Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministerut tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li qed tintalab ma tistax tingħata billi il-persuni li tressqu l-qorti tressqu bħala individwi u mhux il-kumpaniji li jirrapreżentaw jew jaħdmu magħhom.

Misteru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16053 u jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16062.

Arms Ltd — full complement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa maħsub li jkun il-full complement tal-Arms Ltd? Dawn kollha se jiġu assunti mill-Korporazzjoni Enemalta u Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20432.

Dar Malta fi Brussell — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa Dar Malta fi Brussell biex tlestiet? Jista' jgħid ukoll jekk hijiex lesta kompletament? Jista' l-Ministru jgħid x’tip ta’ revenue jew dħul ieħor il-Gvern Malti daħħal mill-binja ta’ Dar Malta u ċioe jekk kienx hemm xi trasferiment ta’ parti mill-proprjetà kollha lil terzi, kemm bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas, u kemm kien il-ħlas jekk hu l-każ u min huma l-persuni li favur tagħhom sar dan it-trasferiment?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 3185 u 19288.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 28

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 28 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li dwar ir-rakkmandazzjoni numru 28 tal-istrategija għall-industrija ta Malta 2007-2010, il-gvern, wara li waqqaf l-Malta Venture Capital plc. B’fond ta’ €2,096,436, u pprova diversi tentattivi sabiex isib il-fund manager adattat, iċ-ċirkostanzi finanzjarji globali li ma kienu xejn favorevoli tul dawn l-aħħar sentejn, m’għenux sabiex jitqanqal l-interess mixtieq, u għalhekk bħalissa se jkun qed jinbeda il-proċess għal-likwidazzjoni, mix-shareholder.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 3

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20859 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 3 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 20859.

Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 28

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20890 u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 28 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20890.

MGI u MIMCOL — ministerial consent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21627 u 21250 u jgħid kemm hemm każijiet fejn l-MGI u l-MIMCOL talbu ministerial consent meta ġew biex jagħżlu jekk jaddottawx restricted jew negotiatied procurement procedures? Dan l-arranġament kemm ilu fis-seħħ? Sal-lum, kien hemm każijiet fejn dawn bagħtu r-rapport annwali ta' kull kuntratt pubbliku mogħti lid-direttur tal-kuntratti? Min-naħa l-oħra kien hemm każijiet fejn id-direttur tal-kuntratti nnifsu talab rapport simili, u jekk iva meta? Billi dan l-aħħar, il-Ministru għarraf lill-Kamra li saru arranġamenti biex dawn it-tender documents ikunu skrutinizzati mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppubblikati, jista' jgħid jekk dan l-arranġament sarx mill-bidu jew fi stadji ulterjuri? Jekk fi stadju ulterjuri, meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kemm l-MGI kif ukoll il-MIMCOL jaqgħu taħt Skeda Nru 3 tal-Public Procurement Regulations 2010. Dawn ir-regolamenti jipprovdu li dawn l-entitajiet jamministraw huma stess il-public procurement tagħhom dejjem skont il-provvedimenti ta’ l-istess regolamenti. Dan l-arranġament ilu fis-seħħ mill-1987 meta dawn iż-żewġ entitajiet ġew imwaqqfa. Kull sena, ir-rapporti finanzjarji ta’ dawn iż-żewġ entitajiet jiġu skrutiniżżati minn awdituri esterni skont kif titlob il-Companies Act 1985. L-awdituri huma Ernst & Young fil-każ tal-MIMCOL u PriceWaterhouseCoopers fil-każ tal-MGI. Barra minn hekk, matul is-snin dejjem saret rikonċiljazzjoni annwali tal-kontijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u sa s-sena l-oħra dan l-eżerċizzju dejjem sar mal-Finanzi. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-ispejjeż huma konsulenzi li kellhom x’jaqsmu ma’ xogħol ta’ privatiżżazzjoni u xogħol relatat mal-Ministeru.

Xiri ta' żejt mil-kumpanija Total

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-snin 2008, 2009 u 2010 sal-lum il-Korporazzjoni Enemalta kemm xtrajt żejt mingħand il-kumpanija Total?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nollijiet tal-vapuri għal Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21229, jista' l-Ministru jgħid minn meta se jibda jopera n-noll tax-xitwa għall-vapuri għal Għawdex bħalma ġara fis-snin ta' qabel, jiġifieri minn meta u b'kemm se jorħos il-prezz li bih Maltin u turisti jistgħu jżuru lill-gżira Għawdxija matul ix-xhur tax-xitwa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-ticketing system qiegħda minn Għawdex u l-Gozo Channel qed tevalwa skemi oħra simili għal dawk li kienu jeżistu għaż-żminijiet passati.

Refund tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li kellhom jirċievu r-refund tat-taxxa sa Diċembru 2010 irċevewhx? Kemm kienu dawk li rċevew dan ir-refund? Kemm huwa n-numru ta' dawk li kellhom jirċievu dan ir-refund tat-taxxa mingħand il-Kummissarju tat-Taxxi Interni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li sal-aħħar ta’ Diċembru kien dovut lilhom refund kien 12,009.

Gabbani fil-bus terminus ta’ Bieb il-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm gabbani fil-bus terminus ta’ Bieb il-Belt? Jista' jgħid kemm minnhom iħallsu l-kera u kemm hi din il-kera? Kemm minn dawn il-gabbani ma kellhomx il-kirja mġedda minħabba l-proġett ta’ Bieb il-Belt? Jista' jgħid jekk dawn il-gabbani li tneħħew hux se jkollhom post alternattiv jew jekk il-persuni li joperaw minnhom kellhomx jew ingħatawx xi forma ta’ kumpens?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-bus terminus ta’ Bieb il-Belt hemm 30 gabbana. 22 minn dawn il-gabbani kellhom il-kirja tagħhom itterminata minħabba l-proġett ta’ Bieb il-Belt iżda ngħataw permess biex jokkupaw dawn il-gabbani mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2011 bil-ħlas pro-rata tal-kera li kienet titħallas qabel, kif muri fit-tabella annessa li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk, hemm 8 gabbani oħra li m’għandhom l-ebda kirja mid-Dipartiment tal-Artijiet. Rigward l-aħħar żewġ partijiet tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.

CEO u Commercial Director tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' CEO u ta' Commercial Director tal-Air Malta bħalissa? Kemm qed jitħallas, f'termini ta' paga, allowances u perks oħra? X'kuntratt għandu? X'terms of reference għandu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-twegiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22407.

Personal emoluments

Question

B'referenza għall-istatistika finanzjarja li ħarġet fil-31 ta' Diċembru 2010, jista' l-Ministru jispjega kif matul x-xahar ta' Novembru 2010 dħul mill-VAT żdiet fix-xahar ta' Novembru 2010 meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena preċedenti b' €70 miljun? Jista' jispjega kif filwaqt li personal emoluments fi 11-il xahar żdiedu €26.7 miljuni fuq is-sena 2009 fix-xahar ta' Novembru 2010 meta mqabbel ma' xahar ta' Novembru 2009 jidher li xahar fuq xahar ma kien hemm l-ebda żieda fil-personal emoluments meta fl-ewwel għaxar xhur kien hemm media ta' €2.7 miljuni fi żieda tal-personal emoluments?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ż-żieda ta’ €70 miljun fid-dħul tal-VAT li kien hemm f’Novembru 2010 meta kkomparat mad-dħul ta’ Novembru 2009 rriżultat minħabba li numru sostanzjali ta’ taxpayers inbidlilhom il-perjodu ta’ taxxa tagħhom għal perjodu calendar quarter li jintemm fit-30 ta’ Settembru. B’konsegwenza ta’ dan inbidlet ukoll id-data tas-sottomissjoni tad-denunzja u l-ħlas ta’ dawn it-taxpayers ġie dovut sal-15 ta’ Novembru 2010. Fir-rigward tal- Personal Emoluments, jirrizulta li kien hemm charge ta' paylist waħda għax-xahar ta' Novembru, li nqabdet max-xahar ta' Ottubru minflok, bir-riżultat li ż-żieda medja li kien hemm xahar fuq xahar sa Ottubru ma seħħetx f'Novembru wkoll. Din kienet charge ta' darba li mhux se jkollha l-ebda effett fuq l-ispiża taħt Personal Emoluments sa l-aħħar tas-sena 2010.

Valur Miżjud Gross

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur miżjud gross fi prezzijiet bażiċi kull sena mill-2003 sal-2009 f’Malta u f’Għawdex b’mod separat tal-attivitajiet (i) finanzjarji, (ii) ta’ proprjetà immobbli, (iii) ta’ kiri u (iv) ta’ negozju?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Konsum tal-elettriku f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — Liċenzji ta' servizzi fuq investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar ta’ Settembru 2010 f’Għawdex kemm kien hemm (i) liċenzji ta’ servizzi ta’ investiment, (ii) għotjiet ta’ rikonoxximent lil amministraturi ta’ fondi, (iii) fondi għal investituri professjonali, (iv) liċenzji ta’ Skemi ta’ Investiment Kollettiv, u (v) kumpaniji awtorizzati bħala trustees?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi sa l-aħħar ta’ Settembru 2010 kien hemm erba’(4) kumpanniji liċenzjati biex jipprovdu servizzi ta’ investiment li għandhom l-uffiċju reġistrat tagħhom f’Għawdex. Skond l-informazzjoni li għandha l-Awtorita għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, ma hemm l-ebda kumpaniji li ingħataw rikonoxximent biex jaġixxu ta’ amministraturi ta’ fondi, fondi għal investituri professjonali, liċenzji ta’ Skemi ta’ Investiment Kollettiv, jew kumpaniji awtorizzati bħala trustee li għandhom l-uffiċju reġistrat tagħhom f’Għawdex.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Bdil ta' mains tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma mistennija li jinbidlu mains tal-ilma matul is-sena finanzjarja li ġejja mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Kemm hu mistenni li jitqegħdu mains ġodda matul din l-istess sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena finanzjarja li ġejja il-Korporazzjoni għas-Serivizzi tal-Ilma mistennija li tagħmel xogħol fuq mains tal-ilma kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — provvista ta' bio diesel

Question

Nirreferi lill-Ministru għal sejħa għat-tenders li ħarget l-Korporazzjoni Enemalta għall-provvista tal-bio diesel għall-użu fil-qasam tal-motor transport bl-ispecifications MSA EN14214 li jkopri massimu ta’ 1.53m litru f’sitt konsenji ta’ 255,000 litru-il wieħed mhux prodott mill-iskart u r-residues, jew inkella b’massimu ta' 765,000 litru f’sitt konsenji prodott mill-iskart u r-residues tiegħu maqsum f’sitt konsenji ta' 127,500 litres u peress skont l-ispecs kellu jintuża European Union qualified fuel biss filwaqt li kellu jkun registered taħt ir-reach directive, jista' l-Ministru jispjega għaliex għalkemm dawk interessati li jissottomettu applikazzjoni għat-tender l-ewwel ingħataw x’jifhmu li kienu se jiġu infurmati fl-istess jum jekk kienux short listed jew le, fil-fatt spiċċaw qalulhom nhar il-Ġimgħa ta’ wara li ngħalaq it-tender li kellha tgħaddi ġimgħa oħra sakemm jiġu nfurmati? Jista' jikkonferma li l-kumpanija Edible Oils Co Ltd. minkejja li allegatament ġiet infurmata mill-Awtorità tar-Riżorsi ta' Malta li ma setgħux jinbidlu l-European Union Standards mitluba xorta waħda tefgħu applikazzjoni għat-tender? Jista' jikkonferma rapporti li fil-fatt dan it-tender x’aktarx se jiġi kkanċellat u li meta jinħareġ mill-ġdid jista' jkun hemm tibdil fl-ispecifications sabiex jakkomoda l-kumpanija konċernata? Jista' jikkonferma li jekk jinħareġ it-tender mill-ġdid il-Korporazzjoni Enemalta se tesiġi li bħal dak ta’ qabel se jkun skont EN14214 bħala European Union Standards?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta qiegħda tixtri l-Biodiesel biex tkun konformi man-normi l-ġodda Ewropej li sejrin jidħlu fis-seħħ fl-2011. Għal dan it-tender kien hemm ħafna interess, b’hekk min ried japplika seta’ jagħmel hekk. Il-Korporazzjoni tixtieq tinnota li l-Biodiesel jiġi magħmul minn żewġ sorsi, dak minn pjanti naturali jew minn żejt riċiklat. L-Ewropa tagħti l-opportunità li jekk jintuża Biodiesel minn żejt riċiklat il-volum neċessarju biex jilħaq il-kwota skont d-direttiva jista’ jkun bin-nofs. Waqt is-short listing il-prezzijiet offruti kienu proposti fuq formoli li riedu l-ħin u analiżi dettaljata biex il-prezz finali jkun ċar. Billi din kienet l-ewwel darba li l-Enemalta qed tixtri dan il-prodott b’dawn il-formoli, ġie deċiż li jsir analiżi b’aktar reqqa qabel ma jintgħażel l-irħas offerta. Billi t-tender għadu miftuħ l-Korporazzjoni ma tistax tagħti aktar informazzjoni f’dan l-istadju.

Ajruplan RJ's f'hangar fl-Ingilterra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 21909 u jgħid kemm kienet l-ispiża biex l-Air Malta żżomm l-ajruplani RJs f’hangar fl-Ingilterra u meta waqfet tagħmel dan il-ħlas? Kemm kienet l-ispiża biex iżżomm inġinier mal-ajruplani għal matul dan iż-żmien kollu? Għaliex l-ajruplani ma kenux inġiebu Malta minflok inżammu l-Ingilterra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva u mhux fl-interess tal-kumpanija li tipproduċi din l-informazzjoni.