Ħal Balzan – qlugħ ta’ siġar faċċata taċ-ċimiterju
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk tax l-approvazzjoni tiegħu biex is-siġar li hemm faċċata taċ-ċimiterju ta' Ħal Balzan jinqalgħu minn posthom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-liġi LS 549.64 ma hemmx bżonn permess mil-ERA biex jinqalgħu dawn is-siġar. Madankollu, l-ERA xorta waslet għal qbil ma’ Transport Malta biex jiġu salvati dawn is-siġar u trapjantati f’sit ieħor.
Ħ'Attard — Għelieqi ta' Bdiewa fiż-Żona tal-Bypass
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6341 u jgħid kemm hemm bdiewa u jew persuni reġistrati li għandhom l-għelieqi fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor Interpellant, fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta’ Ħ’Attard hemm total ta’ 47 bidwi rreġistrat mal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA).
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6340 u jgħid kemm hemm siġar taċ-ċitru u siġar oħra fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali, Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li fiż-żona msemmija hemm numru ta’ siġar protetti skont ir-Regolament dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar ta’ l-2011. L-applikazzjoni tal-proġett għada qed tiġi diskussa u għaldaqstant l-ammont ta’ siġar li ser ikunu mpattati għadu mhux magħruf.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi ta’ liema raba’ mhux qed jaċċetta l-qbiela għaliha għaliex jista’ jew ikabbar jew juża l-ispazju ta’ dik ir-raba’ għall-proġett marbut mal-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spazju miftuħ għandna, u liema huma dawn l-ispazji bl-iskop li jitgawdew mill-pubbliku, mill-2013 l'hawn?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interprellant li l-Ministeru tiegħi qed jamministra dawn is-siti li huma kkunsidrati bħala spazju miftuħ li jistgħu jitgawdew mill-pubbliku.
· Park Nazzjonali Ta’ Qali
(jinkudli
l-Petting Farm, BOV Adventure Park, Picnic Area
u żewġ
Dog Parks
)
· Il-Park Nazzjonali ġewwa s-Salina (tinkludi Kennedy Grove)
· Il-Park tal-Familja ġewwa Marsaskala
· Il-Ġonna tal-Buskett limiti tas-Siġġiewi
· Xrobb l-Għaġin ġewwa Marsaxlokk
· Park tal-Majjistral ġewwa l-Mellieħa
· Park tal-Inwadar ġewwa Wied l-Għajn
· Iż-Żona ta’ Cavalleriza ġewwa Marsaxlokk
. Numru ta' parks żgħar oħra
Preżentament, il-Ministeru għaddej b’xogħol fuq proġett ieħor li ser ikun qed joffri spazju ġdid miftuħ għal pubbliku ġewwa l-Foss ta Ħaż-Żabbar.
Mill-2013 sal-lum il-Ministeru għamel diversi xogħolijiet ta’ tisbieħ ġewwa dawn is-siti kif ukoll żied is-sit ġewwa Marsaxlokk (Iż-żona ta’ Cavalleriza).
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsir it-tindif neċessarju ġewwa Wied Blandun?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 3353, t-Task Force mwaqqaf minn dan il-Ministeru ser tkun qed tindirizza t-tneħħija ta’ skart u ħmieġ li jinsab primarjament man-naħa tat-triq li hemm ħdejn Wied Blandun u xi partijiet li jinsabu quddiem iż-żona residenzjali ta dan il-wied, b’kordinament dirett mas-Sezzjoni tal-iStorm Water kif ukoll mad-Dipartiment tat-Tindif (Cleansing Department). Huwa ppjanat li dan l-intervent isir fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6177 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u timmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
ERA – applikazzjonijiet dwar qlugħ u żbir ta’ siġar
Question
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5709 jista’ l-Ministru jippubblika l-ammont ta' siġar għall kull applikazzjoni msemmija? Jista’ jinkludi wkoll it-triq u l-lokalità ta' fejn kienu jew għadhom is-siġar f'kull każ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jelenka dettaljatament il-passi kollha u x-xogħol kollu li sar s’issa biex isir il-Park Nazzjonali fin-Nofsinhar, fl-akkwati taż-Żonqor?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konfini tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar (u mhux tan-Nofsinhar) ikopri medda li bħala xtajta tibda minn quddiem il-Bajda u s-Sewda fiż-Żonqor u tibqa’ sejra sakemm taqbeż l-impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra. Dawn il-konfini ġew ippubblikati fl-Avviż Legali 343 t’Ottubru 2016.
Kien ġie deċiż li mal-konfini tiżdied il-medda tal-Ponta ta’ Żonqor, li fl-2006 kienet tħalliet barra mill-konfini ta’ park prospettiv skont il-Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta, u lanqas biss kienet ikkonsidrata bħala ODZ.
Mal-ħatra tal-Bord tal-Governanza f’Novembru 2017 bdew diversi miżuri ta’ immaniġjar li jikkonsidraw lill-inħawi tal-park kollha bħala parti integrata waħda u għaldaqstant l-akwati taż-Żonqor, li huma biss parti mill-imsemmi park ikunu kkunsidrati bħala tali.
Minn tmien CCTVs li jgħassu l-konfini tal-PNI, tnejn huma fl-akkwati taż-Żonqor, waħda eżatt kif tmiss mal-art pubblika u t-tieni fl-inħawi t’ Għar id-Duħħan. Dawn għenu ħafna biex trażżan ir-rimi ta’ skart illegali fl-inħawi, peress li l-aċċess minn din in-naħa tal-PNI huwa l-aktar wieħed miftuħ u l-aktar iffrekwentat anki minn vetturi. Is-CCTV huma 3G u jaħdmu b’sistema solari. Dawn tqiesu bħala ideali biex jiġi evitat l-ittrinkar fl-art u għalhekk l-impatt fuq il-veġetazzjoni u l-fawna tkun mill-inqas. Inkisbu l-permessi meħtieġa mill-ERA biex dan sar u l-PA kienet notifikata.
Fir-rebbiegħa tal-2017 saret komunikazzjoni ma’ Transport Malta dwar il-periklu li jċedi s-sies tal-Bajda u s-Sewda għall-baħar, u dan minħabba kawżi naturali. Għaldaqstant saru tabelli fi Triq iż-Żonqor, kif ukoll bagi u ħabel ta’ sufri bojod u suwed fil-baħar biex javżaw lill-għawwiema u lill-pubbliku biex ma jidħlux f’dik iż-żona partikolari. Il-blat eventwalment ċeda fil-baħar waqt maltempata fix-xitwa li għaddiet.
Saret talba f’ Marzu 2017 mal-Awtorità tal-Artijiet biex il-Gunpost tal-Ponta ta’ Żonqor, li hija partimonju storiku militari, tgħaddi f’idejn il-PNI peress li hija propjetà pubblika. Kif isir hekk, jibda l-proċess biex issir l-evalwazzjoni tal-ħsarat li ġarrbet biex jibda r-restawr fuqha. Il-ħsieb hu li tinfetaħ għall-pubbliku bħala post tal-viżitaturi. Il-Bord tal-Governanza fil-pjan finanzjarju ta’ din is-sena alloka l-fondi neċessarji għal dan. Il-proċess biex il-Gunpost taż-Żonqor tgħaddi f’idejn il-PNI għadu għaddej.
F’Ottubru 2017 il-Bord tal-Governanza kiteb lill-ERA dwar il-proġett li jitneħħew l-ispeċi ta’ flora aljena li kienet ixxitlet fil-Ponta ta’ Żonqor. Din kienet qiegħda toħnoq il-flora mhedda ndiġena u endemika li tinsab fl-inħawi. Xi wħud mix-xtieli, partikolarment is-sukkulenti agave kienu wkoll ta’ periklu minħabba l-ponot fil-weraq għandhom xewka kbira. Wara li fl-20 ta’ Frar 2018 uffiċċjali mill-ERA għamlu żjara fuq il-post, il-Bord intalab jippreżenta studju xjentifiku tal-flora fl-inħawi u l-
method statement
ta’ kif il-flora aljena se titneħħa. Dan għamlu u meta ħareġ il-permess mill-ERA, saret sejħa biex jiġi kkummisjonat il-proġett. Dan kważi tlesta kollu u mistenni jiġi konkluż il-ġimgħa d-dieħla.
Fl-istess żona, ġie identifikat bħala wieħed mill-ħames postijiet prospettivi ta’
designated leisure areas.
Proġett ieħor li għalih diġà għaddejja diskussjoni mal-ERA hija biex fl-istess sit fiż-Żonqor jitħawlu siġar u pjanti indiġeni fix-xitwa li ġejja, inkluż il-mogħdija li jużaw l-għawwiema u l-bugħaddasa biex mit-triq jinżlu fil-baħar.
Għawdex – Ix-Xagħra – Area tal-Qortin – solar panels
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-pjan li f’parti l-kbira ta’ fejn qabel kien hemm il-miżbla fl-area tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex jiġu stallati solar panels? Jekk iva kemm hi l-area li se tintuża għas-solar panels? Jekk le, jista' jgħid għaliex inbidel il-pjan?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hu maħsub li dan is-sit, fix-xhur li ġejjin jinfetaħ bħala Park għall-godiment tal-Għawdxin. Jingħad li baqa’ ftit xogħol xi jsir f’dan ir-rigward sabiex dan iseħħ. Jingħad ukoll li dan il-Park kien ġie rijabilitat mill-Wasteserv permezz ta’ Fondi Ewropej u għalhekk l-użu tal-istess sit huwa limitat fil-binarji imposti tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu mhux eskluż li proġett ta’ solar panelling ikun jista’ jiġi integrat f’dan il-proġett, basta dan ma jippreġudikax id-destinazzjoni pre-stabbilità tas-sit.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 531
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Triq li mill-Pont tal-Mistra tagħti għall-bajja tal-Mistra – qtugħ ta’ qasab
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5429, jista’ l-Ministru jara li l-qasab fit-triq imsemmija jinqata’, peress li dan il-qtugħ għadu ma sarx u l-periklu għadu hemm?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma l-Onor. Interpellant li għas-segwitu tar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 5429, saret spezzjoni fuq is-sit fejn ittieħdu d-dettalji relatati mal-estent tal-qasab li jinsab fil-medda tat-triq li minn fuq il-pont tal-Mistra tagħti għal bajja tal-Mistra. Sar pjan biex fl-immedjat jitneħħa ammont ta’ qasab li jinsab biswit it-triq u mat-tul kollu ta din it-triq. Ħa ssir applikazzjoni biex ikun hemm permessi neċessarji biex kif jitneħħa l-qasab kollu u nkunu nistgħu nħawwlu siġar u pjanti ndiġeni adattati għal dan is-sit. Dan il-pjan huwa ntiż li jsir lejn l-aħħar tas-sajf meta jkun iktar opportun li jitħawwlu s-siġar u l-arbuxxel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx siġar protetti fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm siġar taċ-ċitru u siġar oħra fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali, Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ħ’Attard – għelieqi ta’ bdiewa fiż-żona tal-bypass
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa u jew persuni reġistrati li għandhom l-għelieqi fiż-żona fejn qed tiġi ppjanata l-bypass ta' Ħ'Attard jiġifieri minn Ħ’Attard ħdejn l-MFSA sa ftit ‘il fuq mid-daħla ta’ Ta’ Qali Ħ’Attard?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ħaż-Żebbuġ – post ta’ divertiment — skumdità lir-residenti – volum eċċessiv
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6037 dwar id-diskoteka miftuħa li qiegħda fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hi ta’ inkonvenjent għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żebbuġ, Rabat, Siġġiewi u Ħ’Attard. Hu fir-remit tal-ERA li tipproteġi d-drittijiet tar-residenti minn volum eċċessiv ta’ storbju. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm-il darba l-Korp tal-Pulizija u/jew il-Ministeru għall-Intern irrikorru għall-għajnuna f’dan ir-rigward? X’miżuri ġew imposti fuq id-diskoteka biex ikun hemm sound buffers u b’hekk il-ħoss tal-mużika ma tiġix trasmessa b’inkonvenjent?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dak li jikkonċerna noise pollution, il-Ministru għal Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima appunta Kummissjoni ad hoc. Din il-Kummisjoni ngħatat il-karigu sabiex tipproponi qafas leġislattiv sabiex tiġi regolata u ndirizzata din il-problema b’mod ħolistiku. Din il-Kummissjoni qed taħdem id f’id mal-ERA u fil-ġimgħat li ġejjin hu mistenni li d-dokument relattiv ikun konkluż u ppreżentat lill-Ministru għal kunsiderazzjoni tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi, li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxijin mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtu minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Nofsinhar ta’ Malta – Proġetti ta’ afforestazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema postijiet fin-Nofsinhar ta’ Malta hemm il-ħsieb li jsir proġett ta’ afforestazzjoni f’dawn is-sitt xhur li ġejjin? X’sar f’din l-aħħar sena f’dan ir-rigward fin Nofsinhar ta’ Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur tas-sajf ma jsirx tħawwil ta’ siġar. Fil-ħarifa 2018 mistennin isiru żewġ proġetti ta’ tħawwil f’Marsaskala. Ser isir ukoll proġett ta’ tħaddir fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar.
Din l-aħħar sena saru proġetti ta’ tħawwil fil-Qrendi, Marsaxlokk, Ħal Far, Paola, Siġġiewi u Fgura, fejn tħawlu total ta’ 1,600 siġar u arbuxxeli.