Legislature:
Category:
Reset
Active:

Passaġġi pubbliċi u privati fil-kampanja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkunu reġistrati passaġġi pubbliċi fil-kampanja biex b’hekk il-pubbliku jkun jaf liema passaġġi huma pubbliċi u jkun jista’ jimxi fihom u dawk li huma privati u b’hekk jiġi evitat li jkun hemm diffikultajiet bejn is-sidien ta’ art privata u d-dritt taċ-ċittadin li jgawdi l-kampanja?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jinsab għaddej studju biex jitnieda proġett pilota f’dan ir-rigward.

Awtorità tal-Artijiet — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet flus sa issa l-Awtorità tal-Artijiet taħt il-Framework Agreement for the Provision of Professional Services of a Perit (Numru ta’ Referenza: CT2132/2021)?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Awwissu tal-2022 sal-lum, l-Awtorita tal-Artijiet nefqet is-somma €403,718.85 skont il-Framework Agreement imsemmi. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 3473 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 228 tad-9 ta’ April 2024)

Awtorità tal-Artijiet — Periti li qed joffru servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il perit hemm li qed joffri servizz lill-Awtorità tal-Artijiet taħt il-Framework Agreement for the Provision of Professional Services of a Perit (Numru ta’ Referenza: CT2132/2021) u min huma?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 56 Perit li qed jagħtu servizz lill-Awtoritá tal-Artijiet skont il-Framework Agreement imsemmi.

Belt Valletta — Purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet, permessi u azzjoni se tittieħed sabiex il-purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira jkunu jistgħu jsiru fit-toroq tal-Belt Valletta mingħajr ma jkun hemm aċċess limitat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-awtoritajiet konċernati flimkien mal-organiżżaturi tal-purċissjonijiet ftehmu dwar il-passi li se jittieħdu f’dan ir-rigward.

Artijiet li ġew esproprijati — każijiet miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad baqa' każijiet miftuħa dwar artijiet li ġew esproprijati ġewwa Għawdex bejn l-1990 u l-2023? Jista’ jelenka wkoll lista li turi kemm hemm minn dawn il-każijiet lokalità b’lokalita ġewwa Għawdex?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli Lokali tas-Seba’ Distrett – Għoti ta’ proprjetà jew art

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali tas-Seba' Distrett Elettorali qegħdin fil-proċess li tiġi mgħoddija lilhom proprjetà jew art biex jiġu żviluppati? Fil-każ ta' proprjetà, liema huma dawn il-proprjetajiet? Fil-każ ta' art, x'inhu mistenni li jinbena fuq dik l-art?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li fis-7 Distrett hemm proċess biex proprjetà fir-Rabat tkun devoluta lill-Kunsill Lokali.

Kunsilli Lokali tat-Tnax-il Distrett – Għoti ta’ proprjetà jew art

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali tat-Tnax-il Distrett Elettorali qegħdin fil-proċess li tiġi mgħoddija lilhom proprjetà jew art biex jiġu żviluppati? Fil-każ ta' proprjetà, liema huma dawn il-proprjetajiet? Fil-każ ta' art, x'inhu mistenni li jinbena fuq dik l-art?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-12-il Distrett tlestew proċessi jew il-proċess jinsab fi stadju avvanzat għal dawn id-devoluzzjonijiet: · L-uffiċji amministrattivi lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar · It-Torri tal-Kaptan lill-Kunsill Lokali Naxxar biex iservi ta’ interpretation centre · Sit fi Triq San Ġorġ biex il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jibni Ċentru Ċiviku.

Kumpens — Proprjetajiet trasferiti mill-Knisja għall-Istat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16267, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun qiegħed jingħata aktar kumpens lill-Knisja issa li l-ftehim għalaq iż-żmien tiegħu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Gvern u l-Knisja għadhom għaddejjin bid-diskussjonijet.

Imtarfa – Drama Group

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17111 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Imtarfa Drama Group jerġa' jkollhom post allokat għalihom mill-ġdid, wara li fl-2018 dawn tneħħew mill-eks sptar militari minn fejn kienu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet m’għandha l-ebda talba minn din l-Għaqda.

Imtarfa – Drama Group

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17112 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u jgħid jekk jistax jinstab post fejn l-Imtarfa Drama Group, ikunu jistgħu jiltaqgħu fih u jagħmlu l-laqgħat tal-kumitat wara li dawn spiċċaw mingħajr post stabbilit għalihom, liema post ikun tagħhom fil-lokalità tal-Imtarfa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17329.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2024?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16406.

Il-Baħrija — Triq privata jew pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-triq li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hijiex privata jew pubblika?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet jirriżultalha li t-triq li għamel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant mhijiex proprejtà tal-Gvern.

Żgumbrament — Forti Bengħajsa

Question

Minkejja li f’Ottubru tal-2023 il-persuni li jokkupaw Forti Bengħajsa mingħajr ebda titolu validu fil-liġi ingħataw l-iskadenza tal-perjodu ta’ tletin jum, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn għadu ma sarx l-iżgumbrament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin proċeduri ġudizzjarji għat-terminazzjoni tal-kirja.

Imwejjed u siġġijiet – spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16435, in vista tal-fatt li l-Awtorità tal-Artijiet mistennija żżomm, u ċertament iżżomm rendikont dettaljat tal-ispezzjonijiet li jsiru, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li saritlu billi jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu, u ċjoè informazzjoni indikata xahar b’xahar u skont il-lokalità tal-ispezzjonijiet li saru mill-Awtorità tal-Artijiet dwar encroachments ta’ imwejjed u siġġijiet mill-ewwel ta’ Novembru 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2024?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16435.

Negozjati — Proprjetajiet trasferiti mill-Knisja għall-Istat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16267, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex għaddejjin negozjati dwar ftehim ġdid għat-trasferiment ta’ proprjetajiet mill-Knisja għall-Istat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16267.

Birżebbuġa — Biċċa art qrib l-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16412 u 16766 u ċjoè: B'referenza għall-Gazzetta tal-Gvern Nru 20,966 datata 28 ta' Novembru 2022, paġni 16,050 u 16,052, jista' l-Ministru jgħid jekk il-biċċa art qrib l-Iskola Primarja ta' Birżebbuġa bejn Trejqet l-Iskola u Triq il-Bandli, ġietx akkwistata mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallas biex ġiet akkwistata u għal liema raġunijiet ġiet akkwistata?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviż Nru. 1612 ippubblikat fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tat-28 ta’ Novembru 2022 li jindika l-akkwist li kien sar skont u l-Liġi u l-valutazzjoni mill-periti nkarigati. Għadu ma sarx ħlas minħabba proċeduri legali. L-akkwist intalab biex isir spazju miftuħ pubbliku.

Awtorità tal-Artijiet – Informazzjoni dwar plot

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inbdietx xi investigazzjoni dwar allegat dikjarazzjonijiet foloz fuq titolu fuq il-plot li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn qed jiġi allegat ukoll illi anke jekk l-Awtorità tal-Artijiet kienet taf b'dan l-iżvilupp u li l-binja kellha parti minnha fuq art pubblika, ġiet preżentata proposta lill-Bord tal-istess Awtorità sabiex dan il-plot, li diġà kien mibni, jinbiegħ?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet approva l-bejgħ b’tender pubbliku ta’ din l-art wara li ġew segwiti il-proċeduri stabbiliti.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Airtime u Programmi - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tat-televixin mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tat-televixin li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika ukoll liema minn dawn kienu intervisti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma sar l-ebda infiq ta’ flus mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħtu fuq programmi televiżivi kif indikat fil-mistoqsija.

Il-Mosta – Żona tal-Biżbiżija — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jieħu għalqa tad-dwieli fil-Biżbiżija l-Mosta (fl-inħawi ta’ fejn kellha ssir shooting range fil-passat, wara Mount Saint Joseph Retreat House) biex isir proġett? Jekk iva, jista’ jgħid lil liema kumpanija ser tingħata din l-art u x'tip ta' proġett ser jinbena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhuwiex ċar għal liema art qed jirreferi.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Entitajiet li għandhom CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx entitajiet, aġenziji jew awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għandhom CEO? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u min hu/hi s-CEO? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ meta ħa/ħadet il-pożizzjoni u jgħid jekk jagħmlux xi xogħol ieħor bħala negozju jew jipprattikaw professjoni privatament waqt li qed jokkupaw il-pożizzjoni ta’ CEO?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

It-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella t’hawn taħt: Entità CEO Prattika/Professjoni Privata Awtorità tal-Artijiet Robert Vella Xejn