Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vot Kapital Nru VIII

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21949 u jgħid kemm intnefqu flus fuq l-industrija f’Għawdex din is-sena s’issa taħt il-Vot Kapitali Nru VIII Items 7211(i) (ii),(iii),(iv), 7280, 7101, 7096 u 7274 rispettivament? Jista’ jgħid għal liema skop intnefqu f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21949.

Benefiċċji tad-dawl u l-ilma mhux imsarrfa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20831, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-benefiċċji li ngħataw għall-kont tad-dawl u ilma li ma ssarfux minħabba li l-account holder kien laħaq miet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant kien hemm numru ta’ ċekkijiet li ma ssarrfux, minħabba li sid il-kont tal-post fejn jkun ntbagħat iċ-ċekk, jkun miet u għalhekk min ikun għadu jgħix fil-post, ma jkunx jista jsarrfu sakemm il-post ma jkunx ġie mniżżel fuq ismu. Kien hemm 3,447 account holder ġdid li nħoloq fis-sistema matul dan l-istess perijodu. Uħud minn dawn nħolqu speċifikatament minħabba ċirkustanzi kif msemmijja hawn fuq. Oħrajn nħolqu minħabba applikazzjonijiet ġodda ta’ konsumaturi differenti u mhux relatati ma’ dawn il-każijiet.

Fondi għall-Unjoni Ewropea — Tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti t-tender MP 005/2010 u kemm kien il-valur tiegħu? Jista' l-Ministru jikkonferma li l-proċess ta’ dan it-tender ġie kanċellat? Jekk iva jista' jgħid għalxiex il-process ta’ dan it-tender ġie kanċellat u x’se jsir mill-fondi mill-Unjoni Ewropea li kienu allokati għal dan it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 22473.

Mogħtija flus mill-income tax bi żball

Question

Jista' l-Ministru jara l-kaz ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li rċeviet s-somma ta' €1,591 mingħand d-Dipartiment tal-Income Tax u wara xi żmien qalulha li kien żball u qed jitolbu dawn il-flus lura mingħand anzjana ta' 84 sena? Ma nħossx li żball tad-Dipartiment trid tħallas għalih din l-anzjana, kieku kienet ta' eta' żgħira tkun tista' taħdem biex tħallas dawn il-flus, imma mara anzjana żgur li huwa ta' inkwiet żejjed għaliha.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-sinjura konċernata u anke membri tal-familja tagħha ngħataw spjegazzjoni diversi drabi. Wara li nduna b’dan l-iżball, id-dipartiment talab li jingħata l-flus lura. L-Onorevoli Interpellant żgur japprezza li kienet tkun inġustizzja kieku d-dipartiment talabha flus li ma kinux dovuti minnha; kienet tkun inġustizzja mat-taxpayers in ġenerali kieku ħalla s-somma msemmija tibqa’ għaddejja meta dawn ma kinux tagħha u qatt ma ħallsithom. L-età tal-persuna f’dan il-każ mhijiex rilevanti għax il-fatt li wieħed ikollu 84 sena ma jfissirx li għandu jżomm flus li mhumiex tiegħu.

Dipartiment tal-VAT — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport dwar l-investigazzjonijiet li saru dwar abbużi li rriżultaw fl-operat intern tad-Dipartiment tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Car scrappage scheme — proċeduri għall-importaturi tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jara jekk jistgħux jiġu kkjarifikati l-proċeduri għall-importaturi tal-karozzi ġodda dwar kif se taħdem il-car scrappage scheme speċjalment fejn jidħol l-element tal-VAT? Dan għaliex it-tibdil fir- registration tax allegatament ħoloq kumplikazzjonijiet dwar VAT invoicing billi ġejt infurmat li Transport Malta qed tinsisti li l- invoice tkun trid tkopri l- full retail price bir-riżultat li tkun trid tinħareġ credit note fuq ir- registration tax bid differenza fil-VAT. Il-problema qed tkompli tikber għaliex kif ġejt infurmat dawn ma jistgħux joħorġu credit note fuq it-taxxa bid-differenza fil-VAT meta ir- registration hija VAT exempted.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara laqgħat li saru bejn l-Association of Car Importers (ACIM), l-Ministeru tal-Finanzi, id-Dipartiment tal-VAT kif ukoll it-Trasport Malta, ġie ikkjarifikat iżjed il-proċess ta’ kif se taħdem il-grant scheme, b’riferenza speċjali għall-element tal-VAT. L-aġent huwa obbligat li juri kemm il-prozjon tiegħu kif ukoll il-porzjon tal-gvern tal- grant fl-irċevuta fiskali li tinħareġ lill-klijent.

Delimara Power station — xogħol ta' estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ħlasijiet s'issa lill-kumpaniji involuti fix-xogħol tal-estensjoni tal-power station il-ġdida f'Delimara? Kemm ħadet flus kull kumpanija u għal liema xogħol? X'inhu l-valur tax-xogħol u xiri ta' apparat li sar s'issa fuq din l-estensjoni li għadu ma tħallasx?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kumpaniji li tħallsu għal xogħol in konnessjoni mal-bini tal-estenzjoni tal-power station il-ġdida f’ Delimara qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

devoluzzjoni ta' Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tinħareġ il-Letter of Intent lill-Kunsill Lokali tal-Mosta dwar id-devoluzzjoni ta’ Ġnien l-Għarusa tal-Mosta u x-xelter nukleari, peress li l-Kunsill Lokali tal-Mosta jkun jista’ jilħaq jitfa’ l-applikazzjoni għall-fondi tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward, liema applikazzjonijiet jgħalqu fl-14 ta’ Diċembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern għandu biss talba għad-devoluzzjoni tal-proprjetà in kwistjoni biex tgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali tal-Mosta liema talba ntbagħtet fl-24 ta’ Novembru 2010. Ġie deċiż li l-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta jingħata l-Kunsill Lokali Mosta permezz ta’ encroachment permit, filwaqt li xelters se jingħataw b’devoluzzjoni lill-istess Kunsill. Il-Letter of Intent se tintbagħat lill-Kunsill f’dawn il-jiem sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropeja fir-rigward ir-restawr tax-Xelters.

Meter tal-ilma ma jiffunzjonax

Question

Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mill-Arms Ltd jmur jara l-meter tal-ilma tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għax skond hi l-meter tal-ilma mhux iddur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont ir-rekords tagħna, il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament qatt ma rraportat din il-ħsara lil ARMS Ltd. Madankollu issa li ġew informati, se ssir spezzjoni fid-dar tal-persuna konċernata fil-ġranet li ġejjin, u jekk il-meter ta’ l-ilma jinstab li hu difettuż, jinbidel dak il-ħin.

meter tad-dawl fl-għalqa

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li dan għandu meter tad-dawl fl-għalqa u kull ma juża erba' bozoz, u meta waħlulu l-meter tad-dawl 30 sena ilu qalulu li dan huwa temporanju għax huwa użat u min dakinhar dejjem ħallas id-dawl u l-ilma però qatt ma kienu jiġu jarawh imma issa f'daqqa waħda bagħtulu kont ta' €5,694?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każ riferut jitlob illi ssir investigazzjoni u on site visit min-naħa tal-ARMS sabiex jiġi analizzat l-ilment imressaq.

Enemalta — estate private

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15065, jista' l-Ministru jgħid għaliex xi snin ilu, l-awtoritajiet kkonċernati asfaltaw it-toroq li jinsabu f'dan l-estate privat u anki hemm dawl f'dawn it-toroq li ġew stallati mill-Korporazzjoni Enemalta u r-residenti lanqas qatt ħallsu, għax d-dipartimenti tal-gvern jgħidulhom li dawk it-toroq huma tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi m’hemmx indikazzjoni ċara li t-triq imsemmija hija triq privata u m’hemm l-ebda grada li tagħlaq l-aċċess tat-triq. Peress li t-triq tidher li tintuża għal pubbliku, ġew ipprovduti tliet lampi li qegħdin mwaħħlin mal-ħajt. Dawn it-tliet lampi ġew mgħotija lil kunsill lokali.

Servizz ta' trasport bejn Għawdex u Kemmuna

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 21737, peress li l-Ministru baqa' ma weġibx għall-maġġor parti tad-domanda, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-kamra d-dokumenti relattivi u jgħid kemm kienu l-offerti li saru u jgħid abbażi ta' liema kriterju ngħatat l-offerta speċjalment dwar il-polza ta' assigurazzjoni msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21737?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ż-żewġ operaturi bagħtu il-polza tal-assigurazzjoni skont kif ġie rikjest mill-kumpanija li hija ta’ ħames miljun dollaru u d-differenza ta’ l-offerti li ssottamettew dawn iż-żewġ operaturi kienet fil-prezz tas-servizz, u għalhekk fuq dan il-bażi giet magħżula l-aħjar offerta finanzjarja.

Lighthouse Communications Ltd — kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21910 u jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2008 u llum, sena b'sena, lill-kumpanija Lighthouse Communications Ltd? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-2008, il-kumpanija Lighthouse tħallset is-somma ta’ €42,797.76 għal xogħol ta’ relazzjonijiet pubbliċi, diżinn/produzzjoni ta’ reklamar għall-gazzetti, radju, it-televiżjoni u l-Internet, għall-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u għal numru ta’ dipartimenti li jaqgħu taħtu. Il-kumpanija tħallset ukoll €23,399.57 bħala recharging ta’ reklamar għal fuq il-mezzi tax-xandir. Dan sar b’direct order. F’Diċembru 2008 ħarġet expression of interest fuq il-Gazzetta tal-Gvern Numru 18353 tat-12 ta’ Diċembru 2008 li fiha l-Ministeru talab l-offerti għal tipi differenti ta’ produzzjoni (awdjo, viżwali, elettronika) għas-servizzi meħtieġa mid-Dipartimenti kollha tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, b’mod partikolari d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, id-Dipartiment tal-VAT, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni, id-Dipartiment tad-Dwana, l-Awtorità Maltija għall-Istandard u d-Dipartiment tal-Artijiet. Għal din is-sejħa, il-kumpanija Lighthouse Communications Ltd kienet l-unika waħda li ressqet l-offerti tagħha. Ix-xogħol li ngħata sussegwentement lil din il-kumpanija, tħallas abbażi tal- quotations li kienu ġew stipulati fl-offerta mitfugħa. Għall-2009, il-kumpanija Lighthouse tħallset is-somma ta’ €161,914.51 għal xogħol ta’ relazzjonijiet pubbliċi, diżinn/produzzjoni ta’ reklamar għall-gazzetti, radju, it-televiżjoni u l-Internet kif ukoll organizzazzjoni ta’ avvenimenti għall-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u għad-Dipartiment tal-VAT, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni, id-Dipartiment tad-Dwana, l-Awtorità Maltija għall-Istandard u d-Dipartiment tal-Artijiet. Il-kumpanija tħallset ukoll €19,233.63 bħala recharging ta’ reklamar għal fuq il-mezzi tax-xandir. Għall-2010, il-kumpanija Lighthouse tħallset is-somma ta’ €92,551.16 għal xogħol ta’ relazzjonijiet pubbliċi, diżinn/produzzjoni ta’ reklamar għall-gazzetti, radju, it-televiżjoni u l-Internet, kif ukoll organizzazzjoni ta’ avvenimenti għall-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u għal numru ta’ dipartimenti li jaqgħu taħtu. Il-kumpanija tħallset ukoll €39,076.54 bħala recharging ta’ reklamar għal fuq il-mezzi tax-xandir.

proċess għall-għażla ta' senior draughtsmen

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21907, jista l-Ministru jispeċifika x’inhuma d-diffikultajiet tekniċi li għad iridu jiġu kjarifikati għar-rigward t’Għawdex? Meta huwa l-ħsieb li jkunu kjarifkati dawn id-diffikultajiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-diffikultajiet tekniċi kienu rigward min kien eliġibbli għal dan il-post. Issa din id-diffikulta ġiet solvuta u n-nies eliġibbli se jiġu msejħa għall-intervista.

Ħaddiema li jaħdmu f'intrapriżi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21484, jista’ l-Ministru jgħid fl-2009 kemm kienu jħaddmu ħaddiema b’kollox is-67 intrapriża li jħaddmu minn 250 persuna ‘l fuq f’Malta u kemm kienet tħaddem l-unika intrapriża tal-istess daqs f'Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies jaħdmu fl-intrapriżi meqjusa bħala kbar (250+) f’Malta u Għawdex fl-2009 kien ta’ 54,739.

Qtugħ fil-provvista tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li omm, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fejn din qatgħulha l-provvista tad-dawl u skont hija ma irċeviet l-ebda avviż qabel? Jista' jara l-każ peress li l-omm lesta li tħallas €50 fix-xahar għall-kont tad-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-konsumatriċi kienet diġà daħlet fi ftehim biex jsiru pagamenti bin-nifs ħalli jkun jista' jiġi mħallas il-bilanċ pendenti. F’dan ir-rigward, kien sar biss pagament wieħed fuq dan il-ftehim u għalhekk, ġiet inforzata s-sospensjoni hekk kif inhi msemmijja fil-kundizzjonijiet tal-ftehim innifsu.

Problema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni ġewwa flat isfel, fejn id-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, fejn din l-anzjana għandha problema ta' drenaġġ, fejn ħames snin ilu kienet saret din l-istess mistoqsija u l-problema kienet ġiet solvuta imma wara ħames snin din il-problema reġgħet tfaċċat u qed tkun ta' inkonvenjent kbir għal din l-anzjana?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-24 ta’ Diċembru, saret spezjoni fil post imsemmi. Irrizulta illi a) kien hemm sadd fis-sistema tad-drenaġġ tal-WSC ikkagunat min għeruq ġewwa manhole li qiegħda ġewwa ġnien u din ġiet imnadfa, u b) hemm ħsara fis-sistema privata tad-drenaġġ, li minna possibilment jidħlu l-ġrieden. Il-problema privata ma itrangatx għax ma taqax taħt l-obligu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma.

Wied il-Għajn — Tal-Bujar - art mhux mibnija

Question

B'referenza għall-art mhux mibnija li tinsab eżatt faċċata l-Qasam tal-Bujar f'Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex din ma tibqax maħmuġa, mitluqa, kollha ħmieġ u ġrieden? Tista' tiġi żviluppata f'post rikreattiv għall-familji?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi site-plan ta’ l-art in kwestjoni mmarkata b’kulur biex tkun tista’ tiġi identifikata s-site.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex xi forma ta' spettorat li jdur it-toroq biex jassigura li ma jkunx hemm ħsarat fis-sistema tal-ilma? Jekk iva, x'tip ta' spezzjonijiet jagħmlu dawk li huma responsabbli minn din is-sezzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-KSI m’għandhiex dan it-tip ta’ spettorat per se u ma tibgħatx ħaddiema jduru t-toroq biex isibu l-ħsarat. Li jiġri hu li l-korporazzjoni għandha metodoloġija ta’ leakage management li permezz tagħha l-livell tal-leakage f’kull żona ma’ Malta u Għawdex jiġi studjat kull ġimgħa. Ikun biss meta dan jogħla f’xi żoni partikulari li jintbagħtu l-leak detectors biex jindikaw il-post preċiż tal-ħsara, peress li ħafna drabi dan il-leakage ma jkunx jidher jew ma jkunx ċar mnejn qed joriġina eżatt. B’hekk, il-korporazzjoni tista’ tiffoka fuq ftit toroq fejn hemm il-problemi.

San Pawl il-Baħar — Qtugħ fid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex id-dawl fit-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar, qrib l-għassa tal-Pulizija, kien maqtugħ għal diversi ġimgħat u minkejja li kien irrappurtat, baqa' ma ġiex imsewwi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minn investigazzjoni li saret instab li kien hemm linja maqtugħa u din kienet tissuplixxi żewġ bozoz. It-tiswijiet meħtieġa saru u ż-żewġ bozoz inxtgħelu. L-Enemalta m’għandhiex record li dan il- fault ġie irrappurtat.