Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq f’Għawdex — fondi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4600 dwar il-fondi tar-‘Rural Development Programme 2014-2020' li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex , jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet għala ma ġietx aċċettata ebda triq biex issir minn dawn il-fondi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija kienu preżentati bħala proġett wieħed. Filwaqt li l-applikazzjoni kienet ikkunsidrata favorevolment fit-totalità tagħha, il-kumplessità tan-natura tax-xogħlijiet u l-ispejjeż relatati rriżultaw fi żvantaġġ meta kkumparata ma' applikazzjonijiet oħra fl-istess sejħa.

Ministeru għal Għawdex – proġetti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5398 u jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex u li ma ġewx aċċettati biex isiru permezz tal-'Operational Programme I - European Structural and Investment Funds 2014-2020' “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont globali fi flus li ħa l-Ministeru għal Għawdex minn dan il-programm matul is-snin 2014 u 2020?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li ma ġewx aċċettati biex isiru permezz tal-Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”, huma Promoting the Water Heritage of Gozo u Upgrading of Taċ-Ċawla Housing Estate. L-ammont globali fi flus li ħa l-Ministeru għal Għawdex minn dan il-programm matul is-snin 2014 u 2020 huwa ta’ €7,708,688.

Lands Department – art reġistrata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm art reġistrata mad-Dipartiment tal-Artijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm total ta' ċirka 187 kilometri kwadri f’Malta u Għawdex ta’ territorju li huwa r-reġistrat mal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Mosta — Plots Santa Margerita

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4858, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3919, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-kuntratti tal-plots li ngħataw taħt il-Home Ownership Scheme, Issue tal-1987, hekk kif jidher li ċerti plots għadhom mhux esproprjati (Plot fiż-żona ta’ Santa Margerità fil-Mosta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament)? Jista’ l-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tal-eredi ta’ koppja li jiġu nieqsa mingħajr dan il-kuntratt fis-seħħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi sit kien ġie akkwistat mill-Gvern u hekk kif kull proċedura tkun lesta, dan is-sit ikun jista' mgħoddi għat-trasferiment lill-Housing Authority.

Kiri ta' binjiet li nbnew wara l-gwerra

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6918, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk fil-binjiet li nbnew wara l gwerra, u li wara li nbnew mill-ġdid kienu nkrew lil dawk li kellhom bżonn residenza, is-sidien ta’ dawk il-postijiet (illum l-eredi taghhom) għadhomx jitħallsu bl-istess rata li kienu jitħallsu meta l-proprjetà nkriet għall-ewwel darba?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sidien baqgħu jitħallsu l-istess kera skont kuntratti ta' pussess u użu jew dominju pubbliku li kienu ffirmati minnhom jew mill-antenati tagħhom. Liema kuntratti kienu ffirmati a tenur tal-Ordinanza dwar l-akkwist ta' artijiet għal skopijiet pubbliċi (Kap. 88 tal-Liġijiet ta' Malta).

Rekwiżiti għar-reġistrar tal-kumpaniji

Question

Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-2022 fir-rigward tar-reġistrar tal-kumpaniji u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-Ultimate Beneficiary Owners, jista’ l-Ministru jgħid jekk inbidlux ir-rekwiżiti għar-reġistrar tal-kumpaniji f’Malta u x’ġie mibdul fl-aċċessibbiltà tal-pubbliku għar-reġistru tal-kumpaniji?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dispożizzjoni fil-5th Anti-Money Laundering (AMLD) illi r-reġistru tas-sidien benefiċjarji jkun aċċessibbli għall-pubbliku ġiet iddikjarata nulla mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant id-dispożizzjoni fil-liġi Maltija hija wkoll nulla. Malta ma tistax tinjora sentenza tal-imsemmija Qorti fejn ġiet stabbilit illi l-aċċess jikser drittijiet tal-bniedem. Attwalment, ir-Reġistru tas-sidien benefiċjarji huwa aċċessibbli mill-Awtoritajiet kompetenti u persuni suġġetti, kif definiti fil-Prevention for Money Laundering and Finance Terrorism Regulation.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6641 u l-kuntratti li ġew ippubblikati, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qata' barra l-ismijiet minn fuq dawn il-kuntratti pubbliċi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhix redatta tal-kuntratti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hija prassi li meta jiġu ppubblikati dokumenti simili tinqata' minnhom informazzjoni personali ta' terzi, madanakollu l-istess Onor. Interpellanta hija membru fil-Bord tal-Gvernaturi tal-istess Awtorità u qiegħda tingħata ċ-ċans li tara din l-informazzjoni personalment.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6641 u l-kuntratti ppubblikati, jista’ l-Ministru jgħid jekk, għal kull konċessjoni, l-Aworità tal-Artijiet tatx il-permess biex il-konċessjoni tiġi trasferita, u jekk iva jagħti d-data ta’ kull permess u jgħid lil min ġiet trasferita?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

Każ pendenti – verifikazzjoni u reġistrazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5994, peress li l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentrari 5670 u din ma twiġibx il-mistoqsija li saritlu, jista’ l-Ministru jgħid meta beda l-proċess tal-verifikazzjoni u reġistrazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari Nru 5994 u kif diga spjegat, l-proprjetà inkwistjoni li tirreferi għall-fajl A 104/2005 kienet tinvolvi verifiki estensivi u retti. Il-proċess inbeda f’Ġunju 2021 u kien jinvolvi verifiki interni mill-Uffiċċju Konġunt u skambju ta’ informazzjoni mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi.

White Rocks — proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6665, peress li l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5432 u din ma tweġibx il-mistoqsija li saritlu, fejn tlabtu biex jispjega għalfejn mill-2016 sal-lum għadu ma sar xejn fiż-żona magħrufa bħala l-White Rocks u dik it-tweġiba tgħid li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex il-proġett jimmaterjalizza, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn minn meta ntgħażel l-offerent preferut fl-2016, sal-ġurnata tal-lum, għadu ma sar xejn fiż-żona magħrufa bħala l-White Rocks? Meta hu mistenni li jikkonkludu d-diskussjonijiet u jibda x-xogħol? Jista’ jgħid ukoll ma’ min għaddejjin id-diskussjonijiet dwar dan il-proġett?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5432.

Casino di Venezia

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex il-Casino di Venezia, li ilu magħluq madwar għaxar snin, jerġa’ jingħata l-ħajja?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għadu fl-istadju li jikkunsidra l-aħjar mod ta’ kif jiddisponi minn dawn il-propjetajiet fl-aħjar interess tal-pajjiż.

Servizz free-to-air

Question

Fid-dawl li reċentement il-Gvern stqarr li se jżomm is-servizz free-to-air għal trażmissjoni DTV imma fl-aħħar ġranet kien hemm diversi lmenti minn diversi bnadi ta’ Malta li s-sinjali taċ-channels tat-TV Maltin qed jinqatgħu, u minn risposti li ngħataw lil dawk li ċemplu semmew li kienu ntfew repeaters/transmitters, inkluż f’Għawdex u fin-Naxxar, jista’ l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni fuq is-servizz free-to-air li għadhom jużawh madwar 18,000 familja f’pajjiżna u li huwa garantit b’obbligu legali fuq il-Gvern skont il-Liġi Nazzjonali u l-Liġi Ewropea?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali – talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6861 dwar talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà, jista’ l-Ministru jgħid meta saru t-talbiet għad-devoluzzjoni msemmija fit-tweġiba? F’kull każ, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-site plan taż-żoni li għalihom saret it-talba għad-devoluzzjoni? F’kull każ, fiex wasal il-proċess?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' meta saru t-talbiet għad-devoluzzjoni u fiex wasal il-proċess.

Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali – talbiet għall-Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6861 dwar talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà, billi f'din it-tweġiba hemm referenza għall-Project Green, jista’ l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali oħrajn issottomettew talbiet għall-istess Project Green?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Arijiet – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5783 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Artijiet — kuntratt mal-kerrejja tal-Fortizza ta' Bengħajsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6663 u jippubblika l-kuntratt li l-Awtorità tal-Artijiet għandha mal-kerrejja tal-Fortizza ta' Bengħajsa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija waħda interna tal-Awtorità tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu l-Onor. Interpellanta, li hi membru fuq il-bord tal-Awtorità tal-Artijiet, se tingħata ċ-ċans li tara hi personalment id-dokument mitlub.

Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali – talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali jew kumitati reġjonali li għandhom talba għal devoluzzjoni ta' bini jew art li jixtiequ jiżviluppaw? F'kull każ, liema huma l-kunsilli lokali jew kumitati reġjonali li għandhom tali talba pendenti? Għal liema skop qed jitolbu li tiġi devoluta l-proprjetà li qed jitolbu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kunsilli lokali jew kumitati reġjonali li għandhom talba għal devoluzzjoni ta' bini jew art li jixtiequ jiżviluppaw u r-raġuni għat-talba għad-devuluzzjoni.

Gozo Channel (Holding) Company Ltd. – audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tas-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Holding) Company Ltd?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts tas-snin 2019, 2020, 2021. L-audited accounts tal-2022 għadhom qed jinħadmu u ma jistgħux jiġu sottomessi f'dan l-istadju.