Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-MFHEA hiex tinvestiga l-kwistjoni li qamet bejn l-Università ta’ Malta u l-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar il-każ li ġie investigat mill-istess Uffiċċju tal-Ombudsman u li r-rapport dwaru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 2 tad-9 ta’ Mejju 2022?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux il-kompitu tal-Awtorità msemmija li tidħol fl-investigazzjonijiet li jagħmel il-Kummissarju tal-Edukazzjoni
Naxxar – Skola Primarja – preżenza tal-pulizija biex jikkontrollaw it-traffiku
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari 24674 u 24424 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jinvestiga jekk nhar l-Erbgħa 2 ta’ Frar, 2022 u t-Tlieta 8 ta’ Frar, 2022 kienx hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali biex jikkontrollaw it-traffiku fil-madwar tal-Iskola Primarja tan-Naxxar fil-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola, hekk kif informata li f’dawn id-dati ma kienx hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali fil-ħinijiet tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Sta. Luċija – Kulleġġ St. Thomas More – xogħol fis-sala
Question
Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol fis-sala tal-Kulleġġ St Thomas More ġewwa Santa Luċija jinsab wieqaf u jinforma lill-Kamra meta huwa ppjanat li jitlesta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tender għax-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes, jinsab fi stadju ta’ evalwazzjoni wara li t-tender ġie ppubblikat diversi drabi. B’investiment ta’ madwar €4 miljun, it-tfal li jattendu f’din l-iskola bħala parti mill-Kulleġġ St Thomas More u l-komunità ta’ Santa Luċija se jkollhom faċilitajiet moderni u mill-isbaħ biex jipprattikaw tipi varji ta’ sport jew jittellgħu attivitajiet soċjali.
Skejjel li jiftħu l-btieħi għall-parkeġġ għar-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li qed jiftħu l-btieħi wara l-ħin tal-iskola biex jintużaw bħala parkeġġ għar-residenti? Jista’ jgħid x'qiegħed iżomm skejjel oħra li jagħmlu l-istess meta wieħed jifhem li f'kull raħal hawn problema ta' parkeġġ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tkun qed tingħata f’seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn studenti barranin fl-Università ta' Malta f'dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu eżenti mill-ħlas għall-istudji tagħhom?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi mqegħda fuq il-mejda tal-kamra
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn studenti barranin fl-Iskola Medika ta' Malta f'dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu eżenti mill-ħlas għall-istudji tagħhom?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tiġi mqegħda fuq il-mejda tal-kamra.
Attachments:PQ224_PAPERS LAID_Skola medika ta’ Malta – studenti barranin.pdf
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24688 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li l-Iskejjel tal-Knisja ma jingħatawx fondi apposta biex ikun hemm security mal-iskejjel, filwaqt li jidher li l-iskejjel tal-Gvern jingħataw fondi għal dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm studenti fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema tal-Malti u jagħtu servizz fil-livell sekondarju?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa b’kollox hemm 25 student fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema tal-Malti u jagħtu servizz fil-livell sekondarju.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm studenti fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema tal-Matematika u jagħtu servizz fil-livell sekondarju?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa b’kollox hemm 5 studenti fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema tal-Matematika u jagħtu servizz fil-livell sekondarju.
Skejjel primarji – Għalliema li se jirtiraw bl-età
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm għalliema li se jkunu qed jirtiraw mill-professjoni minħabba l-età u li bħalissa jgħallmu fil-primarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena, l-eta’ tal-irtirar żdiedet minn tlieta u sittin sena (63) għal erbgħa u sittin (64) sena. Dan ifisser li l-ebda impjegat m’hu applikabbli għall-irtirar. Mill-Primarja ukoll, ma kien hemm ħadd li għażel li jirtira.
Skejjel sekondarji – Għalliema li se jirtiraw bl-età
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm għalliema li se jkunu qed jirtiraw mill-professjoni minħabba l-età u li bħalissa jgħallmu fis-sekondarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi din is-sena, l-eta’ tal-irtirar żdiedet minn tlieta u sittin sena (63) għal erbgħa u sittin (64) sena. Dan ifisser li l-ebda impjegat m’hu applikabli għall-irtirar. Madanakollu, tmien (8) għalliema mis-sekondarja li kellhom bollol biżżejjed, għażlu li jirtiraw matul din is-sena.
Skejjel primarji u sekondarji — Għalliema li se jirtiraw bl-età
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm għalliema li ser ikunu qed jirtiraw mill-professjoni minħabba l-età u li bħalissa jgħallmu fi skejjel tal-knisja primarja u sekondarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li hemm sebgħa (7) għalliema – tnejn (2) fil-Primarja u ħamsa (5) fis-Sekondarja - mill-iskejjel tal-Knisja li se jkunu qed jirtiraw mill-professjoni minħabba l-eta’ matul din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-politika tat-tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija li kienet infetħet għall-konsultazzjoni lura għal Novembru tal-2019?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Politika għat-Tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija ġiet emendata wara li ttieħdu għadd ta’ suġġerimenti mill-konsultazzjoni pubblika.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24311 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk hemmx pjan li dan il-parkeġġ jinfetaħ sal-aħħar ta’ Mejju, 2022? Jekk iva, meta hi d-data li hemm il-ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ? Jekk le, meta hi d-data li hemm il-ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
L-informazzjoni mitluba ser tkun qed tingħata f'seduta oħra
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li għandhom nuqqas ta' staff klerikali jew għandhom staff klerikali anqas milli suppost?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-iskejjel li għandhom staff klerikali anqas milli suppost huma l-Iskola Primarja tal-Ħamrun (GP) u l-Iskola Sekondarja ta’ Ħad-Dingli. Il-Ministeru huwa kommess li jipprovdi l-istaff kollu meħtieġ u dan huwa eżerċizzju kontinwu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm LSEs li huma impjegati mal-Ministeru għall-Edukazzjoni? Jista jgħid kemm hemm tfal “statemented” li għandhom bżonn ta’ LSE? Jista’ jgħid ukoll kemm għandna tfal diagnosed b’Autism Spectrum Disorder li qed jirċievu edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm impjegati elfejn, seba’ mija, erbgħa u tmenin (2784) Learning Support Educator.
Studenti statemented hemm tlett elef, tmien mija u erbgħa u sittin (3864) u dawn kollha għandhom is-sapport ta’ Learning Support Educator.
Studenti bl-awtiżmu jammontaw għal elf, mitejn u sitta u disgħin (1296) fl-iskejjel primarji u sekondarji.
Fil-prezent ukoll, l-Università ta’ Malta għandha erbatax-il student (14) li għandhom l-awtizmu u li dawn l-istess studenti qegħdin jiggwadanjaw minn arranġament għal aċċess minħabba l-bzonn tagħhom.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-iskema pilota Digital Connect li kellha/għandha l-għan li tilħaq lill-familji li m’għandhomx aċċess diġitali fi djarhom, liema skema kienet tħabbret lura f’Novembru 2021?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Skejjel primarji statali – tibdil ta’ mwejjed u siġġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel primarji statali li bħalissa qed jinbidlulhom l-imwejjed u s-siġġijiet fil-klassijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-Ministeru – flimkien mal-Fondazzjoni għall-iskejjel ta’ Għada - jinsab janalizza bosta ħtiġijiet li hemm bżonn fl-iskejjel statali fosthom anki l-imwejjed u s-siġġijiet. Kif wieħed jista’ jifhem, dan huwa proċess kontinwu.
Jista’ l-Ministru jelenka kemm hemm studenti fl-Università li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema u jagħtu servizz fil-primarja skont kull sena tal-kors?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm 93 student li qed isegwu l-kors tal-MTL sabiex isiru għalliema u jagħtu servizz fil-primarja.