Residenza San Vinċenz de Paul – kuntratt lil kumpanija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3051, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li ngħata lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal tliet xhur għadux fis-seħħ jew jekk huwiex ser jiġi estiż? Jekk ser ikun qed jiġi estiż, jista’ l-Ministru jgħid għal kemm ser jiġi estiż u jekk huwiex qed jinħareġ tender marbut ma’ dan is-servizz ta’ sigurtà fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l- kuntratt ta’ tlett xhur waqaf, u beda wieħed ġdid ta’ xahrejn, sakemm jinħareg it-tender marbut ma’ dan is-servizz.
Jista’ l-Ministru jindika dawk id-Djar Residenzjali privati li għandhom sistema fejn ir-residenti tagħhom ikunu jistgħu jressqu l-ilmenti jew suġġerimenti tagħhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li kull dar residenzjali privata għandha sistema fejn ir-residenti tagħhom ikunu jistgħu jressqu l-ilmenti jew suġġerimenti. Is-Social Care Standards Authority tagħmel spezzjonijiet regolari. Madankollu, ir-residenti u/jew il-qraba dejjem jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ din l-Awtorità fuq in-numru 25494345 jew permezz b’imejl feedback.scsa@gov.mt jekk l-ilment ma jissolviex fi żmien raġjonevoli.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ebda entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi m’hemm persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ anzjani li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità żżomm kuntatt regolari magħhom permezz tat-telefon minħabba li huma vulnerabbli? X’għandhom jagħmlu dawk l-anzjani li jixtiequ jirċievu dan is-servizz?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jagħmel kuntatt mal-anzjani permezz ta’ diversi servizzi li joffri, skont il-bżonnijiet tal-persuna, u mhux permezz ta’ servizz speċifiku biss. Servizz komuni huwa s-servizz tat-Telecare fejn mill-bidu ta’ din is-sena sa Settembru tal-2022 saru 21,524 telefonata lill-anzjani.
Anzjani li jixtiequ jibbenefikaw mis-servizzi tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jistgħu jċemplu 153 jew liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900. F’każ ta’anzjani Għawdxin, jistgħu jċemplu fuq 22788238 jew ifittxu aktar informazzjoni fuq is-sit elettroniku:
www.activeageing.gov.mt
. Kopja tal-link qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Anzjani jistgħu wkoll iżuru Ċentru Servizz Anzjan ġewwa l-Belt Valletta jew ir-Rabat, Għawdex, kif ukoll il-kunsilli lokali.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li entità waħda (San Vinċenz de Paule) impjegat Advisor wieħed fuq kuntratt. Il-valur tal-kuntratt huwa ta’ 10,000 ewro.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 2546, jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom pendenti l-każijiet għas-servizz 'Respite fid-Dar'? Jista' jgħid ukoll x'inhu jsir biex jiġu ingaġġati aktar carers sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jieħdu dan is-servizz mingħajr dewmien?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hawn 34 jistennew biex jingħataw is-servizz Respite fid-Dar. In-numru naqas minn mindu ġiet imwieġba l-Mistoqsija Parlamentari Nru 2546 fis-Seduta 29 tal-5 ta’ Ottubru billi xi każijiet ġew solvuti.
Il-pendenza tal-każijiet ġodda xahar b’xahar tinsab fit-Tabella li ser inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ħafna mill-każijiet ikunu pendenti għaliex ikun hemm persuni li jitolbu s-servizz fi ġranet partikolari imma ma jinstabux Carers li jistgħu joffru is-servizz fil-jiem mitluba.
L-Active Ageing & Community Care qed jaħdem sabiex sa tmiem Novembru, dawn il-każijiet pendenti jingħataw is-servizz.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tal-kuntratti kollha eżistenti ta' servizzi li jingħataw fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista' jgħid ukoll min qiegħed jipprovdi dawn is-servizzi, kemm hu t-terminu ta' kull kuntratt kif ukoll il-valur ta' kull kuntratt?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ir-Residenza San Vinċenz de Paul hija faċilita’ li tipprovdi residenza u kura lil anzjani b’dipendenza għolja u bħalissa tospita aktar min 1,500 anzjan. Il-kura u s-servizzi huma kollha mogħtija minn tim dedikat ta’ ħaddiema u professjonisti kompost minn 2,800 ħaddiem, kemm tal-gvern u tal-kuntrattur.
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.
Anzjani trasferiti mill-Isptar Mater Dei għar-Residenza San Vinċenz de Paul
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew sabiex jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għar-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ anzjani f’Mater Dei li qed jistennew li jiġu trasferiti għar-Residenza San Vinċenz de Paul huwa ta’ 38.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Servizz tal-Home Help – applikazzjonijiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet illum ta' anzjani li applikaw għall-Għajnuna fid-Dar (Home Help) li għad għandhom l-applikazzjoni pendenti? Jista' jgħid kemm ġew ingaġġati helpers din is-sena biex jitnaqqas in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti u sabiex l-anzjani jingħataw is-servizz minnufih?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 358 applikazzjonijiet pendenti li applikaw għall-Għajnuna fid-Dar (Home Help). Il-Gvern m’għadux jingaġġa helpers. Is-servizz jingħata minn helpers ingaġġati minn kuntrattur, fuq tender li jkun inħareġ minn Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Ir-raġuni tal-każijiet pendenti hija n-nuqqas ta’ helpers disponibbli fis-suq.
Din is-sena il-kuntrattur ingaġġa 69 helper. B’kollox, il-kuntrattur għandu total ta’ 234 helper ingaġġati miegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' helpers jaħdmu mal-Gvern li jagħtu Għajnuna fid-Dar (Home Help) fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021, sena b'sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta' helpers li kienu jaħdmu mal-Gvern kien:
Diċembru 2018 58
Diċembru 2019 53
Diċembru 2020 42
Diċembru 2021 41
In-numru ta’ helpers li kienu jaħdmu mal-kuntrattur kien:
Diċembru 2018: 169
Diċembru 2019: 184
Diċembru 2020: 209
Diċembru 2021: 211
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li għamlu użu mis-servizz ‘Respite fid-Dar’ fis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022 (sal-lum), rispettivament? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx każijiet pendenti bħalissa li qed jistennew li jingħataw servizz mill-CommCare? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm dan id-dewmien?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani fil-komunità li għamlu użu mis-servizz tar-Respite fid-dar kien hekk:
Sena
Benefiċjarji
2019
217
2020
234
2021
248
2022 sa Settembru
222
Bħalissa hemm 43 każ pendenti jistenna għas-servizz Respite fid-Dar. Ir-raġuni tal-każijiet pendenti hija n-nuqqas ta’ carers disponibbli fis-suq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani, li għamlu użu mis-‘Silver-T Service’, li jikkonsisti fi trasport lokali lill-anzjani sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom fil-komunità, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani kellhom bejn 70 sena u 80 sena u kemm minn dawn l-anzjani kellhom ’il fuq minn 81 sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz tas-Silver-T ġie mniedi f’Ottubru tal-2018 b’erbà lokalitajiet u baqa’ jiġi estiż f’aktar lokalitajiet tul is-snin. Fil-preżent qed jingħata f’25 lokalità. L-informazzjoni kif mitluba, kif ukoll it-total ta’ vjaġġi tidher fit-tabella. It-total ta’ benefiċjarji ma kinitx tinżamm mill-2018 sal-2020.
Dan is-servizz bbenefikaw minnu anzjani li għandhom ’il fuq minn sittin sena. Informazzjoni ta’ kemm anzjani jużaw is-servizz li kellhom bejn 70 u 80 sena u dawk l-anzjani li kellhom ’il fuq minn 81 sena ma tinżammx.
Sena
Xhur
Vjaġġi
Benefiċjarji
2018
Ottubru - Diċembru
1,222
2019
Jannar - Diċembru
6,383
2020
Jannar - Marzu
1,473
April - Ġunju
Temporanjament wieqaf minħabba Covid-19
Lulju - Diċembru
2,935
2021
Jannar – Diċembru
(18-il lokalità
8,275
391
2022
Jannar – Settembru
(25 lokalità)
8,292
471
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hemm CEO wieħed li wasal għal-irtirar. Dan hu l-Prof. Anthony Serracino Inglott, CEO tal-Malta Medicines Authority. Madankollu ttieħdu passi biex ikun hemm succession plan biex il-ħidma tibqa’ għaddejja mingħajr skossi.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm ilu li twaqqaf l-Ministeru f’April tat-2022 ma tħallsux flus mill-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ngaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Residenti fid-djar tal-anzjani – Assessjar dwar kapaċità li jivvotaw
Question
Jista’ l-Ministru jispjega l-proċedura li biha jiġu evalwati pazjenti fid-djar tal-anzjani dwar il-kapaċità tagħhom li jivvotaw, u jagħti rendikont xahar b’xahar ta’ kemm pazjenti ġew meqjusa li ma jistgħux jivvotaw fis-snin 2021 u 2022?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta biex tireferri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li llum qed jagħmlu użu mis-servizz ta' fiżjoterapija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma residenti fid-djar tagħhom u kemm minnhom huma residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, jista’ jgħid għaliex għadhom pendenti?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew dawk id-Djar li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership hemm 3,100 resident. Kull resident li jiġi ammess f’dawn ir-residenzi jiġi assessjat mill-fiżjoterapisti. Jekk ir-resident ikollu bżonn it-terapija, jiġi segwit b’mod regolari. Jekk ma jkollux bżonn it-terapija jerġa jkun assessjat wara sitt xhur.
Fil-komunità hemm 3,910 persuni li qed jieħdu s-servizz tal-fiżjoterapija fid-dar tagħhom. Fil-preżent hemm 53 applikazzjoni għall-fiżjoterapija li qed jistennew is-servizz. Dawn huma każijiet riċenti u qed jiġu trattati skont l-urġenza tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li llum jagħmlu użu mis-servizz ta’ Podjatrija? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma residenti fi djar tagħhom u kemm minnhom huma residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li għadhom pendenti u jekk iva, għaliex għadhom pendenti?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fid-Djar Residenzjali tal-Gvern jew dawk fid-Djar li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Public Private Partnership hemm 3,100 resident. Kull resident li jiġi ammess jiġi assessjat mill-podjatrista u jibqa’ jiġi segwit b’mod regolari skond il-bżonn li jkollu. Fil-komunità hemm 3,600 il-persuna li qed jieħdu s-servizz tal-podjatrija fid-dar tagħhom. Hemm 100 każ jistenna dan is-servizz. Dawn huma każijiet riċenti u qed jiġu trattati skont l-urġenza tagħhom.