B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15900 li ngħatat fis-26 ta’ Frar 2024, rigward liema xogħol jonqos fi Triq Daħlet Qorrot fin-Nadur biex ix-xogħol ikun lest kollu, fejn kien ġie mwieġeb li ‘x-xogħol li għad jonqos fi Triq Daħlet Qorrot hu li tingħata l-wearing course. It-tieni kisja mistennija tingħata aktar tard din is-sena’, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni kisja (wearing course) ingħatatx u jekk le, għaliex ma ngħatatx? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub (xahar u sena) li jkun lest dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tieni kisja mistennija ssir wara x-xhur tas-sajf.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6388, 7411, 8728, 16198 u 24142 dwar il-parti tat-triq ta’ ħdejn il-Bajja ta’ Daħlet Qorrot, fin-Nadur, jiġifieri l-parti minn fejn tispiċċa t-triq bil-konkos li saret xi żmien ilu sa ħdejn il-bajja, peress li din baqgħet ma saritx u qiegħda fi stat ħażin ħafna u peress li kien ġie mwieġeb li “Il-parti msemmija mill-Onor. Interpellant issir ukoll fiż-żmien opportun”, u “li idealment ma jkunx waqt il-perjodu li l-bajja tkun qed tintuża l-aktar mill-pubbliku”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq din il-parti tat-triq bediex u jekk le, huwiex se jibda u jitlesta qabel jibda s-sajf 2025?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ser issir wara l-staġun tas-Sajf.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tunnellata ta’ alka nġabret, mil-liema bajjiet ġewwa Għawdex inġabret, minn min sar ix-xogħol ta’ ġbir tal-alka, jekk sarx bl-idejn jew inkella b’makkinarju apposta u fejn twaddbet l-alka wara li nġabret mill-bajjiet, mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li tinġabar l-alka mill-bajjiet ta’ Daħlet Qorrot u ta’ San Blas fin-Nadur, Għawdex u li tibqa’ tinġabar l-alka minnhom kull meta jkun hemm bżonn matul ix-xhur tas-sajf?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-alka mill-bajjiet ta’ Daħlet Qorrot u San Blas, huwa ppjanat li jsir fil-bidu ta’ Lulju. Min-naħa l-oħra, id-Direttorat tal-Indafa Pubblika u l-Manutenzjoni ma jżommx informazzjoni dwar kemm kien l-ammont ta’ alka li nġabret fl-aħħar snin.
Iż-Żebbuġ, Għawdex — Triq Għajn Mhelhel - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27203 u 28081 fl-intier tagħhom u jgħid:
i. Fiex kienu jikkonsistu l-interventi meħtieġa sabiex Triq Għajn Mhelhel li miż-Żebbuġ, Għawdex twasslek għax-Xwejni tkun tista’tkompli tintuża?
ii. Minn min saru dawn l-interventi?
iii. Min kienu l-persuni tekniċi inkarigati minn dawn ix-xogħlijiet min-naħa tal-Ministeru?
iv. Kemm ġew jiswew?
Jista’ jgħid ukoll jekk fil-preżent hemmx periklu għall-persuni u għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. li x-xogħol ser issir fix-xahar ta’ Lulju.
Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo — Proġett
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo? Jista’ jgħid meta nbeda dan il-proġett, x’sar sa issa, x’fadal isir u meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23827 fejn ġie mwieġeb “li s-sejħa għall-offerti qed tiġi ivettjata u se tkun pubblikata fil-bidu tas-sena 2025”, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sejħa ġietx ippubblikata fil-bidu tas-sena 2025 u jekk ix-xogħol inbediex fuq il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet, f’Marsalforn, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk hijiex f’kundizzjoni tajba biex tintuża fil-preżent u jekk sarx awditjar ta’ din il-playing field? Jekk iva, jista’ r-rapport relattiv jiġi ppubblikat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti biex jiġi rinovat il-playing field fil-Ġnien Tliet Għoljiet f’Marsalforn waslet fl-aħħar stadji, u se tkun ippubblikata fil-jiem li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29085, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm jaħdmu fil-preżent u f’dawn l-aħħar xhur, ‘REFUSE COLLECTION VEHICLES’ fi ħdan il-Ministeru tiegħu u jekk kienx hemm minnhom mikrijin mingħand il-privat? Jekk iva, kemm ilhom jinkrew u kif kienu qed jinkrew, u meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għandu tliet Refuse Collection Vehicles għad-diżpożizzjoni tiegħu. Tnejn minnhom huma tal-Ministeru u wieħed minnhom huwa mikri mingħand il-privat. Dan ġie mikri mingħand il-privat bejn Mejju u Diċembru 2024 u bejn Frar 2025 sal-lum. Ninforma wkoll li fis-sajf tal-2024 inħarġet sejħa pubblika għax-xiri ta’ żewġ refuse collection vehicles għall-użu tal-Ministeru però l-uniku offerent ma kienx technically compliant. Ninsab infurmat li fil-ġimgħat li ġejjin, ser terġa’ toħroġ din is-sejħa għall-offerti.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Impjegati u Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu kompost bħala impjegati u konsulenti l-Ministeru tiegħu, f’liema skala tas-servizz pubbliku qiegħed is-salarju/paga tagħhom, x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti, xi kwalifiki edukattivi għandhom, f’każ ta’ Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor, x’inhi l-expertise tiegħu/tagħha u x’tip ta’ kuntratt għandu kull wieħed minn dawn l-impjegati (inkluż Policy Consultant, Policy Co-ordinator u Advisor)? X’allowances ( bħal disturbance allowance, Secretariat Allowance, Bonus for Overtime Worked, Communications Allowance, Fully-expensed mobile telephony, Free Telephony, Pre-Paid top-ups for telephony service, Internet Service, Car Allowance, Transport Allowance, Fuel Vouchers, Use of car-hired car, Use of government-owned car, Internet Key, Tablets, Laptops, Peripherals, Expertise Allowance, Disturbance Allowance, Shift Allowance, eċċ.) u perkaċċi oħra, kull wieħed minn dawn l-impjegati/konsulenti għandhom u għal kemm jammontaw fi flus (fejn applikabbli)? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kull impjegat/konsulent tal-Ministeru għandu u għadu fis-seħħ?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu f’interpellanza parlamentari kważi identika għal din bin-numru 23461.
B’referenza għas-sejħa li nħarġet biex Triq San Blas fin-Nadur issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Blas hux ser issir kollha kemm hi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn ser isiru x-xogħlijiet f’din l-istess triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
PA02826/25 ‘Proposed junction upgrading from that approved in PA3000/19 at Triq Patri Gacintu Camenzuli, Triq Marsalforn and Triq il-Kapuccini’
Question
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall l-applikazzjoni mill-Ministeru tiegħu: PA02826/25 ‘Proposed junction upgrading from that approved in PA3000/19 at Triq Patri Gacintu Camenzuli, Triq Marsalforn and Triq il-Kapuccini’, u għaliex inħasset il-ħtieġa li ssir din l-applikazzjoni issa, meta diġà għaddej ix-xogħol infrastrutturali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li kien ġie approvat il-permess biex tiġi rinovata t-triq ta’ Marsalforn, il-Ministeru wera x xewqa li jkompli d-diskussjonijiet ma’ Din l-Art Ħelwa biex il-proġett jkollu l-anqas impatt fuq l-ambjent, bl-anqas teħid ta’ art u qlugħ ta’ siġar. Dawn d-diskussjonijiet wasslu biex il-proġett ġie mtejjeb. Għal din ir-raġuni kien hemm il-bżonn li jsiru l-emendi għall-permess approvat sabiex jigu kristallizzati l-emendi mifthema mal-NGO Din l-Art Ħelwa u l-emendi jkunu jirriflettu dak li ser isir fuq il-post.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru sa issa fuq parti minn Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex, kemm kien fiha tul u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex se jitkomplew u jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-partijiet l-oħra ta’ Triq l-Ewropa speċjalment quddiem l-iskola sekondarja peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
CT7002/2024 — Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning
Question
B’referenza għas-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat ‘CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner, Ministry for Gozo and Planning’, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm u min huma l-kuntratturi li wrew interess f’din is-sejħa? Jista’ jgħid ukoll fl-immedjat liema huma x-xogħlijiet li huma ppjanati li jsiru minn din is-sejħa u fejn u fiex jikkonsistu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa CT7002/2024 - Establishment of a Dynamic Purchasing System for Construction and Maintenance of Roads across Gozo and Comino in a Resource Efficient Manner hija Dynamic Purchasing System (DPS) li tibqa' miftuħa kontinwament. Dan ifisser li l-kuntratturi jistgħu jissottomettu l-interess tagħhom fi kwalunkwe ħin matul il-perjodu tad-DPS, u mhux biss f'data speċifika ta' għeluq.
Permezz ta' dan is-sistema, il-Ministeru se jkun qed eventwalment joħroġ sejħiet speċifiċi (call-offs) għal proġetti partikolari ta' xogħlijiet tat-toroq f'Għawdex skont il-ħtiġijiet operattivi u l-prijoritajiet tal-Ministeru.
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar is-sottomissjonijiet u d-dettalji speċifiċi tal-proġetti ppjanati, ninforma li skont ir-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku, l-Ministeru ma għandux aċċess għal ebda informazzjoni dwar il-proċess ta' akkwist f'dan l-istadju. Kwalunkwe informazzjoni rilevanti se tkun disponibbli għall-pubbliku biss permezz tas-sistema elettronika tal-akkwist pubbliku (ePPS) skont il-proċeduri stabbiliti.
Il-Ministeru jibqa' impenjat li jwettaq dan il-proċess b'mod trasparenti u skont l-ogħla standards tal-akkwist pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-kunsilli lokali dwar nuqqasijiet fil-ġbir tal-iskart fir-Reġjun t’Għawdex fis-sena 2024? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni għal kull lokalità tal-istess reġjun?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
MGP NP 04/2025 — ‘NEGOTIATED PROCEDURE FOR ADDITIONAL SERVICES IN RELATION TO THE GOZO MUSEUM PROJECT
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-Negotiated Procedure (Direct Order) li nħarġet reċentement mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ‘MGP NP 04/2025 - ‘NEGOTIATED PROCEDURE FOR ADDITIONAL SERVICES IN RELATION TO THE GOZO MUSEUM PROJECT’? Jista’ jgħid ukoll għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħareġ Negotiated Procedure ma' Nidum Ltd għal servizzi addizzjonali relatati mal-proġett tal-Mużew ta' Għawdex minħabba sfidi strutturali u tekniċi mhux mistennija, inklużi sistema speċjalizzata ta' HVAC u dewmien ikkawżat minn restrizzjonijiet esterni. Ma ħarġitx sejħa pubblika għax Nidum Ltd huma d-disinjaturi oriġinali tal-proġett u għandhom għarfien dettaljat tal-post, studji u materjal essenzjali diġà magħmul, obbligi pendenti taħt il-kuntratt oriġinali, u d-drittijiet tal-awtur fuq id-disinji prodotti, li jagħmilhom l-aktar soluzzjoni prattika u legali sabiex jintemm il-proġett b'suċċess.
MGP NP — CT3172/2018 Negotiated Procedure for Finishing, Water Proofing, Cladding, Paving, Joinery and Non-Structural Metal Works at the Gozo Museum, Victoria
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-Negotiated Procedure (Direct Order) li nħarġet reċentement mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ‘MGP NP 01/2025 - CT3172/2018 Negotiated Procedure for Finishing, Water Proofing, Cladding, Paving, Joinery and Non-Structural Metal Works at the Gozo Museum, Victoria’? Jista’ jgħid ukoll għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ħareġ Negotiated Procedure ma' Halmann Vella Ltd għal xogħlijiet ta' tlestija, waterproofing, cladding, paving, joinery u non-structural metal works fil-Mużew ta' Għawdex, li huma komplementari għal tenders li diġà ngħataw wara proċeduri miftuħa. Diversi xogħlijiet addizzjinali jew differenti saru neċessarji minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, inklużi redesign u bżonnijiet tekniċi speċjalizzati.
Għal dawn ix-xogħolijiet ma ħarġitx sejħa pubblika minħabba raġunijiet tekniċi u biex nevitaw responsabbiltà maqsuma bejn kuntratturi differenti, sfidi loġistiċi u ta' sigurtà li ma jippermettux żewġ kuntratturi fuq l-istess sit, u biex jiġu evitati dewmien f'xogħlijiet urġenti, filwaqt li jiġi żgurat kontinwità fil-proġett ma' kuntrattur li diġà huwa involut permezz ta' kuntratti preċedenti mill-istess proċeduri miftuħa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet kollha li saru fl-islipway tad-Dwejra? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-irwol tal-Ministeru tiegħu f’dawn ix-xogħlijiet li saru u kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28517 dwar xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħdok għall-Fontana, twasslek sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa, jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet u kemm fiha tul? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ser isiru xi servizzi neċessarji u asfaltar.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li ser isiru fi Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa u kemm fiha tul? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet u meta hu maħsub (xahar u sena) li jitlesta x-xogħol kollu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29095.
B’referenza għas-sejħa li nħarġet biex Triq il-Qala (bejn in-Nadur u l-Qala) issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk fejn jispiċċa l-bini, fl-iktar partijiet dojoq ta’ din it-triq, humiex ser jitwessgħu? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex ser isiru bankini fuq iż-żewġ naħat ta’ din it-triq fejn jispiċċa l-bini?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan il-proġett mhux se ssir esproprijazzjoni ta’ art.
Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Uffiċċju addizzjonali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23625, peress li bit-tieni uffiċċju qed nirreferi għall-post/binja li fih il-Ministru jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu, jista’ jgħid:
(a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin?
(b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati?
(c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini?
(d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn?
(e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera?
(f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini?
(g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu?
(h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem bid-distinzjoni li hemm bejn uffiċċju Ministerjali u uffiċċju tal-kostitwenza. L-uffiċċju li fih naqdi d-dmirijiet Ministerjali tiegħi huwa fi Pjazza San Frangisk, Rabat Għawdex.