun jista’ jwaqqaf ir-reġistrazzjoni tal-vettura ma’ Transport Malta (TM). Ladarba vettura tiġi żarmata, l-faċilità mbagħad ikollha l-obbligu li tirriċikla l-materjal billi tesporta dirett jew tibgħat l-iskart ġenerat lil faċilitjiet oħra lokali. Il-piż finanzjarju biex tiġi żmantellata vettura għandu jinġarr minn min ikun poġġa l-vettura fuq is-suq oriġinarjament.
Dan is-settur huwa regolat skont il-provedimenti ta’ LS 549.36, Regolamenti dwar l-Immaniġġar ta’ Skart (Vetturi fi Tmiem Żmienhom) li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom huma konġuntament, l-ERA, TM u MCCCA. Fil-każ ta’ vetturi li jikkontjenu batteriji, tali batteriji huma wkoll regolati permezz tal-provedimenti tal-LS 549.178, Regolamenti dwar Maniġġar ta’ Skart (Skart ta' Batteriji), li l-awtorita kompetenti tagħha hija l-ERA.
Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra – Uffiċjali tas-sigurtà
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1039, tista' l-Ministru tgħid f'liema siti jkunu l-uffiċjali tas-sigurtà impjegati taħt Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha li huma responsabbli mis-sigurtà u l-manutenzjoni ta' parks, ġonna u soft areas, fix-xiftijiet tagħhom? Tista’ allura tikkonferma li dawn is-siti qed ikollhom sigurtà 24 siegħa kuljum?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà għall-parks u l-ġonna pubbliċi tappartjeni lil entitajiet differenti, inklużi l-Kunsilli Lokali. B’żieda mal-informazzjoni li tajtu fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1039, ninfurmah ukoll li, fejn jirrigwardja l-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, is-siti li huma koperti b’arranġamenti ta’ sigurtà 24 siegħa kuljum huma l-Buskett, il-Park tas-Salina u Kennedy Grove (inklużi s-salini tal-melħ), il-Park ta’ Xrobb l-Għaġin, ir-Riserva tal-Għadira, il-Park tal-Familja ta’ Sant’Antnin, Ġnien Spencer u l-Petting Farm ta’ Ta’ Qali.
Tista’ l-Ministru tassigura li l-ebda siġra li bħalissa tinsab fil-Ġnien Mark Farrugia, f’Ħal Tarxien, mhi se tinqala’ bħala parti mix-xogħlijiet li se jsiru minn Project Green f’dan il-ġnien?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, skont il-pjanti tal-proġett, mhux se jitneħħew siġar maturi b’saħħithom li jinsabu fi Ġnien Mark Farrugia, f’Ħal Tarxien. Madankollu, ser jitneħħew speċi invażivi li qed jikkawżaw ħsara lill-ambjent naturali u lill-bijodiversità tas-sit, bħala parti minn interventi mmirati biex jittejjeb il-valur ekoloġiku tal-ġnien. Dawn ix-xogħlijiet jaqgħu taħt il-permess EP 1344/23 maħruġ mill-ERA fid-9 ta’ Lulju, 2024, li jawtorizza interventi speċifiċi fuq siġar f'diversi siti, inkluż it-tneħħija ta' siġar ta’ speċi invażivi, t-tneħħija ta’ siġar protetti mejtin u żbir ta' manutenzjoni ta' siġar protetti.
Tista' l-Ministru tgħid x’xogħol hu ppjanat li jsir fi Ġnien Mark Farrugia f'Ħal Tarxien? Tista' tipprovdi pjanti u/jew viżwali li juru kif se jiġi l-ġnien b'dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Mark Farrugia, f'Ħal Tarxien, ġie ddisinjat b’mod li jimmassimizza l-ispazju aħdar filwaqt li jimminimizza l-użu ta’ hard landscaping. L-interventi se jinkludu t-tħawwil ta’ aktar siġar u pjanti, l-installazzjoni ta’ bankijiet u faċilitajiet għall-pikniks, sabiex jinħoloq spazju pubbliku aktar attraenti, aċċessibbli u adattat għall-familji. Bħalma jsir fi proġetti oħrajn ta’ riġenerazzjoni, x-xogħlijiet qed jitwettqu f’fażijiet biex jiġi żgurat li kull intervent jitlesta skont l-istandards stabbiliti. Qed inpoġġi pjanta tal-proġett fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar ix-xogħol li għaddej fiż-żona ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi biex jitranġaw il-ħsarat ikkawżati mill-maltemp li kien iffaċċja pajjiżna, inkluż xi żviluppi kien hemm u t-timeline f’dan ir-rigward?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid:
i. jekk il-Gvern iqisx li t-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa biżżejjed sabiex jindirizza r-riskji li jistgħu jirriżultaw minn kriżi internazzjonali li taffettwa kemm il-provvista tal-elettriku minn Sqallija kif ukoll il-provvista tal-LNG;
ii. x’inhu l-pjan ta’ kontinġenza tal-Gvern f’każ li, minħabba kriżi internazzjonali jew ġeopolitika, Malta tiffaċċja diffikultajiet kemm fl-importazzjoni tal-elettriku kif ukoll fil-provvista tal-LNG;
iii. jekk sarux studji jew stress tests dwar ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija ta’ Malta f’xenarju fejn il-provvista tal-elettriku minn Sqallija u l-importazzjoni tal-LNG jiġu affettwati fl-istess ħin u jekk iva, meta saru u x’kienu l-konklużjonijiet ewlenin tagħhom; u
iv. x’miżuri addizzjonali qed jippjana l-Gvern sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija għal Malta u jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi ta’ enerġija importati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.