Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni Enemalta — Sistema ta' spettorat biex tiċċekkja d-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Korporazzjoni Enemalta għandhiex xi sistema ta' spettorat biex tiċċekkja fejn ikun hemm dawl elettriku li jkun maqtugħ, u allura mbagħad tieħu l-passi neċessarji biex jew l-Enemalta nnifisha jew il-kunsill lokali (skond kif ikun il-każ) jieħdu ħsieb biex issir it-tiswija neċessarja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant l-Enemalta m’għandhiex spettorat għad-dwal tat-toroq iżda tirċievi rapporti minn żmien għal żmien mingħand Transport Malta għal toroq arterjali u mingħand il-kunsilli lokali għal toroq distributorji u sekondarji kif ukoll rapporti mingħand il-Pulizija jew direttament mill-pubbliku lill-customer care. Mill-banda l-oħra l-Enemalta għandha sezzjoni li hija dedikata għat-tiswijiet tal-bozoz.

Chairman tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-role tac-Chairman tal-Air Malta fil-kuntest tar-restructuring u r-rescue plan li qed issir għal kumpanija? Ingħata kuntratt differenti minn meta nbeda dan ix-xogħol? Jekk iva, x'inhu u x'terms of reference għandu? Jekk le, x'inhuma t-terms of reference tiegħu? X'qed jingħata bħala ħlas, allowances u perks oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-irwol taċ-Chariman huwa dak ta’ Executive Chariman tal-Kumpanija u kif ukoll tal-Executive Structure tal-Kumpanija u tal-Bord tad-Diretturi. L-ebda kuntratt ġdid ma ngħata minn meta beda r-ristrutturar tal-Kumpanija. Ir-remunerazzjoni taċ-Chairman u kif ukoll taċ-Chairmen l-oħra hija kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. *Vide PL 6610 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tlieta, 1 ta' Marzu 2011 f'Seduta 320

membri tal-management li għadhom fl-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-membri tal-management fl-Air Malta li għadhom fl-impjieg, wara t-tneħħija ta' xi wħud mill-membri tal-management li kien hemm qabel ġiet ingaġġata l-kumpanija Ernst & Young?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-responsabilta tat-tmexxija tal-kumpanija hija vestita fil-Bord tad-Diretturi.

San Pawl il-Baħar — Xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Billi f'diversi nħawi ta' San Pawl il-Baħar, fejn sar xi xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn il-bankina hi magħmula minn ċangatura (red blocks) dawn l-istess bankini ma ġew irranġati kif suppost, bil-konsegwenza li f'xi nħawi l-istess bankini saru perikolużi, jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex min wettaq dan ix-xogħol jirranġah? Jekk le, jistgħu jittieħdu l-miżuri neċessarji biex il-kunsill lokali jingħata fondi biex ikun jista' jirranġa dawn il-bankini?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qiegħda tiddiskuti mal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar biex jiġu identifikati dawn il-xogħlijiet ħalli tara x’hemm bżonn isir dwarhom.

Air Malta — call centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm tħallas l-Air Malta għall-użu tal- call centre ; b) kemm għamlet qligħ il-call centre; ċ) kemm kien jiġi jiswa l-istess xogħol meta kien isir mill-ħaddiema tal-Air Malta; d) kemm qed isir bejgħ għall-Air Malta (f'persentaġġ) mill-call centre?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u mhux fl-interess tal-kumpanija li tipproduċi din l-informazzjoni.

Aċċess għall-garaxx

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1458, peress li jirriżulta li l-problema fid-domanda oriġinali mhux talli ma ssolvietx, imma talli kibret għaliex ma ttieħdet ebda azzjoni għajr site inspection, jista' l-Ministru jgħid x'sar fil-frattemp min-naħa tad-dipartiment kkonċernat u x'se jsir biex il-problema ta' aċċessibbilità tissolva? Jaqbel li l-persuna li tgawdi l-pussess legali tal-garaxx għandha ukoll dritt li jkollha aċċess diċenti minn triq/passaġġ diċenti biex b'hekk tagħmel użu effettiv tal-garaxx de quo u mhux jispiċċa jkisser il-karozza kif qed jagħmel illum u ilu jagħmel hekk is-snin? Kif għaddew aktar minn sentejn u ma ngħatax rimedju effettiv?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill Onor. Interpellant illi in segwitu għat-tweġibiet li ngħataw għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru 4940 u 9909, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern fi 23 ta’ Ġunju 2009, kien ressaq l-ilment tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament lill-Awtorità dwar it-Trasport, issa Transport Malta u talabha tagħmel xogħol ta’ illivellar ta’ triq in kwistjoni sabiex dan il-garaxx ikun aktar aċċessibli. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern mhuwiex l-entità responsabbli fuq xogħol infrastrutturali ta’ toroq, għaldaqstant il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament għandu jirrikorri lejn din l-entità bl-ilment tiegħu.

Enemalta — dejn

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21628, it-tabella turi li bejn tmiem l-2005 u sa Novembru 2010, jiġifieri fi spazju ta' ħames snin, id-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta rdoppja minn €279 miljun għall-€557 miljun, jiġifieri żieda ta' kważi €280 miljun, li skont tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21102 hi €50 miljun aktar mill-ammont kemm ġiet tiswa il-power station ta' Delimara (€230 miljun), jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' nefqa ta' natura kapitali għamlet l-Korporazzjoni Enemalta f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kien dan l-ammont?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 22960.

Enemalta — Special Purpose Vehicle

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li titwaqqaf Special Purpose Vehicle bħala strument finanzjarju fir-rigward tad-djun tal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, min qed jagħti konsulenza f’dan ir-rigward, kif intgħażel u kemm qed jitħallas?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta tikonferma li qed tikkunsidra li twaqqaf Special Purpose Vehicle bħala strument finanzjarju fir-rigward tad-djun. Il-konsulenti huma, Dr Pierre Attard, PriceWaterHouseCoopers u Ganado and Associates. Dawn ġew maħtura b’direct order. Sa issa tħallsu dawn l-ammonti: Dr Pierre Attard € 7,421.64 PriceWaterHouseCoopers € 85,075.82 Ganado & Associates € 111,255.25 __________ € 203,752.71 __________

Enemalta — Special Purpose Vehicle - strument finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-gvern fir-rigward tal-użu minnu tal-istrument finanzjarju magħruf bħala Special Purpose Vehicle?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 22960.

Kuntratti tal-BWSC — riklami fuq ġurnali

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’liema ġurnali dehru r-riklami intitolati "The truth prevails BWSC contract"? Kemm–il riklam deher fuq kull ġurnal u kemm kienet in-nefqa totali fuq kull wieħed minn dawn il-ġurnali fuq dawn ir-riklami? Jista' jgħid min kien responsabbli għad-disinjar tar-riklami u x’kien il-ħlas mogħti lil min kien responsabbli għal dan d-disinjar ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Investigazzjoni dwar tariffi li jinżammu mill-banek

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji bagħtitx rapport lid-Dipartiment konċernat rigward investigazzjoni dwar tariffi li qed jinżammu mill-banek (bank charges)? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'azzjoni ttieħdet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità kienet għamlet eżerċizzju fl-2007 fejn stħarrġet id-dħul min numru ta’ tariffi applikati miż-żewġ banek il-kbar f’Malta (cioè HSBC Bank Malta plc u l-Bank of Valletta plc). Ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport kien jinkludi fih figuri sas-sena 2006. Wara li fil-2008, l-Awtorità kienet iffirmat “Memorandum of Understanding” mad-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ tagħrif dwar aspetti li jikkonċernaw iż-żewġ naħat, l-Awtorità kienet iltaqgħet diversi drabi mad-Diviżjoni rigward prattiċi bankarji lokali kif ukoll dwar tariffi applikati mill-banek lokali għal trasferimenti ta’ fondi minn bank għall-iehor kif ukoll dwar tariffi applikati mill-banek meta dawn jipproċessaw transazzjonijiet bil-“cards”. F’April 2008, inghatat kopja tar-Rapport tal MFSA lid Divizjoni imsemmija.

Twaħħil ta' meter tad-dawl

Question

Jista' l-Ministu jgħid għaliex il-meter tad-dawl tal-fond li d-dettalji dwaru qed jintbgħatu separatament, reġa' twaħħal u b’hekk reġa' ġie konness is-servizz tal-elettriku fil-fond in kwestjoni nhar il-Ġimgħa 1 t’Ottubru 2010 bil-lejl u dan minkejja li l-individwu li fuqu qiegħed dan il-meter li d-dettalji tiegħu qed jintbgħatu separatament, kien talab li tali meter jinqala’ u s-servizz jiġi sospiż u ma kien hemm l-ebda talba oħra li jerġa' jitħwahhal is-servizz fuq ismu? Jista' jgħid ukoll għaliex il-meter tal-ilma fuq dan il-fond u fuq isem l-istess persuna ma nqalax minkejja li saret talba apposta biex jinqala’? Jista' jgħid min ta l-ordni biex dan il-meter tad-dawl jitwaħħal mill-ġdid u jerġa' jkun hemm servizz tal-elettriku?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-elettriku għal post imsemmi ġie maqtugħ fis-26 ta’ Mejju 2010. L-applikazzjoni għat-tneħħija ta’ dan il-meter ma tistax tiġi attwata peress li ma ġiex mgħoti aċċess għall-post mill-applikant, liema applikant mhuwiex l-okkupant tal-post. Is-servizz tal-elettriku reġa’ ingħata lura fl-1 t’Ottubru 2010 wara li ġew imħallsa d-djun kollha. Enemalta mxiet skont parir legali li ngħatat. Fil-każijiet fejn il-konsumatur li jkun rreġistrat joġġezzjona għall-account li jkun fuq ismu, l-Enemalta titrasferixxi l-account fuq min ikun qed jokkupa l-post. Rigward l-parti tad-domanda li tikkonċerna l- meter tal-ilma, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul ix-xahar ta Ġunju, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma marret fuq il-post biex tesegwi t-tneħħija tal- meter iżda ma’ ġietx mgħotija l-aċċess għall-post fejn jinsab l-fond imsemmi.

Enemalta u WSC — Sub contractors

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kuntratturi (sub-contractors) li qed jagħtu servizz lill-Korporazzjoni Enemalta/Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'inhuma dawn is-servizzi? Kemm qed jiswew lill-korporazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-lista ta’ kuntratturi u sub-contractors li qed jagħtu servizz lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, x’tip ta’ servizz qed jagħtu u kemm jiswa, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ċ-Chief Executive Officer, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, stqarr mal-ħaddiema li t-trab iswed ġej mill-fran ta' Ħal Qormi? Fuq liema studju bbaża din l-istqarrija? Mill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta min għandu credit cards fuq kont tal-Korporazzjoni Enemalta ?Kemm intnefqu flus fuq dawn il-credit cards u fuqiex intnefqu? Huwa minnu li persuna mill-Customer Care ingħatat promozzjoni fejn telgħet seba' skali, irrifjutat id-doveri l-ġodda u baqgħet tingħata s-salarju ġdid tagħha xorta waħda ? Il-Korporazzjoni Enemalta kemm timpjega nies bil-kuntratt? F'liema setturi? Kemm qed jiswa dan lill-Korporazzjoni Enemalta min-naħa finanzjarja?

Response (FENECH, TONIO)

Dak li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għalih fl-ewwel parti tad-domanda hija diskussjoni każwali bejn il-Kap Eżekuttiv u grupp ta’ ħaddiema. Waqt din id-diskussjoni, infurmat illi tqajjem l-argument ta’ tniġġiż u ssemmew diversi modi kif dan jista’ jsir. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 21658. Rigward il-persuna riferuta fit-tielet parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din talbet li tirreżenja mill-grad li ngħatalha bil-promozzjoni wara sejħa għal dan ir-rwol, u ser tmur lura għall-grad li kellha qabel. Finalment, il-Korporazzjoni tinpjega 100 ruħ bil-kuntratt f’kull settur, tekniku, amministrattiv u maniġerjali. Dan jiswa total ta’ €2,527,380 fis-sena.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 3

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 3 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nikkonfermaw illi l-miżuri li qegħdin jiġu kkontemplati mill-UE huma maħsuba sabiex imprendituri onesti li jfallu jew ikunu ser ifallu ikollhom opportunitajiet biżżejjed sabiex jiftħu negozju ġdid malajr kemm jista jkun. B’mod partikolari, il-miżuri huma intiżi sabiex dawn l-imprendituri ma jiġux iddiskriminati u jirċievu l-istess trattament ta’ imprendituri li ser jiftħu negozju għall-ewwel darba. Bħalissa, l-istati membri tal-UE qegħdin jiltaqgħu regolarment sabiex jiskambjaw best practices li forsi jistgħu jiġu addottati mill-istati membri kollha iżjed ‘il quddiem. Fost is-suġġerimenti li qegħdin jingħataw wieħed isib l-introduzzjoni ta’ out-of-court procedures għad-debituri u ta’ qrati speċjalizzati f’kawżi ta’ falliment.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 4

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 4 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 29

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 29 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21288.

Malta Air Traffic Services Ltd — Radar Surveillance

Question

Peress li f'Marzu 2009 ġie ffirmat kuntratt biex tiġi istallata sistema ta' Radar Surveillance għall-Malta Air Traffic Services Ltd biex jibdew jintużaw minflok dawk preżenti li issa wara 15-il sena għamlu żmienhom, jista' l-Ministru jgħid: a) skont il-kuntratt, x'tip ta' radars inxtraw u meta suppost li kellhom jiġu delivered ; b) jekk dawn ir-radars għadhom ma ġewx delivered skont it-termini tal-kuntratt, x'kienet ir-raġuni għal dan id-dewmien; ċ) jekk is-sit fejn suppost għandhom jiġu istallati dawn ir-radars hux diġà ġie identifikat biex darba jaslu jkunu jistgħu jiġu istallati; d) dan id-dewmien fl-istallazzjoni ta' dawn ir-radars ġodda jista' joħloq xi tip ta' periklu għat-traffiku tal-ajru fl-approach tal-Ajruport; u e) bis-sistema antika li għandna bħalissa qegħdin konformi mar-regoli tal-Eurocontrol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi biex issaħħaħ is-sistema ta' radars diġa eżistenti u tassigura servizz ta' sorveljanza tat-traffiku tal-ajru għall-ġejjieni, anki fid-dawl ta' ħtiġijiet ġodda regolati mill-EUROCONTROL, il-Malta Air Traffic Services Ltd (MATS) kienet laħqet ftehim mal-kumpanija taljana SELEX Sistemi Integrali biex tixtri żewġ Monopulse Secondary Surveillance Mode S Radars (MSSR-S). Il-ftehim kien iffirmat f'Marzu 2009 u ż-żewġ radars kellhom jitlestew fi żmien sitt xhur mid-data tal-ftehim. SELEX SI mxiet mal-ftehim u, fil-fatt, ir-radars ukoll ġew factory-tested. Sadanittant kienu ġew identifikati l-aħjar siti fejn iż-żewġ radars kellhom ikunu installati. Bħalissa qegħdin isiru laqgħat apposta biex tittieħed deċiżjoni finali dwar iż-żewġ siti u wieħed jistenna li dan il-proċess ma jdumx ma jkun mitmum. Bħalissa, s-servizz ta' approach mogħti mill-MATS jingħata permezz ta' MSSR radar li qiegħed fl-Ajruport ta' Hal Luqa u jingħata f'konformita' ma' regoli stabbiliti.

Arms Ltd — kwestjoni dwar ittra mibgħuta lil familji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi dikjarata bħala rtirata l-famuża ittra llegali li l-Arms Ltd kienet bagħtet b’mod abbużiv lil mijiet ta’ familji? Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn minkejja li huwa wkoll f’dan il-Parlament qabel li għandha tintalab skuża bil-miktub lil mijiet ta’ familji li rċevew l-ittra abbużiva mingħand l-Arms Ltd, din il-kumpanija s’issa għadha ma ħaditx dan il-pass?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21051.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 4

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20860 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 4 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20860.