Legislature:
Category:
Reset
Active:

Grants għall-batteriji għal ħażna tal-enerġija għal djar residenzjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-grants għall-batteriji għal ħażna tal-enerġija għal djar residenzjali ġewx eżawriti u jekk hux ser jerġgħu jinfetħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Għas-sena 2025, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma amministra skema fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli. Din l-skema kienet tkopri wkoll għajnuna għall-batteriji għal ħażna tal-enerġija għal djar residenzjali. L-iskema nfetħet fil-25 ta’ Frar 2025 u kien hemm allokazzjoni ta’ €10.3 miljun għal pannelli solari u batteriji. F’ Lulju 2025, kien hemm allokazzjoni addizzjonali ta’ €5 miljun. Dawn l-fondi kollha ġew kommessi u għaldaqstant l-skema ngħalqet fl-11 ta’ Awwissu 2025. Il-Gvern se jkompli jinċentiva d-djar residenzjali biex jinvestu f’enerġija rinnovabbli u għaldaqstant, għall-Budget tas-sena 2026, reġgħet ġiet allokata s-somma ta’ €15.3 miljun għal pannelli solari u batteriji. Fil-każ tal-skema ta’ Feed-In Tariff għal pannelli solari, li wkoll qed jamministraha r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, din għadha miftuħa u għadhom qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet.

Tas-Sliema - Triq tal-Karmnu - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol għamlu l-entitajiet li jaqgħu taħtha fi Triq tal-Karmnu, f’Tas-Sliema?  Tista’ tgħid ukoll meta beda dan ix-xogħol, meta hu ppjanat li jkun lest u kemm hu mistenni li jiġi jiswa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta poġġiet madwar 13-il kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi toroq f’Tas-Sliema. Ix-xogħol fit-triq indikata min-naħa ta’ Enemalta beda f’Marzu u wara li tlesta, nbdew xogħlijiet oħrajn mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma relatati mad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb li għandhom jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin. L-investiment li sar bejn iż-żewġ entitajiet f’din it-triq hu stmat li jammonta għal madwar €547,000.

Limiti tar-Rabat - Barriera - Backfilling illegali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar is-sitwazzjoni u l-infurzar kontra backfilling illegali f’barriera li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-surveyor’s report?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 30425, nitlobha tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Immaniġġjar tal-Iskart - Multi Amministrattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22247 dwar multi amministrattivi maħruġa għal ksur tar-regolamenti tal-immaniġġjar tal-iskart relatati mal-ġbir tal-iskart, tista’ l-Ministru tgħid: i.    kemm mill-multi amministrattivi ġew imħallsa mill-ewwel; ii.    kemm ġew kontestati quddiem il-bord kompetenti; iii.    kemm minn dawk il-multi kontestati ġew maħfura; iv.    kemm mill-multi ġew ridotti; u v.    kemm każijiet spiċċaw quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Q1 2025 - Emissjonijiet tal-gassijiet serra

Question

Tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljata fejn tindika l-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont is-settur matul il-perjodu Q1 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li nkun nista’ ngħaddi l-informazzjoni relatata meta din tkun konkluża skont l-obbligi ta’ rappurtar stabbiliti taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) għall-inventarji nazzjonali tal-gassijiet serra (GHG). Malta taħdem b’konformità ma’ dawn ir-regoli li jeħtieġu li s-sottomissjonijiet ikunu bbażati fuq data verifikata mis-sentejn kalendarji preċedenti. Infurmata wkoll li għall-perjodu li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanta hemm statistika preliminari tal-Eurostat li tuża mudelli differenti minn dawn, liema statistika indikat xejriet pożittivi għal pajjiżna.

Il-Marsa - Inċineratur - Bottom ash

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi jsir mill-bottom ash iġġenerat mill-inċineratur tal-Marsa, u x’inhi l-ispiża biex dan jiġi dispost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ispjegazzjonijiet li tajt fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 29619 u 29294, m’hemm l-ebda spiża biex jiġi dispost il-materjal li qed issir referenza għalih f’din il-mistoqsija.

WSC/T/025/2025 - SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna l-Kamra dwar is-sejħa: ‘WSC/T/025/2025 - SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm ħaddiema f’Malta u Għawdex li huma tal-kuntrattur u li huma mikrja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) preżentement?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sejħa bir-referenza WSC/T/025/2025 ingħalqet, ġiet evalwata u r-riżultat tagħha ġie pubblikat fid-29 ta’ Lulju 2025. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu direttament mill-pjattaforma tal-ePPS. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħaddem madwar 75 impjegat mal-kuntratturi, li jgawdu mill-benefiċċji kollha tal-Ftehim Kollettiv li jkopri lill-ħaddiema kollha tal-Korporazzjoni.

Il-Fgura - Triq Bormla u Triq Valperga - Dawl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31145 rigward id-dawl fi Triq Bormla u Triq Valperga, l-Fgura, tista’ l-Ministru tara li d-dawl ikun aħjar milli huwa fil-post?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 31145, ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm tnieda proġett biex jinbidlu l-bozoz kollha tat-toroq distributorji u residenzjali madwar Malta b’investiment ta’ madwar €13-il miljun. Dan il-proġett beda proprju fil-Fgura fejn ix-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Fil-Fgura biss ser jinbidlu madwar 550 bozza nkluż dawk taż-żona li qed issir referenza għaliha f’din il-mistoqsija.

Wasteserv – Skart organiku – Tqassim ta’ boroż lill-kunsilli lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija Wasteserv għadhiex tqassam il-boroż tal-iskart organiku lill-kunsilli lokali u jekk iva, tista' tgħid ukoll jekk dawn jiġux provduti lill-kunsilli lokali kollha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 31509.

Ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali - Multi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31193 u tagħti ċifra ta’ kemm-il multa nħarġet għall-ħruġ inkorrett ta’ skart jew rimi ta’ skart illegali (littering)? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom ġew imħallsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajt għall-istess mistoqsija parlamentari li għamlet hi stess bin-numru 31520.

Ġnien ta’ San Anton - Xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31376 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid jekk sarx xogħol ta’ manutenzjoni fil-Ġnien ta’ San Anton speċifikament fuq il-passaġġi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li wara sejħa għall-offerti minn Project Green, it-tender għall-proġett ta’ Sant Anton intrebaħ u ġie ngaġġat il-kuntrattur fil-proġett. Bħalissa l-Aġenzija qiegħda tiġbor id-dokumenti u l-approvazzjonijiet meħtieġa biex il-kuntrattur ikun jista’ jibda x-xogħol. Ix-xogħlijiet se jiġu esegwiti f’fażijiet, fejn l-aċċess pubbliku se jinżamm miftuħ f’żoni li ma jkunx qed isir xogħol fihom. Kull fażi se tirrestawra parti mill-ġnien, li terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku kif titlesta.

Il-Birgu - Proġett biex jitniżżlu l-cables taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju kien wasal il-proġett li kienet bdiet l-Enemalta biex tniżżel il-cables taħt l-art fiċ-ċentru storiku tal-Birgu, kemm ġie jiswa sa issa, u għalfejn waqaf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-linji minn mal-faċċati fil-Pjazza tal-Birgu tneħħew u ġew mgħoddijin taħt l-art bħala parti mill-proġett li sar tar-riġenerazzjoni tal-istess pjazza.

Enemalta - Eks ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-eks ħaddiema tal-Enemalta li marru mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ħadux l-istess increments matul is-snin bħall-ħaddiema tal-Gvern li kienu fuq l-istess skala?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema li qed jirreferi għalihom mhumiex regolati mill-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku, iżda minn Ftehimiet Kollettivi oħrajn iffirmati mal-Unions rikonoxxuti.

Raħal Ġdid - Problema ta’ indafa u sanità pubblika fil-madwar tal-Knisja ta’ Kristu Re

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30578, rigward il-problema marbuta mal-indafa u s-sanità pubblika tal-abbundanza ta’ ħamiem ħdejn u madwar il-Knisja ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-eżitu tal-ispezzjonijiet li saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona msemmija sar ħasil tat-toroq biex jitneħħa l-inkonvenjent inkwistjoni. Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 30578, il-kontroll tal-ħamiem selvaġġ ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi.

Birkirkara - Triq il-Qattus - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Qattus, Swatar, Birkirkara u kemm huma mistennija jdumu tali xogħlijiet? Tista’ tgħid ukoll min hu responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet u minn fejn sa fejn se jkun qiegħed isir ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-istrateġija tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-pjan oriġinali kiber u ġie estiż għal bdil tal-mejnijiet kemm tad-drenaġġ kif ukoll tal-ilma għax-xorb.  Ix-xogħlijiet fl-imsemmija triq, li huma parti minn proġett usa’ u iktar estensiv, huwa mistenni li jitlesta lejn il-bidu tas-sena d-dieħla.

Provvista ta’ New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni ewlenija għaliex il-provvista tan-New Water għadha sew taħt iż-żewġ miljun metru kubu, meta l-pjan kien eqreb għal seba’ miljun metru kubu? Tista’ tgħid ukoll x’qed jipprevjeni lill-impjanti eżistenti milli jilħqu din ir-rata mwiegħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-figura li qed tikkwota l-Onor. Interpellanta ta’ 7 miljun metru kubu ma tirrappreżentax il-provvista tan-New Water kif qed tgħid hi, imma tirrappreżenta l-kapaċità massima li tista’ tintlaħaq sal-2028 li tiddependi fuq produzzjoni massima ta’ drenaġġ kuljum fi 365 jum fis-sena. Tajjeb wieħed jifhem li dan jiddependi minn varjazzjonijiet staġjonali fl-ammont ta’ drenaġġ li jidħol fl-impjanti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-Korporazzjoni kontinwament qed tinvesti fit-tkabbir tal-impjanti tal-produzzjoni ta’ New Water. Fil-fatt, għadha kif ġiet konkluża l-evalwazzjoni tas-sejħa għall-offerti għat-tkabbir tal-impjant Taċ-Ċumnija, fil-Mellieħa filwaqt li ġiet ippubblikata s-sejħa għall-offerti għall-impjant ta’ Ras il-Ħobż, f’Għawdex.

ERA – Infurzar fuq tniġġis tal-arja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il azzjoni ta’ nfurzar għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) speċifikament fuq tniġġis tal-arja, jew emissjonijiet ta’ gassijiet, pollutanti, u tniġġis ieħor fl-arja matul din l-aħħar sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.

Wasteserv – Ħġieġ esportat għar-riċiklaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il tunnellata ta' ħġieġ ġiet esportata għar-riċiklaġġ mill-glass line l-ġdida ta’ WasteServ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn Diċembru 2024 sa Settembru 2025 ġie esportat total ta’ 6,509.84 tunnellata ta’ ħġieġ mill-glass line.