Legislature:
Category:
Reset
Active:

kwestjoni dwar kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' kopja anzjana li ilhom jistennew dawn il-kontijiet minn Novembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kontijiet minn Novembru 2009, tal-koppja anzjana li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, ġew maħruġa u mibgħuta din il-ġimgħa stess.

Gabbani fil-bus terminus ta’ Bieb il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm gabbani fil-bus terminus ta’ Bieb il-Belt? Jista' jgħid kemm minnhom iħallsu l-kera u kemm hi din il-kera? Kemm minn dawn il-gabbani ma kellhomx il-kirja mġedda minħabba l-proġett ta’ Bieb il-Belt? Jista' jgħid jekk dawn il-gabbani li tneħħew hux se jkollhom post alternattiv jew jekk il-persuni li joperaw minnhom kellhomx jew ingħatawx xi forma ta’ kumpens?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Riklami fuq il-kuntratti tal-BWSC

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22171 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm swew ir-riklami fil-ġurnali intitolati "the truth prevails BWSC contract"? Fejn dehru? F'liema ġurnali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — stallazzjoni ta' dwal f'pelican lights

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22231, jista' l-Ministru jara li biex ma jkunx hemm ekwivoċi għalxejn, jiġi assigurat li ż-żewġ pelican lights li hemm bla dawl f'Burmarrad, ikollhom it-tnejn li huma id-dawl neċessarju fi żmien qasir? Jista' jiġi assigurat li l-pelican lights ta' Triq il-Wileġ isirilha d-dawl ukoll?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li miż-żewġ pelican lights li hemm installati f’Burmarrad, saret applikazzjoni għal provvista tal-elettriku għall-pelican light wieħed, dak li qiegħed quddiem Scotts Supermarket. Dan ingħata d-dawl. Ma saret l-ebda applikazzjoni tad-dawl għal pelican light l-ieħor li qiegħed f’Burmarrad (quddiem Burmarrad Commercials) u fi Triq il-Wileġ. Enemalta tagħti l-elettriku la darba tiġi ssottometta applikazzjoni skond ir-regolamenti.

Anzjan li ilu ma jirċievi l-kont tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatamet, għax għalkemm kulħadd irċieva l-kont tad-dawl u l-ilma hu ma rċieva xejn? Jista' jara li jinħareġ il-kont jew jekk intilef tinħareġ kopja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-anzjan li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, inħarġu mis-sistema u ġew impustati lil istess konsumatur, nhar il-15 ta’ Diċembru 2010.

Fondazzjoni għall-iskejjel t'Għada — skola ġdida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22226 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jistħarreġ il-possibilità li jilqa' t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern expropja art f’isem Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada biex tinbena skola. Għad baqa’ biċċa art, li qed jirreferi għaliha l-Interpellant li għadha ma ntużatx, u li deċiżjoni dwarha għad trid titiehed. Għaldaqstant, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru Parlamentari li d-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed jaħdmu biex tinstab soluzzjoni għall-problema mqanqla mill-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament.

Applikazzjoni għall-binja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21127, jista' l-Ministru jgħid jekk bħala Ministeru irċeviex l-applikazzjoni li qed tintbgħat separatament? Jekk għal xi raġuni s'issa fil-Ministeru ma tinstab l-ebda applikazzjoni bħala talba għall-użu ta' din il-binja, jista' jikkonferma jekk din l-ittra tal-applikazzjoni hix se tkun ikkunsidrata mill-Ministeru bħala applikazzjoni li turi interess fl-użu ta' din il-binja bħala waħda valida?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba magħmula mill-entita’ lid-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ma ġietx mibgħuta lid-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern. Kemm il-darba din l-applikazzjoni tintbagħat dan id-Dipartiment jikkunsidra din it-talba flimkien ma’ applikazzjonijiet oħra għall-istess proprjeta’ wara li l-Ordni ta’ Żgumbrament, li nħarġet fil-25 ta’ Novembru 2010 tiġi esegwita.

Ġbir ta' data u informazzjoni — ħlasijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta persuna jew persuni, jiġu ngaġġati biex jagħmlu xi xogħol relatat ma’ ġbir ta’ data jew informazzjoni biex tintuża f’xi studju jew programm finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, kif jiġu meqjusa dawn l-individwi għall-finijiet ta’ income tax? Il-ħlas li jieħdu jiġi ntaxxat bil-15% ta’ part-time, jew bir-rata relatata mal-impjieg ewlieni tagħhom? Fil-proċess kollu jittieħdu in konsiderazzjoni l-ispejjeż personali li uħud minn dawn il-persuni jkollhom jagħmlu biex jagħtu lura x-xogħol li jkunu ġew ingaġġati biex jagħmlu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpelant illi r-rata ta’ 15% tapplika biss f’każ ta’ xogħol li hu impjieg part-time u li hu reġistrat hekk mal-ETC. Dan mhux il-każ fis-sitwazzjoni msemmija fil-mistoqsija. Ix-xogħol imsemmi huwa meqjus bħala casual labour, u dan dejjem huwa ntaxxat mal-bqija tal-income tal-persuna bir-rati normali tat-taxxa. Fir-rigward tal-ispejjeż imsemmija, jekk individwu jagħmel spejjeż li huma meħtieġa (“spejjeż li servew kollha u biss”) biex jinqala’ l-income, dan jista’ jitlob tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż kontra dan id-dħul fil-prospett tat-taxxa għas sena relata.

MFSA — regoli ta' tassazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju li jeżisti kunflitt li qed jaffettwa persuni, nklużi barranin, li iżda jgħixu f’Malta u li huma involuti fin-negozju, fejn jidħlu regoli ta’ tassazzjoni bejn ir-regoli tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji u dawk inklużi fil-liġi tal-income tax? Jista' jgħid jekk jarax kunflitt bejn dak li hemm imfisser f’pagni 7 u 8 tal-Guide for the Registration of Companies in Malta u dak li hemm f’artikli 179 u 181 tat-Tax Managment Act? Liema waħda minn dawn finalment tipprevali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi eżaminajna bir-reqqa il-possibilitita’ ta’ xi konflitt fil-provedimenti tal-liġijiet u fil-pubbllikazzjonijiet imsemmi fid-domanda li għamel, imma ebda kunflitt tan-natura imsemmija ma ġie identifikat. Għaldqastant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jikkjarika d- domanda ħalli nkun f’posizzjoni li nista’ nerġa nikkunsidrawha mill-ġdid u nagħti risposta aktar preċiża f’seduta oħra.

Importazzjoni u bejgħ ta' Herbal Remedies u Food Supplements

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huma l-ħwienet u kumpaniji reġistrati u li joperaw fs-settur tal-importazzjoni u bejgħ tal-hekk imsejjħa Herbal Remedies u Food Supplements?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mad-Dipartiment tal-Kummerċ instab li hemm tlett Kategoriji ta’ negozji li specifikament isemmu dan is-settur bħala attivita kummerċjali tagħhom. Pero tajjeb li wieħed issemmi li m’hemmx obligu li ħanut jispeċifika li ser jkun qed ibiegħ herbal remedies u food supplements. Meta wieħed japplika għal liċenzja jrid, skond l-attivita prinċipali tiegħu, jagħzel waħda mill kategoriji li tinsab fl-ewwel skeda tal-Avviz Legali Numru 1 tal-2006. Dan iffisser li wieħed jista’ jkollu liċenza għal- attivita prinċipali tiegħu li ma tkunx il-bejgħ tal- herbal remedies u food supplements imma xorta jista’ jkun qiegħed ibiegħ dawn il- prodotti bħala attivita sekondarja Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra eżempji mill-ewwel skeda tal-Avviz Legali Numru 1 tal-2006 ta’ Attivita Principali.

Żurriq — Triq Valletta - għalqa tal-kontrada - periklu

Question

Jista' l-Ministru jara li l-periklu li jista' jkun fatali fl-għalqa tal-kontrada taż-Żurrieq fi Triq Valletta jitneħħa u dan billi l-Korporazzjoni Enemalta, għalkemm sarulha diversi talbiet, qed tonqos milli tagħmel dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta għandha bżonn iktar informazzjoni bħal site plan jew xi numru tat-telefon ta’ min qed jagħmel l-ilment. Enemalta ma tafx li hemm xi periklu f’dawn l-akwati. L-inġinier tad-distrett irċieva ilment verbali fuq cable tal-high tension f’dawn l-akwati imma l-cable li hu msemmi f’din il-mistoqsija parlamentari huwa pprotettat bi steel plates u m’hemmx periklu.

Ħatra tal-Bord tal-koperattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Bord tal-Koperattivi se jiġi maħtur? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm sitt koperattivi jistennew biex jiġu approvati u magħrufa peress li m'hemmx Bord maħtur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi notifika fil-gazetta tal-gvern numru 18,679 li ġiet ippublikata fit-30 ta’ Novembru 2010 kienet qiegħda tappunta l-Bord tal-Koperattivi sa 22 ta’ Jannar 2011. Ngħarraf ukoll li fil-preżent hemm tliet applikazzjonijiet li qegħdin fi stadju avvanzat ta’ approvazzjoni filwaqt li applikazzjoni minnhom qiegħda tiġi evalwata mill-ġdid.

Enemalta — każijiet ta' sexual harrasement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' sexual harrasement seħħ u ġie pprovat fil-Korporazzjoni Enemalta matul is-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid x'passi dixxiplinarji ttieħdu kontra dawk li ġie pprovat li wettqu dan l-att kriminali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-snin 2009 u 2010, fl-Enemalta kien rrapurtat każ wieħed ta’ allegat fastidju sesswali. Il-każ kien riferut lill-pulizija li min-naħa tagħha investigat il-każ. Il-pulizjia qatt ma akkużat lill-persuna kkonċernata b’att kriminali. Il-maniġment tal-Korporazzjoni ukoll ressaq il-każ quddiem il-bord tad-dixxiplina li kkonkluda li l-persuna kkonċernata ma kinitx aġġixiet b’mod eżemplari waqt il-qadi tad-dmirijietha u li kienet ukoll tat fastidju sesswali b’intimita` fiżika li pero` ma kenitx serja. Din il-persuna tneħħiet mill-grad ta’ Chief Security Officer u tilfet ukoll ammont sostanzjali ta’ paga billi waqt li kienu għaddejin il-proċeduri, kienet sospiża għall-tlett xhur b’nofs paga.

Telgha tax-Xemxija — Ħsara f'tappiera

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex ħsara rrappurtata lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'tappiera fit-triq prinċipali li hemm fit-telgħa tax-Xemxija, tibqa' ma tissewwix għal diversi jiem minkejja li din qegħda fi triq prinċipali u tista' tkun ta' periklu għas-sewwieqa u l-pubbliku in ġenerali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ewwel rapport dwar tappiera bil-ħsara f’din it-triq wasal għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma fit-28 ta’ Diċembru. It-tappiera ġiet irranġata dakinhar stess.

Ħlas ta' €47 għal bdil tal-meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex familji li qed jinvestu fis-sistema ta' panelli fotovoltaici qed jintalbu jħallsu ħlas ta' €47 biex jinbidlilhom il-meter tad-dawl mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun tista' titħaddem is-sistema? Ma jaħsibx il-Ministru li din it-tariffa hija spiża żejda fuq dawn il-familji li investew eluf ta' ewros sabiex jiġġeneraw enerġija nadifa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-installation charge ta’ €300 pagabli fuq installazzjoni ta’ meter tad-dawl hija eżenti fil-każ ta’ persuni li jinvestu fis-sistema ta’ panelli fotovoltajiċi, hekk kif tħabbret fil-parlament f’Novembru li għadda. L-ammont imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa miżata amministrattiva li tkopri l-ispejjeż amministrattivi għall-proċess ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

Ristrutturar fl-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jitħallsu Ernst & Young għax-xogħol fuq l-istrutturar u r-rescue plan tal-Air Malta? Kif qed jitħallsu bħala kuntratt sħiħ, jiġifieri sakemm jitlesta x-xogħol jew fuq bażi ta' perjodu, per eżempju, xahar? X'inhuwa l-kuntratt li ngħataw i.e. x'jinkorpora f'termini ta' xogħol, x'terms of reference ngħataw, eċċ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

CEO u Commercial Director tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' CEO u ta' Commercial Director tal-Air Malta bħalissa? Kemm qed jitħallas, f'termini ta' paga, allowances u perks oħra? X'kuntratt għandu? X'terms of reference għandu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Income tax u social security

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm daħħal income tax u social security mill-ewwel fażi tal-amnestija li għalqet fi Frar 2010 u mit-tieni fażi ta' amnestija ċioe l-estensjoni wara dik ta' Frar li għalqet f'Novembru 2010? Jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħmel amnestija simili fir-rigward tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-pagamenti li saru fir-rigward tal-ewwel fażi tal-Iskema dwar Tnaqqis fil-Multi u l-Imgħax li għalqet fi Frar 2010 ammontaw għal €42,771,853. L-ammont miġbur fir-rigward tat-tieni fażi tal-Iskema li kellha d-data tal-għeluq f’Novembru 2010, kien ta’ €23,591,888. Wieħed irid jirrimarka li dan mhuwiex l-ammont finali għax ma’ dan irid jiżdied il-ħlas li għad irid jidħol mill- agreements tal- employers li għadu m’għalqilhomx iż-żmien għax inħarġilhom aktar tard, kif ukoll iridu jidħlu l-ħlasijiet minn dawk li għażlu li jħallsu bin-nifs kull xahar. Il-Gvern mhux konxju li qatt għamel xi dikjarazzjoni li ser jagħti amnestija rigward il-VAT.

MFSA — rapport tal-BOV Property Fund

Question

Jista' l-Ministru jagħti data definita meta ir-rapport mill-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji fuq Bank of Valetta Property Fund se jkun kompletat u meta jista' jiġi mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jagħti lista tal-promozzjonjiet minn senior managers 'l fuq li ingħataw fil-BOV matul 2009? Peress li l-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji kient għamlet rapport dwar l-administrative costs li kienu qed jiċċarġjaw il-banek liema rapport ġie kif suppost mgħoddi lill-Uffiċċju tal-Kompetitivita u Ħarsien tal-Konsumatur, jista' jgħid x'kienet l-azzjoni li ttieħdet minn dan id-dipartiment fuq dan l-istess rapport? Jista' dan ir-rapport jiġi mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

B’referenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija ninsab infurmat illi f’dan l-istadju, data definitiva ma tistax tingħata. Madankollu, id-diversi studji, l-indaġni u l-ispezzjonjiet da parti tal-MFSA fid-diversi materji li qamu in konnessjoni mal- Fond (La Valette Multi Manager Property Fund) imsemmi mill-Interpellant huma kollha fi stadju avvanzat, imma għad fadal li jiġu eżaminati aktar informazzjoni u dokumentazzjoni li ġew mitluba mill-bank in kwistjoni. Nifhem iżda illi l-ewwel rapport għandu jiġi finalizzat fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dan ir-rapport ma jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għaliex huwa ristrett għal skopijiet regolatorji.

Benefiċċji tad-dawl u l-ilma mhux imsarrfa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20831 jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-benefiċċji li ngħataw għall-kont tad-dawl u ilma li ma ssarfux minħabba li l-account holder kien laħaq miet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.