Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Mobile jew Telephone Line Allowances
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-koordinatur tal-komunikazzjoni fil-Ministeru tiegħu għandux/għandhiex mobile jew telephone line mħallas minn fondi pubbliċi?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 184.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Impjegati
Question
Għal kull awtorità jew entità pubblika li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jista' l-Ministru, jgħid kemm hemm:
1. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi part-time, u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
2. impjegati li qed jaħdmu fuq bażi ta’ reduced hours u f’kull każ x’inhu r-rwol ta’ kull impjegat?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Kumpaniji reġistrati f’Malta li m'għandhomx kont bankarju f'Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-kumpaniji reġistrati f'Malta m'għandhomx kont bankarju f'Malta, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għad fadal binjiet amministrati minn INDIS Malta Ltd. li għad għandhom asbestos bħala parti mill-bini, speċjalment fis-soqfa? X'qed isir biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-ħaddiema li jaħdmu f'dawn il-binjiet? X'inhi r-raġuni li dan l-asbestos qatt ma tneħħa mill-INDIS Malta Ltd. bħala s-sid ta' dawn il-binjiet? X'passi ser tieħu l-INDIS Malta Ltd. fil-konfront ta' dawn il-binjiet, bħala s-sid tagħhom, biex tara li dan l-asbestos jitneħħa mill-aktar fis possibbli? Jista’ jgħid ukoll jekk l-INDIS Malta Ltd. għandhiex records ta' kemm binjiet li huma proprjetà tagħha għad għandhom l-asbestos ġo fihom? F'każ li ħaddiema jimirdu minħabba dan l-asbestos, l-INDIS Malta Ltd. ser terfa’ r-responsabiltà tan-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tagħha biex dan l-asbestos jitneħħa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
INDIS Malta Limited – Binjiet b’suffetti tal-jablo
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn binjiet proprjetà ta' INDIS Malta Ltd. li għad għandhom suffetti tal-expanded polystyrene (EPS – jablo) li huwa materjal fjammabbli u li fil-każ li jkun hemm ħruq taħtu, dan idub u jqattar bħala żejt? Sar assessment tal-periklu li jinħoloq f'każ ta' ħruq kemm għal min jinzerta taħtu kif ukoll għall-ħaddiema tat-tifi tan-nar fil-każ li jkollhom bżonn jintervjenu biex jitfu n-nar?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
INDIS Malta Limited – Tneħħija tal-asbestos u jablo
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-materjali tal-asbestos u l-expanded polystyrene - EPS humiex ser jiġu mneħħija mill-binjiet proprjetà ta' INDIS Malta Ltd.? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħol hux ser tidħol għalih INDIS, u f’liema terminu ta’ żmien għandu jkun mistenni li dan ix-xogħol iseħħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2023, fejn fost oħrajn jingħad: “The (Maltese) government did not effectively … make concrete efforts to increase oversight and regulation of massage parlors where there was a higher incidence of trafficking indicators.”jista' l-Ministru jgħid għandux pjan li l-Gvern idaħħal liċenzji għall-Massage Parlours f'pajjiżna?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-misqtosija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Airtime u Programmi - Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tat-televixin mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tat-televixin li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika ukoll liema minn dawn kienu intervisti?
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2024?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16398.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-membri li kienu jagħmlu parti mill-kumitat Investment Committee li f’Mejju tal-2019 taw l-art lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll min kien iffirma u approva l-ħatra tagħhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant jirreferi għar-rapport tal-inkjesta pubblika Jean Paul Sofia li diġà tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min ħatar lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala deputy ġewwa Malta Enterprise u jekk kienx hemm sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk dan l-uffiċjal pubbliku kienx mogħti severance package biex iħalli dan l-uffiċċju?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija la huwa ufficjal pubbliku u qatt ma kien impjegat tal-Korporazzjoni u ghalhekk ma inghata l-ebda severance package, huwa kien ġie maħtur fuq il-bord fl-2013 skont l-att dwar l-Intrapriża ta’ Malta tal-2003.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li kien jaħdem fil-Malta Enterprise bħal kap tal-Micro Enterprise ngħatax xi severance package?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
L-individwu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant li ġie ingaġġat mal-korporazzjoni fl-2004 ma ingħata l-ebda severance package.
Jista' l-Ministru jindika liema parti/moll mill-Malta Freeport qed tintuża mill-vapuri Ro-Ro, liema huma l-partijiet/mollijiet li għandhom din il-faċilità, u liema huma l-partijiet/mollijiet li għandhom permess għal din it-tip ta' operazzjoni?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li skont l-concession agreement li sar fl-2004 kull moll li jaqa’ fil-parametri tal-konċessjoni jista’ jilqa’ jew jintuża għas servizz tar-Roll-On Roll-Off.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Deputati tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-minstoqsija parlamentari 15990 u jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom?
Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Entitajiet li għandhom CEO
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx entitajiet, aġenziji jew awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għandhom CEO? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u min hu/hi s-CEO? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ meta ħa/ħadet il-pożizzjoni u jgħid jekk jagħmlux xi xogħol ieħor bħala negozju jew jipprattikaw professjoni privatament waqt li qed jokkupaw il-pożizzjoni ta’ CEO?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Promozzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid:
• kemm hemm ħaddiema li ngħataw aktar minn promozzjoni waħda inkluż career progression minn Jannar 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fil-Ministeru, awtoritajiet jew fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li hu responsabbli għalih;
• fejn kienu/qegħdin iservu dawn il-ħaddiema, il-kariga/grad li kienu/qegħdin jokkupaw, id-dati ta’ meta ġew promossi u/jew ħadu l-career progression, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ); u
• kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom u kemm kienu ż-żidiet fil-paga b’mod monetarju minn skala għal oħra? X’kienet id-data tal-ingaġġ minn meta bdew mal-istess Ministeru, entità jew awtorità u anke jekk biddlux l-awtorità, entità jew Ministeru meta saru l-promozzjonijiet u/jew career progression?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li ninsab infurmat li l-promozzjonijiet li jingħataw u anke l-career progressions, huma kollha skont dak miktub fis-sectoral agreements, class agreements, u anke l-collective agreements tal-General Service Grades, liema agreements jinħarġu ma’ kull sejħa interna/esterna li toħroġ. Is-sejħiet huma dawk standard li jinkitbu u jiġu miftehma ċentralment.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ngħatat għajnuna lill-gazzetti stampati tul dawn l-aħħar sentejn, liema għajnuna kienet intenzjonata biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-karta fis-suq internazzjonali? Jista’ jgħid ukoll għaliex il-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hija l-eqdem gazzetta f’Malta, (l-ewwel edizzjoni ħarġet f’Settembru tal-1928) li fuq skala nazzjonali għandha udjenza akbar minn uħud mill-gazzetti li ħadu l-għajnuna, qatt ma gawdiet minn dawn l-għotjiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Għawdex — Malta Enterprise - Programmi ta' promozzjoni ta’ investiment dirett barrani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise bejn is-sena 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, implimentatx xi programm ta' promozzjoni tal-investiment dirett barrani f'Għawdex biex b'hekk jiġu attirati proġetti li mhumiex imfixkla mil-limitazzjoniet tal-gżira u jekk iva, fiex kienu jikkonsistu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-isforzi promozzjonali mwettqa mill-Malta Enterprise jsiru għal Malta u Għawdex kollha u l-mod kif issir il-promozzjoni tkun maħsuba għall-kumpaniji speċifiċi li Malta Enterprise tkun qed titkellem magħhom. Il-messaġġ imwassal huwa dwar il-potenzjal li jsir negozju fil-gżejjer Maltin.
Dan iseħħ fl-interazzjonijiet kollha li l-ME għandha ma' investimenti potenzjali. Dan il-messaġġ huwa pproġettat ukoll fl-avvenimenti internazzjonali kollha li tattendi l-Malta Enterprise u fl-avvenimenti li torganizza il-Malta Enteprise.
Meta investiment ikun ser jibda l-operat tiegħu mill-gzejjer Maltin, l-investitur jiġi nfurmat b’dak li għandhom x’joffru Malta, u b’mod partikolari Għawdex u l-assistenza finanzjarja mogħtija jekk jibda jopera minn Għawdex li hija vantaġġjuża minn dik li noffru għall-bqija tal-pajjiż.
Għawdex — Ammont totali ta' investiment barrani dirett
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' investiment barrani dirett f’Għawdex fl-aħħar ta' kull sena, mis-sena 2017 sas-sena 2023?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant li f fl-ahhar snin il-Malta Enterprise kompliet tiffoka fuq li tattira investiment lejn Malta u Għawdex.
F’dawn l-aħħar snin, il-Malta Enterprise rat numru ta’ proġetti ta’ investiment lokali u barrani li beda u kompla jikber f’Għawdex f’setturi li jinkludu maniffatura u teknoloġija. L-Ammont totali ta’ investiment huwa ta' aktar minn €2,000,000 li jinkludu l-ammont ta’ investiment barrani ġewwa Għawdex minn kumpaniji li talbu assistenza mill-Malta Enterprise.
Għalhekk, dawn il-figuri ma jinkludux investiment ieħor barrani u espansjonijiet li ma kellhomx bżonn assistenza mill-Malta Enterprise u / jew jaqaw f’setturi li jiġu megħjuna minn entitatjiet oħra.