Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16856, jista' l-Ministru jgħid jekk il-każijiet kinux direttament fil-Ministeru jew entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru?
Response (FARRUGIA, AARON)
> B’referenza għall-figuri li tajna bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 16856, ninfurma lill-Onorevoli interpellanta li f’dawn il-figuri ma hemm inklu¿ l-ebda ka¿ mill-Ministeru, i¿da biss mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17488 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18381 tat-Tnax-il Leġislatura, jista’ l-Ministru jindika kemm ġew imwaħħla cameras tas-sigurtà f’żoni fejn jintrema ammont ta’ skart illegali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Ministeru għall-Ambjent għandna numru ta’ cameras tas-sigurtà f’postijiet li jaqgħu taħt r-responsabbiltà tagħna sabiex isir monitoraġġ kemm kontra ħsara kif ukoll kontra rimi ta’ skart. Dawn jinkludu 20 camera fil-Buskett, 8 fil-Park ta’ l-Inwadar, 2 fil-Magħluq ta’ Wied il-Għajn u 6 ġo Kennedy Grove. Hemm ukoll il-pjan li matul iż-żmien li ġej jiżdiedu 4 oħra fl-Inwadar, 10 oħra f’postijiet rurali u Natura 2000 u 5 f’Marine Protected Areas. Sadanittant l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha wkoll li twaħħal 6 cameras oħra f’żoni li huwa magħruf li jintrema skart. Ta’ min ifakkar ukoll li jista’ jkun hemm ministeri oħra li jwaħħlu dawn it-tip ta’ cameras.
Bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti sostenibbli – miżati/ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżati/ħlasijiet li qed jintalbu li jitħallsu ta’ kull sena għall-bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li bħala Ministru responsabbli mill-Ambjent jien nilqa’ bil-ferħ inizzjattivi li jkunu favur l-ambjent, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja ta’ reġistrazzjoni minn bdiewa fil-fatt ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti kif l-aħħar li ġew emendati għall-proġett tal-iżvilupp tat-Trade Fair Grounds fin-Naxxar? Jista’ jgħid:
1. Kemm ser ikun hemm units residenzjali?
2. Kemm ser ikun hemm units kummerċjali? u
3. Kemm ser tiżdied il-popolazzjoni f’din iż-żona tan-Naxxar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-Mistoqsija Parlament 16096.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Environment Impact Assessment u l-pjan tal-immaniġġjar tat-traffiku marbuta mal-proġett ta’ żvilupp taż-żona tat-Trade Fair Grounds fin-Naxxar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif diġà ngħatat tweġiba fil-Mistoqsija Parlamentari 16096, l-applikazzjoni ġiet irtirata. Ninforma lill-Onor Interpellant li sottomissjonijiet kemm tal-Enviroment Impact Assessment kif ukoll il-pjan tal-immaniġjar tat-traffiku ma jiqbgħux relevanti għal xi applikazzjonijiet oħra li jistgħu jsiru ‘l quddiem.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti tal-proġett tar-Reach fiż-żona ta’ Triq il-Markiż Scicluna u l-parkeġġ tat-Trade Fair Grounds fin-Naxxar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-aħħar pjanti tal-proġett tar-Reach fiż-żona ta’ Triq il-Markiż Scicluna u l-parkeġġ tat-Trade Fair Grounds fin-Naxxar skond kif huwa propost fl-applikazzjoni PA6042/19.
Naxxar – Triq il-Milizzja Nafra u Triq is-Senaskalk – pjan ta’ żvilupp
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ żvilupp li beda u qed jitkompla fiż-żona ta’ Triq il-Milizzja, Triq in-Nafra u Triq is-Seneskalk fin-Naxxar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti approvati permezz tal-applikazzjonijet għall-kontroll tal-iżvilupp PC48 tal-2016 u PC22 tal-2009 li jkopru ż-żona msemmijja.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — ħaddiema infettati bil-Covid-19
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16838, jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ħarġet fuq kwarantina minħabba dawn il-każijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 16838, ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba t-tlettax-il (13) każ li rreferejt għalihom fit-tweġiba, n-numru ta’ impjegati li ħarġu fuq kwarantina kien ta’ mija u tmienja (108).
Kummissjoni tal-Ippjanar – Member/Supplementary Member — interviews
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għall-interviews li saru fis-27 ta’ Novembru 2018 għal Member/Supplementary Member tal-Kummissjoni tal-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikanti għaddew mill-interview u kemm weħlu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-order of merit ta' dan l-interview? Kien hemm każijiet fejn applikant, għalkemm għadda mill-interview, ma ġiex approvat mill-Ministru responsabbli?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Artikolu 65(2) ta’ l-Att Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, “Il-Kummissjoni jew f’każ li jkun hemm għadd ta’ fergħat, kull fergħa tal-Kummissjoni, għandha tinħatar mill-Ministru”. F’dan il-kuntest, minn tagħrif li ksibt mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li taħtu kienet taqa’ l-Awtorità tal-Ippjanar fiż-żmien applikabbli, jirriżulta li fit-30 ta’ Ottubru 2018, kienet inħarġet fuq il-Gazzetta tal-Gvern sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Kummissjoni tal-Ippjanar. L-intervisti kienu saru fuq jumejn, ċioè fit-23 u fis-27 ta’ Novembru tas-sena 2018. Il-Bord maħtur biex jieħu ħsieb dan il-proċess tal-għażla kellu l-inkarigu li jagħti l-parir tiegħu lill-Ministru, dwar liema mill-applikanti kellhom jitqiesu bħala kandidati adatti biex iservu bħala membri u membri supplimentari fuq il-Kummissjoni tal-Ippjanar. Il-Bord kien irċieva ħamsa u għoxrin (25) applikazzjoni, li minnhom waħda (1) kienet meqjusa invalida u żewġ (2) applikanti oħra għażlu li ma jkomplux bil-proċess qabel ma seħħew l-intervisti. Dan wassal sabiex ikunu tnejn u għoxrin (22) l-applikanti li dehru quddiem il-bord. L-applikanti li kienu meqjusa bħala adattati kienu erbatax (14), filwaqt li dawk meqjusa mhux adattati kienu tmienja (8). Kull applikant ġie mgħarraf bl-eżitu tal-intervista li attenda għaliha. Il-proċess tal-għażla ma ddetermina ebda ordni ta’ mertu għar-raġuni li ġja’ ġiet spjegata. Nikkonferma li kien hemm każi fejn kandidati meqjusa adattati eventwalment ma ġewx appuntati fuq il-Kummissjoni tal-Ippjanar u dan minħabba limitu kemm wieħed jista’ jappunta. L-intenzjoni tal-proċess kienet li twassal biex ikun hemm numru ta’ persuni meqjusa bħala adattati minn fejn il-Ministru jkun jista’ jaħtar il-membri fuq l-imsemmija Kummissjoni. Tali proċess offra metodu pubbliku u trasparenti bil-għan li jintlaqgħu tali applikazzjonijiet, minkejja l-poter tal-Ministru kif indikat fir-regolament.
Ix-Xemxija – Żona tal-Fekruna – attenzjoni u tindif
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-post/żona (wesgħa pubblika) magħrufa bħala l-Fekruna li jinsab fil-limit tax-Xemxija jingħata l-attenzjoni xierqa billi jitneħħa l-periklu li hemm u possibbilment jitnaddaf u jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku?
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-ammonti ta' gass li ġew maqbuda s'issa (xahar, xahar u sena, sena) mill-impjant tal-Magħtab/Għallis? X'sar minnu dan il-gass? Jista' jgħid ġiex iġġenerat xi elettriku minn dan is-sors ta' enerġija?
Response (FARRUGIA, AARON)
> Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.
Il-Magħtab — żona residenzjali - tnaqqis ta' rimi ta' Skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv għandiex Corporate Social Responsability fiż-żoni fejn għandha l-faċilitajiet tagħha? B'mod partikolari, jista' jgħid fiż-żona residenzjali tal-Magħtab, x'qed isir biex jitnaqqas ir-rimi ta' skart b'mod abbużi fit-toroq ta' madwar fil-faċilità
Response (FARRUGIA, AARON)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant tapprezza daqsna li x-xogħol u r-responsabilitajiet li l-Gvern tefa’ fuq il-WasteServ fin-natura tagħhom fihom element soċjali qawwi għax jagħtu servizz essenzjali ghal kull wiehed u waħda minnha. Sadanittant sa minnżmien twil il-WasteServ toffri servizz ta’ ġbir ta’ skart kummerċjali f’Wied il-Għajn fejn r-residenti f’raġġ ta’ kilometru u nofs mill-impjant tal-WasteServ jirċievu kontribuzzjoni żgħira fis-sena fil-forma ta’ vowċer li jinqata’ bħala akkont mill-kont tad-dawl u l-ilma, anke fil-kuntest tal-enerġija li tkun ġġenerata mill-impjant organiku tal-kumpanija.
Fost affarijiet oħra l-WasteServ flimkien mal-Ministeru tagħmel tajjeb ukoll għal ġbir tal-borża organika minn kull Lokalita’ u anke tieħu ħsieb il-ġbir mill-Marsa tal-iskips taż-żwiemel. Il-WasteServ tieħu ħsieb ukoll it-tindif ta’ numru ta’ toroq fil-Magħtab.
Dwar ir-rimi abbużiv ta’ skart fit-toroq ta’ madwar il-kumpless tal-Magħtab jien infurmat li dawn huma regolati bħal toroq oħra f’Malta u jekk xi ħadd josserva tali abbuż jista jagħmel rapport jew lill-LESA kif ukoll lill-ERA u imbagħad issir l-koordinazzjoni meħtiega anke mal-Pulizija. Iżda ma nistax hawnhekk ma nfakkarx bl-investiment kbir ta’ nofs biljun euro li ser tkun qed tagħmel l-WasteServ fis-snin li ġejjin f’impjanti tat-trattament tal-iskart mill-aktar moderni u li ser ikollhom is-salvagwardji neċessarji kollha.
Irrid infakkar ukoll li dalwaqt noħorgu għal konsultazzjoni il-pjan il-ġdid għall-immaniġġjar tal-iskart li ser iressaqna biex nilħqu l-miri u obbligi tagħna fil-qasam tal-iskart u dan għal ġid tal-poplu kollu kemm hu ġej mill-liema lokalita ġej.
Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Ħaddiema - telework
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16820, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni indikati fit-tabella hux qed jaħdmu bit-teleworking permezz ta’ ftehim li sar qabel il-bidu tal-pandemija (7 ta’ Marzu 2020)? Jista’ jgħid kemm hu n-numru totali ta’ ħaddiema li jaħdmu fl-entitajiet imsemmija fit-tabella?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figuri mogħtija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 16820 jirrelataw ma’ applikazzjonijiet għal telework li ntlaqgħu mill-1 ta’ Marzu 2020 ‘il quddiem, skont it-taqsima 3.2 tal-Manwal fuq Mi¿uri ta’ Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja jew skont il-ftehim kollettiv rispettiv. Fit-tieni parti tar-risposta indikajt ukoll in-numru globali ta’ impjegati li qed jaħdmu b’telework taħt l-istess parametri, irrispettivament jekk l-applikazzjoni tagħhom għamluhiex qabel jew wara d-data msemmija. In-numru ta’ ħaddiema fl-entitajiet tal-Ministeru huwa ta’ seba’ mija u tlieta u tmenin (783).
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – nefqa fuq reklamar u marketing
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw diġà għall-Mistoqsijiet Parlamentari 181, 786, 7531, 8256, 9761, 10371 u 12229 tat-Tlettax-il Leġislatura u 2270, 20346, 21072, 21081 u 22555 tat-Tnax-il Leġislatura. Fir-rigward tal-Awtorità tal-Ippjanar l-informazzjoni mogħtija b’risposta għall-mistoqsijiet preċedenti hija inklu¿a fit-tweġiba għall-PQ 17238. Ngħarrfu li sadanittant tlabt biex jinġabar il-bqija tat-tagħrif. Appena dan ikun disponibbbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Planning Control Applications f'kull lokalità f'Malta u f'Għawdex u dan sal-mument li titwieġeb din id-domanda? Jista' jindika wkoll l-iskop ta' kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Restawr ta’ bini li huma proprjetà tal-Knisja f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’mezzi, skemi jew riżorsi jeżistu, biex bini antik fil-proprjetà tal-knisja f'Għawdex jiġi restawrat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ għall-Ippjanar għandha żewġ fondi speċifiċi li taħthom ikunu jistgħu jibbenefikaw proprjetajiet bħal ma rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant u dan dejjem skont il-kundizzjonijiet applikabbli għal dawn il-fondi. Dawn huma l-Fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp immirat prinċipalment għal xogħlijiet li jkunu ta’ benefiċċju għal komunita’ in ġenerali u fejn 80% tal-fondi huma riservati għall-Kunsilli Lokali anke bi sħab ma terzi, u l-fond Irrestawra Darek li huwa immirat biex isiru xogħlijiet fi djar residenzjali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ dokumenti bil-linji gwida għall-dawn il-fondi. Ovvjament l-uffiċċju tal-Awtorita’ huwa dejjem miftuħ għal min ikollu bżonn xi kjarifika speċifika.
Billi l-Ministru għamel referenza għal siġra tal-milied li allegatament tqabbdet mal-grid meta l-gvern preċedenti kien ħabbar li din kienet qed titħaddem permezz ta' gas rekuperat mill-miżbla, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe provi jew dikjarazzjonijiet minn ħaddiema jew uffiċjali li tawh din l-informazzjoni u kif wasslu għal din il-konklużjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Is-sigra tal milied imsemmijja kienet ic-cajta tas sena ta kull min kien midhla tas-settur. Sfortunatament din ic cajta ghada tissemma sal lum ghax baqghat bhala xempju tal falliment tal gvern ta dak iz zmien li halla is settur ta l skart fi stat ta abbandun b’strategiji dghajfjn. Kuintrarju ghall dan, illum qed nimplimentaw l akbar investiment f dan is settur fl storja ta malta b nofs biljun ewro li ser imorru biex il pajjiz jersaq lejn ekonomija cirkolari.
Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli interpellant biex ma jibqax imwaħħal fil-passat u jiffoka fuq x’jista’ jipproponi lill-poplu Malti bħala Gvern alternattiv.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu jikkawża l-mewt ta' ħafna ħut fil-bajja ta' Birżebbuġa? X'inhu jagħmel il-Ministeru biex din il-problema frekwenti tissolva?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi fil-Bajja ta’ Birżebbugia u l-madwar ma nstabet ebda evidenza viżiva li tindika li dan il-fenomenu qiegħed jiġi kkawzat minn xi tniġġiż jew sustanzi oħra u lanqas ma kien hemm evidenza viżiva ta’ sustanzi jew fenomeni naturali fil-baħar li setgħu jindikaw li l-ħut mietu minħabba fihom. Sadanittant ikun tajjeb li l-Awtorita’ tkun infurmata mill-ewwel meta jiġru avvenimenti bhal dawn halli tkun tista’ tiskatta proċess ta’ berifika u analiżi anke ma’ awtoritajiet ohra kompetenti fir-rigward.