Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat sal-aħħar tas-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019 fl-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat kien hemm 27 persuna jaħdmu. Dan l-ammont jinkludi 6 persuni li jaħdmu fil-Legislation Unit li jagħmel parti mill-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat

Ġurijiet u Appelli Superjuri minn Ġurijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm kien hemm ġurijiet pendenti sal-aħħar tas-sena 2019 u kemm kien hemm Appelli Superjuri minn Ġurijiet sal-istess 2019?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab Infurmat li fil-Qorti ta' Malta kien hemm 79 ġuri pendenti sal-aħħar tas-sena 2019 u kien hemm 13il-apell superjuri pendenti sal-aħħar tas-sena 2019

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – użu ta’ trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu hux qed jagħti xi tip ta’ inċentiv għall-ħaddiema tal-Ministeri u entitajiet li jaqgħu taħtu, biex jinkoraġġixxu lill-istess ħaddiema biex jużaw it-trasport tal-massa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie kkummissjonat studju xjentifiku li, permezz tiegħu, kien mifhum liema mezzi ta’ trasport jintużaw l-aktar mill-ħaddiema biex jaslu għax-xogħol. Għaldaqstant tnieda l-ħsieb li jitfasslu u jiġu proposti numru ta’ miżuri li jħajru lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku jagħmlu użu minn trasport alternattiv, inkluż fi proġetti-pilota jew PPPs. Dan hu wkoll f’sintonija mal-pjani tal-Gvern li fil-ġejjieni jsir użu aktar wiesa’ mit-trasport pubbliku fil-faxex kollha tas-soċjetà. Dawn l-inizjattivi għandhom jifformaw parti minn pjan wieħed ħolistiku ta’ trasport sostenibbli.

Qorti ta' Għawdex — ħlas għall-Atti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex fir-Reġistru tal-Qorti ta' Għawdex, min irid jippreżenta atti ma jistax iħallas bi credit jew debit card? Ma jaħsibx li wasal il-mument li din il-faċilità tingħata wkoll fil-Qorti ta' Għawdex?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex dawn il-faċilitajiet jibdew iseħħu fil-Qorti ta’ Għawdex. Din il-faċilità għandha tkun implimentata fi ftit ġimgħat oħra.

Ġbir mill-ispejjeż peritali f’kawżi kriminali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12873, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm spejjeż peritali f’arretrati fl-aħħar tas-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta kien hemm pendenti l-ammont ta’ €314,640.03 f’arretrati ta’ spejjeż peritali f’kawżi kriminali sal-aħħar tas-sena 2019. Filwaqt li fil-Qorti ta’ Għawdex kien hemm pendenti l-ammont ta’ €4,681.03 f’arretrati ta’ ispejjeż peritali f’kawzi kriminali sal-aħħar tas-sena 2019.

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – ġbir ta’ flus għad-drittijiet u spejjeż dovuti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12871 jista' l-Ministru jindika kemm kien hemm arretrati pendenti sal-aħħar tas-sena li għaddiet f’drittijiet u spejjeż dovuti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2019 l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali kellu €244,157 fi drittijiet li jikkonsistu fi spejjez legali li dan l-Uffiċju irid jiġbor. Jekk bi spejjez dovuti, l-Onor interpellant qed jirreferi għal spejjez amministrattivi tal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali, sal-aħħar tas-sena l-oħra dan l-uffiċju kellu €72,000 fi spejjeż dovuti li huma biss spejjeż amminstrattivi li jinkludu kirjiet ta’ uffiċini, spejjeż dovuti lill-Qorti u ħlasijiet ta’ servizzi ta’ security u tindif.

Qrati ta’ Malta u Għawdex – sentenzi sospiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex fejn il-piena kienet sentenza sospiża, tul is-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2019 ingħataw 258 sentenza sospiza fil-Qorti ta’ Malta. Filwaqt li fil-Qorti Maġistrati ta Għawdex kien hemm 8 sentenzi sospizi fis-sena 2019.

Prim Awla tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Maġistrati – mandati ta’ qbid

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ġew ippreżentati mandati ta’ qbid fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Maġistrati f’Malta u Għawdex tul is-sena 2019?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2019, 57 Mandat ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili li minnhom 39 kienu Manadati Kawtelatorji u 18 Mandati Ezekuttivi, filwaqt li 111-il Mandat ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) – 37 Mandat Kawtelaktorju u 74 Mandat Ezekuttiv. Kien hemm ukoll 3 Mandati Kawtelatorji ta’ Qbid ipprezentati fil-Qorti Civili (Sezzjoni tal-Familja). Matul is-sena 2019, 4 Mandati ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati, Għawdex, Ġurisdizzjoni Superjuri, li kollha kienu kawtelatorji; filwaqt li 12-il Mandat ta’ Qbid ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), Ġurisdizzjoni Inferjuri. Minn dawn tal-aħħar 8 kienu eżekuttivi u 4 kienu kawtelatorji. Kien hemm ukoll 2 Mandati ta’ Qbid ippreżentati fil-Qorti tal-Maġistrati Għawdex, Ġurisdizzjoni Superjuri, (Sezzjoni tal-Familja), li t-tnejn kienu kawtelatorji,

Arretrati pendenti ta’ multi

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm arretrati pendenti ta’ multi (wara sentenzi penali) fl-aħħar tas-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta kien hemm €7,110,241.11 arretrati pendenti ta’ multi (wara sentenzi penali) sal-aħħar tas-sena 2019. Filwaqt li fil-Qorti tal-Magistrati ta’ Għawdex kien hemm €299,003.96 ( arretrati pendenti ta’ multi (wara sentenzi penali) sal-aħħar tas-sena 2019.

Qrati ta’ Malta u Għawdex – sentenzi ta’ probation order

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi ta’ probation order fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex tul is-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2019 kien hemm 178 sentenzi ta’ probation order fil-Qrati ta’ Malta u 6 sentenzi ta’ probation order fil-Qrati ta’ Ghawdex.

Opportunità indaqs għan-nisa fl-impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi twettaq f’din il-Leġiżlatura biex ikun hemm opportunitajiet indaqs ta’ bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-impjiegi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni waqqaf Taqsima għall-Integrazzjoni bejn il-Ġeneri fi ħdanu stess, b’mandat wiesa’ li, fost oħrajn, iniedi Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza u l-Integrazzjoni – Mainstreaming – bejn il-ġeneri. L-istess Taqsima kienet strumentali wkoll sabiex jiġi mwaqqaf il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa. Fl-2019 din it-Taqsima nediet konsultazzjoni Pubblika msemmija ‘Towards a Gender Equality Mainstreaming Framework’, u bħalissa għaddejja b’xogħol konsultattiv sabiex tiġi konsolidata l-ewwel strateġija u pjan ta’ azzjoni dwar l-istess. Bħalissa wkoll, it-Taqsima qiegħda tipproponi miżuri għal iktar bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, kif ukoll id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel. Is-sezzjoni legali tad-Direttorat żviluppat ukoll żewġ abbozzi ta’ liġi: l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, li bħalissa waslu fl-istadju ta’ kumitat fil-proċess parlamentari. Dawn l-atti ser iservu biex jikkonsolidaw u jsaħħu il-qafas legali dwar l-ugwaljanza, inkluż dak bejn il-ġeneri kif ukoll ipoġġu obbligi fuq l-amministrazzjoni pubblika, fost oħrajn fir-rigward ta’ rappreżentazzjoni ekwa f’korpijiet pubbliċi, kif ukoll sabiex tiħrax il-ġlieda minn-naħħa tal-Gvern kontra d-diskriminazzjoni fejn jidħol il-post tax-xogħol u tagħlim lill-vittmi. Rimedji effettivi u b’mod effiċjenti Ninsab infurmat ukoll illi l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) wettqet diversi miżuri għal dan il-għan, fosthom: - Investigazzjonijiet ta’ ilmenti ta’ allegat diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol; - L-għoti tal-Equality Mark lill-organizzazzjonijiet li jħaddnu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċeduri u l-prattiċi tagħhom. Sa Marzu 2020 hemm 98 organizzazzjoni bl-Equality Mark, li bejniethom iħaddmu ‘l fuq minn 23,300 persuna; - Sett ta’ inizjattivi biex tindirizza l-gaps bejn il-ġeneri, bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-UE Prepare the Ground for Economic Independence: o Sessjonijiet ta’ taħriġ għal career advisors u career guidance teachers bil-għan li jinkoraġġixxu l-istudenti biex jagħmlu għażliet għaqlin fis-suġġetti ta’ studju. Dan sabiex il-bniet ikunu infurmati aħjar meta jiġu biex jagħmlu dawn l-għażliet bi preparazzjoni għall-karriera professjonali tagħhom; o Seminar dwar il- gender pay gap, l-inattività tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l- gender pension gap ma’ diversi partijiet interessati; o Riċerka dwar l- equal pay tools li jeżistu fl-Ewropa bl-għan li tiġi żviluppata għodda magħmula għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Malti fil-kuntest tal- Equality Mark ; o Kampanja ta’ għarfien dwar il- gender pay gap biex tinforma lill-pubbliku ġenerali b’informazzjoni fattwali. - Ipprovdiet taħriġ dwar id-dmirijiet u d-drittijiet relatati mal-ugwaljanza; - Qajmet għarfien dwar suġġetti relatati mal-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza fil-post tax-xogħol, permezz ta’ artikli fil-gazzetti, parteċipazzjoni fil-programmi tar-radju u t-televiżjoni, kif ukoll permezz ta’ komunikazzjoni kostanti fil-media soċjali; - Irrevediet dokumenti bħal strateġiji, policies u liġiet bl-għan li tħeġġeġ l-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-miżuri proposti; - Ippubblikat newsletters dwar diversi temi fosthom is-segregazzjoni tan-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni u l-post tax-xogħol; il-gender pay gap; kif ukoll dwar is-sessiżmu. Dawn in-newletters jitqassmu ma’ partijiet interessati u jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-NCPE; - Iċċekkjat ir-reklamar għall-postijiet vakanti ta’ xogħol u informat ‘l kumpaniji f’każ ta’ diskriminazzjoni u pprovdit alternattivi biex titħaddan l-ugwaljanza; - L-NCPE wettqet sett ta’ inizjattivi biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tar-rwol tar-raġel fl-ugwaljanza, tkisser sterjotipi relatati mal-irwoli tradizzjonali tan-nisa u l-irġiel u żżid l-għarfien dwar il-benefiċċji li r-responsabbiltajiet ta’ kura jinqasmu bejn in-nisa u l-irġiel. Dawn l-inizjattivi saru bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea Equality Beyond Gender Roles: o Attivita’ ta’ drama ‘ Theatre in Education’ dwar il-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel, l-isterjotipi tal-ġeneru u l-miżuri favur il-familija; (attivita’ li bdiet qabel Ġunju 2017) o Attivita’ fl-università ‘ Equality beyond Uni’ li nkludiet esebizzjoni; dibattiti ma’ min iħaddem, akkademiċi u studenti; u mużika; o Attivita’ għall-pubbliku inġenerali bil-għan li tikkumbatti sterjotipi tal-ġeneru fil-lingwa Maltija permezz ta’ mużika, arti u literattura; o Kampanja onlajn biex tqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-indipendenza ekonomika ugwali, il-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet ta’ kura, u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; u o Vidjo b’ħamest irġiel role models li għamlu użu mill-miżuri favur il-familja biex jieħdu ħsieb lil uliedhom jew adulti dipendenti. (jinsab fuq is-sit elettroniku tal-NCPE).

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-entitajiet u d-dipartimenti li jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi ma jagħmlux użu minn karozzi ta’ dan it-tip.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex jipprovdi kwalsiasi konsulenza taħt kwalsiasi isem (bħal contract of service,contract for service eċċ.) f’kwalsiasi entità fid-dekasteru tiegħu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm entità jew dipartiment li jagħmel parti mill-Ministeru tiegħi li għamel użu mis-servizzi tal-individwu msemmi.

Ministeru għal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — konsulenza, ħatra jew ingaġġ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kwalunkwe konsulenza, ħatra jew ingaġġ li ħa l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bejn April 2013 u Diċembru 2019?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda ħatra ma saret lill-persuni indikata fid-domanda parlamentari mill-ministeru hekk denominat.

Appelli Kriminali Inferjuri – sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġu maqsuma l-Appelli Kriminali Inferjuri? Jista’ jgħid kemm daħlu appelli kriminali fix-xhur ta’ Ottubru, Novembru u Diċembru 2019 u Jannar u Frar 2020? Jista’ jgħid kemm ingħataw sentenzi minn din il-Qorti tal-Appelli Kriminali u kemm ingħataw sentenzi minn kull ġudikant f’dan il-perjodu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Intant ninsab infurmat li l-Appelli Kriminali Inferjuri jinqasmu bejn l-Imħallef Giovanni M. Grixti, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera u l-Imħallef Aaron Bugeja fi kwoti ndaqs bejniethom. F'Jannar tas-sena 2020, b'ordni tal-Prim Imħallef ġew trasferiti 101 -il appell mingħand l-Imħallef Giovanni Grixti għal għand l-Imħallef Edwina Grima.

Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Appell Kriminali — qari ta' sentenza

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li jilleġisla biex il-qari ta’ sentenza mill-Qrati tagħna, speċjalment il-Qorti tal-Maġistrati u l-Qorti tal-Appell Kriminali, ikun eżenti mill-qari tas-sentenza kollha (li ġieli tieħu iktar minn siegħa minn ċertu Ġudikanti) u jkun biżżejjed li jinqara d-decide?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Napprezza l-problema li qiegħed jissolleva l-Onorevoli Membru. L-Onorevoli Membru jaf illi l-Artikolu 23 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap 12) li jistipula li l-Qorti tista’ taqra biss il-parti operattiva tas- sentenza diġà japplika mutatis mutandis għall-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali permezz tal-Artikoli 520 (1) (a) tal-Kodiċi Kriminali. Nifhem illi diversi qrati tal-ġustizzja kriminali minn żmien għal żmien addottaw din is-sistema li jaqraw is-sentenza kollha minkejja l-imsemmi Artikolu 23 tal-Kap 12. Dan forsi għax ma kinux komdi jassumu fuqhom l-interpretazzjoni tal-kliem “ mutatis mutandis ” peress li l-artikolu 23 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni Proċedura Ċivili huwa miktub b’mod li jirreferi għal “talbiet” u “eċċezzjonijiet” u għalhekk għal sitwazzjoni ta’ kawżi ċivili u mhux ta’ kawżi kriminali. Madanakollu l-kliem “ mutatis mutandis ” jagħti s-setgħa lill-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali li jaddattaw l-artikolu għas-sitwazzjoni tagħhom. In vista tal-indipendenza tal-ġudikatura l-Gvern jista’, f’dan l-istadju, biss jinkoraġġixxi lill-Ġudikatura biex tikkunsidra li ssib mezz kif l-Artikolu 23 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili jiġi applikat mutatis mutandis b’mod uniformi fil-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali kollha b’mod li apparti l-ħtigijiet tal-pubbliċita tas-sentenzi tittieħed ukoll in konsiderazzjoni l-ħtieġa tal-immanniġġjar tal-ħin disponibbli għal dawk il-Qrati.

Qorti ta' Għawdex — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tal-Qorti ta' Għawdex li sa ftit taż-żmien ilu kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex issa għaddewx taħt l-Aġenzija ġdida li twaqqfet u li taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu? Jekk iva minn meta dawn il-ħaddiema ma baqgħux jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex u kemm hu n-numru ta' ħaddiema li għaddew minn taħt il-Ministeru għal Għawdex għal ma' din l-Aġenzija?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fid-9 ta’ Awissu 2019 ġie approvat illi l-ħaddiema kollha (29 fin-numru) tal-Qorti ta’ Għawdex jiġu detailed mal-Court Services Agency li ġiet imwaqqfa bl’avviż Legali 197/2019.

Użu ta' emails privati għal xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax pożittivament li l-użu ta’ emails privati għal xogħol uffiċjali minn uffiċjali jew impjegati pubbliċi, ikun reat kriminali?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. interpellant li, minn perspettiva ta’ governanza, l-aktar ħaġa importanti hi li jinżamm rekord tajjeb u uffiċjali ta’ dak li jingħad f’komunikat elettroniku, mhux l-inqas fejn hemm deċiżjonijiet eżekuttivi.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — persuni li kienu jokkupaw position of trust jew joffru servizz ta’ konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12649 u jgħid jekk kienx hemm, u fil-każ kemm kien hemm, persuni li kienu jokkupaw position of trust jew kienu jipprovdu servizzi ta’ konsulenza ta’ kwalsiasi tip sal-1 ta’ Jannar 2020 fi ħdan id-dekasteru tiegħu, li twaqqfu, tneħħew jew ġie tterminat il-kuntratt tagħhom? Kemm minnhom marru lura għal xi impjieg fis-Servizz Pubbliku?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ebda entità jew dipartiment fi ħdan id-dekasteru tiegħi ma waqqaf, neħħa jew ittermina kuntratt ta’ positions of trusts jew konsulenti sal-1 ta’ Jannar 2020.

Implimentazzjoni tad-Directive EU 2018/1673

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12565 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid meta Malta ser iddaħħal fis-seħħ “DIRECTIVE (EU) 2018/1673 OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL of 23 October 2018 on combating money laundering by criminal law”?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’konformità mat-termini tal-Artikolu 13 tad-Direttiva msemmija, Malta se ddaħħal fis-seħħ il-provvedimenti tad-Direttiva de quo sa t-3 ta’ Diċembru tas-sena 2020.