Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – karozzi leased/mikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6204 u 6223, qed inpoġġi l-kumplament tal-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bajjiet ta’ Wied il-Għajn – ħruġ ta’ xaħam fil-baħar mill-fish farms

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx, jew jekk fin-negattiv tara jekk huwiex possibbli li ssir, evalwazzjoni u investigazzjoni ta’ ġbir ta’ dak li jiġi msejjaħ bħala “xaħam” fil-baħar li qiegħed jinġabar fil-bajjiet ta’ Wied il-Għajn b’lega bajda, li jingħad li qiegħed joħroġ mill-Fish Farms u x’inhu jsir biex jiġi kkontrollat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċeviet l-ebda rapporti dwar dak li ġie deskritt bħala ‘xaħam’ fil-baħar fil-bajjiet ta’ Marsaskala. Infurmata wkoll illi f’dan il-perjodu, l-operat tal-fish farms ikun għadu ma bediex. Sadattant, ninforma lill-Onor. Interpellant li minn investigazzjonijiet ta’ rapporti simili, fi bnadi oħrajn tal-kosta tal-gżejjer Maltin fil-ġimgħat li għaddew, irriżulta li dak li kien innutat kien ‘foam’ naturali tal-baħar imħallat ma’ bram mejjet, fdalijiet tal-baħar u ħmieġ antropoġeniku ieħor.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju – dawl pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tara li d-dawl pubbliku kollu, u allura anke d-dawl dekorattiv, li hemm fiż-żona ta' Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Bahar, inkluż iż-żona tal-boathouses, ikun kollu mixgħul? Fid-dawl li ġew irrapportati numru ta' ħsarat hawnhekk, tista' l-Ministru tgħid meta huwa maħsub li dawn it-tiswijiet isiru? F'każ li l-ħsarat mhumiex responsabilità tal-Enemalta, tista' l-Ministru tara li l-Enemalta tinforma lill-entità kkonċernata dwar dawn il-ħsarat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta ma tistax tagħmel it-tiswijiet ta’ wħud mil-lampi qabel ma l-installazzjoni tagħhom tkun skont kif stipulat mir-regoli tal-Enemalta. Il-Kunsill Lokali huwa infurmat. Fil-manwal hemm stipulat li kull lampa li f’xi żmien ġiet installata mill-Kunsill irid ikollha d-demarcation box magħha. Meta jsir dan ix-xogħol, l-Enemalta tkun tista’ tagħmel it-tiswijiet meħtieġa. Infurmata wkoll li l-ħaddiema tal-Enemalta dan ix-xaħar stess għamlu tiswijiet ta’ xi lampi f’Dawret in-Nawfraġju. Wara dawn it-tiswijiet, xi lampi tad-dawl tat-triq reġa’ ntfew. Wara li investigaw mill-ġdid, it-tekniċi tal-Enemalta sabu li ħdejn żewġ lampi mitfijin hemm pajp għall-ilma tax-xita u li l-ilma tiegħu qed joħroġ ħdejn il-wires tal-elettriku. Konsegwenza t’hekk, l-MCbs (miniature circuit breakers) installati qegħdin jittrippjaw u jitfu ż-żona. Il-Kunsill Lokali ġie infurmat biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

Clubs sportivi — skemi

Question

Tista' l-Ministru telenka lista ta' skemi li se jinfetħu jew jerġgħu jinfetħu, u meta, għal klabbs sportivi fejn dawn jiġu megħjuna jieħdu inizjattivi ambjentali u sostenibbli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sabiex klabbs sportivi jieħdu inizjattivi ambjentali u sostenibbli, hemm numru ta’ għajnuniet li jistgħu jirrikorru għalihom. Fost dawn, Project Green nediet il-Community Greening Grant li għaliha setgħu japplikaw għaqdiet volontarji, skejjel u Kunsilli Lokali. Din l-iskema kienet intiża għal tisbiħ ambjentali fil-komunità, inkluż bit-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli. Wara li għalqet din l-ewwel skema, Project Green nediet skema oħra Local Greening Programme fejn entitajiet mhux governattivi, inkluż klabbs sportivi, jistgħu jidentifikaw spazji mitluqa, jew li forsi ma jintużawx, sabiex fihom jitħawlu aktar siġar fil-komunità. Aktar dettalji dwar din l-iskema jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-aġenzija. Opportunità oħra hija dik li joffri r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) fejn entitajiet mhux governattivi, u allura inkluż ukoll il-klabbs sportivi, jistgħu japplikaw biex jibbenefikaw minn tariffa feed-in taħt ir-Regolamenti dwar it-Tariffi Feed-in (Elettriku Ġenerat minn Stallazzjonijiet Fotovoltajiċi tax-Xemx) (L.S. 545.27). Din l-opportunità tapplika għal stallazzjonijiet ta’ pannelli b’kapaċità sa 40kW. F’każ ta’ stallazzjonijiet b'kapaċità ta’ bejn l-40kW u l-1000kWp, dawn l-istess entitajiet jistgħu jieħdu sehem fis-sejħiet għall-Offerti (ITB) għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju għall-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Min-naħa tal-Aġenzija dwar l-Enerġija u l-Ilma (EWA), aktar kmieni din is-sena, nfetħet skema għal għaqdiet volontarji (inkluż dawk sportivi) sabiex jinvestu f’inizjattivi li jipprovdu għal aktar effiċjenza fl-użu tal-ilma u l-enerġija. Taħt din l-iskema ntlaqgħu 24 applikazzjoni li bħalissa qed jiġu evalwati mill-Aġenzija. L-inizjattivi magħżula se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin bil-ħsieb li jiġu implimentati matul din is-sena. Sadanittant, qed tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà li din l-iskema terġa’ tiftaħ kmieni s-sena d-dieħla.

Ħaż-Żebbuġ – Vjal il-Ħelsien – dawl tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7932, tista’ l-Ministru tgħid meta saret it-talba mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ lill-Enemalta biex jinbidlu l-arbli u ssir installazzjoni ġdida, u tgħid meta huwa previst li jitlesta dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-talba mill-Kunsill Lokali biex isiru l-arbli u l-installazzjoni tal-elettriku fi Vjal il-Ħelsien saret f’Mejju tal-2022 u sussegwentement saru l-pjanijiet tekniċi. Dan ix-xogħol, li oriġinarjament biex isir kien jaqa’ fir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali permezz tal-kuntrattur tiegħu, huwa wieħed minn diversi proġetti ta’ dawl fit-toroq li qed taħdem fuqhom l-Enemalta din is-sena u huwa mmirat li jitlesta qabel l-aħħar tas-sena. Fil-frattemp, kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7932, din it-triq ġiet imdawla bi floodlights li saru sakemm issir l-installazzjoni ġdida.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Promozzjoni ta’ CEOs – spiża

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus minn fondi pubbliċi fuq advertisement packages li jinkludu kontenut diġitali u kwalunkwe promozzjonijiet ta’ kull xorta, li ttellgħu fuq il-pjattaformi soċjali tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, bl-iskop li jippromwovu b’mod personali lis-CEOs ta’ Project Green u tal-ARMS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-entitajiet li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanta ma nefqu l-ebda fondi pubbliċi fuq advertisement packages, li jinkludu kontenut diġitali u kwalunkwe promozzjonijiet ta’ kull xorta, li ttellgħu fuq il-pjattaformi soċjali tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, bl-iskop li jippromwovu b’mod personali lis-CEOs rispettivi.

Project Green — social media spots

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ħlas biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tagħmel social media posts bħala riklami għal Project Green? Kemm saru pagamenti s’issa?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 8769, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas involut huwa ta’ €5,000 fuq medda ta’ sitt xhur.

Bord tal-Appelli dwar l-Eko-Kontribuzzjoni – ħlas lill-President tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-ħlas mogħti lill-President tal-Bord tal-Appelli dwar l-Eko Kontribuzzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas applikabbli għall-persuna maħtura bħala President tal-Bord tal-Appelli dwar l-Eko-Kontribuzzjoni huwa ta’ €6,000 fis-sena.

Kumpaniji li ġew aċċettati minn CEMalta

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-kumpaniji li ġew aċċettati minn Circular Economy Malta (CEMalta) li jaqgħu taħt Artiklu 3, Regolament 4 tar-Regolament Prinċipali taħt il-Legal Notice 299 tal-2019?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ġejt infurmata illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi pprovduta peress li hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Servizz tal-ilma/dawl sospiż

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm households li kellhom is-servizz tal-ilma/dawl sospiż matul l-2022? Tista’ tgħid liema kienu r-raġunijiet ta’ dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul l-2022 kien hemm 31 każ ta’ households li kellhom is-servizz tal-ilma sospiż, filwaqt li fejn jirrigwardja l-elettriku, in-numru ta’ households li kellhom il-provvista sospiża kienu jlaħħqu 320. B’mod ġenerali, r-raġunijiet għal dawn is-sospensjonijiet kienu relatati ma’ kontijiet mhux imħallsa jew mhux imħallsa fil-ħin, kif ukoll minħabba nuqqasijiet fil-ħlas tal-arretrati. Azzjonijiet bħal dawn ikollhom jittieħdu wara li jkunu saru diversi tentattivi biex jintlaħaq ftehim mal-klijenti dwar pjan biex isir il-ħlas dovut u jkunu nħarġu wkoll għadd ta’ twissijiet.

Kejl tal-kwalità tal-arja f'kull lokalità

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1539 fejn il-Ministru pprovdiet il-figuri tal-medja annwali ta’ livelli ta’ benzin u dijossidu tan-nitroġenu fl-arja għas-sena 2021 għal kull lokalità li tinsab taħt monitoraġġ, tista’ l-Ministru tipprovdi l-istess informazzjoni, miktuba bl-istess format tal-mistoqsija parlamentari 1539, għas-snin 2017-2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra riżultati tal-medja annwali tal-livelli tal-benżin u d-dijossidu tan-nitroġenu għas-snin mitluba f’kull lokalità.

Distanza massima bejn punti tan-new water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx distanza massima bejn punt u ieħor ta’ distribuzzjoni tan-new water u jekk fl-affermattiv, kemm hi din id-distanza? X’inhi r-raġuni għaliex id-distanza bejn punt u ieħor ta’ distribuzzjoni tan-new water fil-Miżieb hija tant kbira, li mhux kull bidwi jista’ jagħmel użu minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li m’hemmx distanza massima bejn punt u ieħor ta’ distribuzzjoni tan-New Water. Għalkemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li dawn il-punti jiġu mqassmin b’mod bilanċjat, raġonevoli u ġust, huwa diffiċli li d-distanza għal kull bidwi tkun l-istess. Dejjem ser ikun hemm bdiewa li jkunu viċin ħafna tad-dispensers u oħrajn li jkollhom jgħaddu l-pajpijiet tagħhom sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz.

ERA – penali marbuta ma’ rimi ta’ skart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-ewwel tas-sena 2023, maqsuma xahar xahar, sal-lum relatati ma': a. rimi ta' skart; u b. rimi ta' skart u ħruġ ta' boroż mhux mal-iskeda, kemm mhux fil-ħin u lanqas fil-ġurnata? Tista’ tgħid kemm kienet il-medja tal-penali li ġew maħruġa f’dawn il-każijiet u/jew xi azzjonijiet li ttieħdu? Tista’ tagħti din l-informazzjoni għal-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena sal-31 ta’ Mejju 2023, inħarġu total ta’ 58 multa mill-ERA fuq skart, 50 minnhom relatati ma’ ksur tal-liġi li tistipola l-iskeda u ħin ta’ kollezzjoni kif stipulati mir-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40). Fl-istess perjodu, minbarra l-multi effettivi nħarġu wkoll 304 twissijiet lil persuni li kisru dan ir-regolament. Il-penali kienu jvarjaw bejn €150 u €6,000. Fil-lokalitajiet indikati, fl-istess perjodu, nħargu 10 twissijiet u multa ta’ €450. Il-multi msemmija jinkludu azzjonijiet li nħarġu għal offiżi tar-Regolament tal-Iskart (LS549.63) jew Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (LS549.40).

Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 681, u fid-dawl li b'deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dan ir-rapport intern dwar il-proċess tal-windfarm fil-Montenegro kellu anke jiġi mgħoddi lill-istampa, tista' l-Ministru tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ir-rapport ikkummissjonat mill-Enemalta qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan ir-rapport, b’rabta mal-Mozura Windfarm fil-Montenegro, sar mill-uffiċċju legali Mamo TCV u l-Enemalta offriet kollaborazzjoni massima biex dan ir-rapport seta’ jseħħ. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport kienu diġà ġew ippubblikati fir-rapporti annwali tal-Enemalta. L-Enemalta ħadet ukoll diversi inizjattivi biex issaħħaħ il-governanza fi ħdanha, fosthom bl-implimentazzjoni ta’ Risk Management Policy, Anti-Money Laundering Policy, Investment Policy u Procurement Policy.

Proċess tax-Xiri tal-Gass (LNG)

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta' kif qed jaħdem il-proċess tax-xiri tal-gass (LNG) f'Malta? Tista’ tgħid jekk hijiex l-Enemalta li tixtri l-gass u tissupplixxih lill-operaturi bħal Electrogas u Shanghai Electric għall-użu fil-powerstations, jew hija l-Electrogas li qed tixtri l-gass u tissupplixxi lill-Enemalta li min-naħa tagħha tissupplixxih lil ħaddieħor? X'inhuma l-agreements li jkopru l-provvista tal-gass f'pajjiżna, u x'inhu r-rwol tal-Gvern f'din il-provvista?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gass LNG jinxtara mill-Electrogas. L-LNG jiġi proċessat fl-impjant ta’ rigassifikazzjoni li l-Electrogas għandha f’Delimara. Parti minn dal-gass jintuża mill-impjant numru 4 f’Delimara li huwa tal-Electrogas stess. Parti oħra tal-gass tmur għall-użu mill-impjant Delimara 3 ta’ D3PG. L-Enemalta ma tħallasx għall-gass li jmur fl-impjant Delimara 4 tal-Electrogas, iżda tħallas għall-elettriku ġġenerat minn dan l-impjant. Min-naħa l-oħra, l-Enemalta tħallas għall-gass li jmur fl-impjant Delimara 3 ta’ D3PG. Din il-kumpanija mbagħad tħallas lill-Enemalta għal dan il-gass, u l-Enemalta tħallas lid-D3PG għall-elettriku ġġenerat mill-impjant tagħha.

Ix-Xgħajra – Triq ix-Xatt (Żona tal-Milord) — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona li qed jirreferi għaliha, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi mhuma qed iwettqu l-ebda xogħol. Madankollu, ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tikkunsidra li tagħmel titjib fis-sistema tad-drenaġġ, billi jitkabbru l-pumping station eżistenti u anke r-rising main. B’mod parallel, l-Enemalta qed tikkunsidra wkoll interventi li jsaħħu l-provvista tal-elettriku.