Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qorti ta’ Għawdex – staff complement

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1349 u 1501, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt li fil-Qorti ta' Għawdex minn staff ta' 34 persuna fil-fatt hemm biss 24 persuna u għalhekk kważi terz tal-full complement nieqes? Jista' jgħid x'qed jagħmel biex dan jiġi rranġat? Jista' jgħid sa meta se jassigura li jkun hemm il-full complement fil-Qorti ta' Għawdex peress li n-nuqqas ta' staff qed iwassal għal dewmien esaġerat f'’ħafna mix-xogħol tal-Qorti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa il-complement tal-Aġenzija f’Għawdex huwa ta’ 28 persuna. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jiżdiedu żewġ skrivani, kif ukoll għaddejjijn diskussjonijiet biex jiġu mimlija il-pożizzjonijiet vakanti l-oħra. Sadanittant ix-xogħol fil-Qorti t’Għawdex qed jiġi koprut mill-bqija tal-Aġenzija. Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika għal liema xogħol qed ikun hemm dewmien esaġerat.

Qorti ta’ Għawdex – Marixxal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-Qorti ta' Għawdex tista' tiffunzjona tajjeb meta m’hemmx Marixxal f'din il-Qorti u din is-sitwazzjoni issa ilha hekk għal diversi xhur? Jista' jgħid meta se jara li jkun hemm Marixxal assenjat biss mal-Qorti ta' Għawdex?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hija waħda, u għalhekk tieħu ħsieb kemm il-Qrati ta’ Malta kif ukoll dawk ta’ Għawdex. Kif diġà infurmajt lil din il-kamra fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1501, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dawn id-dmirijiet u n-notifiki qed isiru b’mod iktar effiċjenti.

Ministeru għall-Ġustizzja — Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tiegħu u kull entità li taqa’ taħtu u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct order? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ġustizzja — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, jista' l-Ministru jagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Jista' jagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Jista' jagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li mhux fil-kompitù tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

Qrati tal-Ġustizzja — kumpens illikwidat għall-proprjetajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ flus li l-Istat kellu jħallas bħala kumpens illikwidat mill-Qrati tal-Ġustizzja a favur ir-rikorrenti abbażi ta’ ksur tal-artikolu 37 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt ta’ tgawdija tal-proprjetà, f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Qorti ta’ Għawdex – rikorsi kostituzzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta r-rikorsi kostituzzjonali li jsiru minn persuni li jirrisjedu f’Għawdex ser jibdew jinstemgħu fil-Qorti ta' Għawdex, u dan in vista li ħames snin ilu predeċessuri tiegħu kienu wegħdu li fi ftit xhur dawn kellhom jibdew jinstemgħu f’Għawdex stess?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjijn id-diskussjonijiet neċċessarji sabiex jiġi evalwat kif dan jista' jkun possibbli u jidħol fis-seħħ.

Tribunal Industrijali – każijiet minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex każijiet quddiem it-Tribunal Industrijali li jitressqu minn persuni li jirrisjedu f'Għawdex kontra persuni jew kumpaniji li joperaw f'Għawdex iridu bilfors jinstemgħu f'Malta? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawn jibdew jinstemgħu f'Għawdex stess?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

Qorti ta’ Għawdex – staff complement

Question

B'referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 1349, jista’ l-Ministru jgħid mit-28 pożizzjoni li hemm mimlija fil-Qorti ta' Għawdex, kemm minnhom huma ta' persuni li bħalissa, għal raġuni jew oħra, mhux qed jattendu għax-xogħol għal perjodu ta' aktar minn ġimgħa? Jista' jgħid minn dawn kemm irtiraw jew ħarġu bil-leave tal-irtirar ta' qabel ix-xogħol? Jista' jgħid x'qed isir kull darba li l-Qorti qed tispiċċa mingħajr Marixxall biex iqassam in-notifiki li jkun hemm bżonn?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm persuna bil-leave ta' qabel l-irtirar mix-xogħol u 3 persuni li ilhom iktar minn ġimgħa fuq leave tal-mard. Rigward in-notifiki fl-Aġenzija ġewwa Għawdex, fil-maġġoranza tagħhom, dawn isiru mill-Purtier u fl-assenza tal-Purtier, dawn isiru mill-Messaġġiera tal-Aġenzija. Meta jkun hemm il-ħtieġa, bħal pereżempju f’każi ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ qbid, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dan id-dmir.

Ministeru għall-Ġustizzja — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 298 u jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, sal-14 ta’ Mejju 2022, dan il-Ministeru ma ingaġġa l-ebda konsulenzi f’din il-leġiżlatura.

Ministeru għall-Ġustizzja — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li ninformah li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad ukoll li fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f'każ ta' diffikultà ulterjuri.

Ministeru għall-Ġustizzja — impjegati li daħlu mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Gvern fil-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess Ministeru minn Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Qorti ta’ Għawdex – Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar – Ġudikatur

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Qorti ta' Għawdex m’hemmx Ġudikatur assenjat għat-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar? Kemm ilu bla Ġudikatur dan it-Tribunal f'Għawdex? Kemm-il kawża ġiet differita fil-perjodu li dan it-Tribunal mhux qed jiffunzjona?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex jiġi assenjat Ġudikatur għat-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar f’Għawdex. Dan it-Tribunal ilu mingħajr Ġudikatur mis-26 ta’ Marzu 2022 u minn dakinhar ġew deferiti 33 kawża.

Qorti ta’ Għawdex – staff complement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm suppost ikun il-complement tal-istaff fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid fil-preżent kemm hemm staff nieqes fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid sa meta hu ppjanat li dawn il-postijiet jimtlew?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-complement tal-istaff fil-Qorti t’Għawdex huwa ta’ 34 impjegat (li jinkludu gradi maniġerjali, amministrattivi, eżekuttivi u gradi ta’ sapport) u qed jittieħdu l-passi neċessarji sabiex jimtlew 6 pożizzjonijiet minnhom li bħalissa huma vakanti. Waħda minn dawn il-pożizzjonijiet ser timtela fil-ġranet li ġejjin.

Ministeru għall-Ġustizzja — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu mill-2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-20 ta’ Mejju 2022.

Libelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu libelli fil-ħames snin bejn l-2017 u l-2021 u kemm ingħalqu fl-istess perjodu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2017 u l-2021, fil-Qrati ta' Malta ġew irreġistrati 177 kawża ta' libell. Fl-istess perjodu ngħalqu 126 każ. Fl-istess żmien, f'Għawdex ma nfetaħ l-ebda każ ta' libell però ngħalaq każ ta' libell wieħed.

Ministeru għall-Ġustizzja — Segretarjati

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari li jaqa’ taħtu? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Jista’ jippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess Segretarjati? Jista’ jindika kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust (b) persons of trust u (ċ) taċ-ċivil?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 184 ninformaha li fis-Segretarjat tal-Ministeru hemm 11-il ħaddiem bħala position of trust u 3 bħala persons of trust.

Ministeru għall-Ġustizzja – karigi u pożizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-segretarjat tal-Ministeru hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-informazzjoni mitluba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-informazzjoni mitluba ser tingħata f'xi seduta oħra.

L.S.35.01 – bdil

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 265, li oriġinarjament saret lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jqis li jsir il-bdil leġiżlattiv meħtieġ fir-Regolamenti Dwar id-Drittijiet li Jitħallsu fid-Dipartimenti tal-Gvern L.S. 35.01, fejn f’uħud mid-drittijiet hemm elenkati fattwalment li jrid jinġabru minn awtoritajiet pubbliċi u mhux minn Dipartimenti tal-Gvern, kif ukoll fejn f’xi istanzi d-drittijiet inkwistjoni huma elenkati taħt Ministeri li jew in-nomenklatura tagħhom inbidlet, jew m’għadhomx jeżistu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi attwallment qiegħed isir eżerċizzju ħolistiku rigward emendi neċessarji fil-Liġijiet ta’ Malta, u f’dan l-istadju qegħdin jingħataw prominenza liġijiet li t-tbidil tagħhom huwa sostanzjalment sinifikanti aktar mill-materja li dwarha tittratta din il-Liġi Sussidjarja. It-tibdil, kemm-il darba jkun meħtieġ, ta' dina l-liġi sussidjarja, iseħħ fi żmien opportun.