Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – karigi u pożizzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-karigi u pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni inkluż ta' kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fid-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi fil-kariga u/jew pożizzjoni u x'inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi u/jew pożizzjonijiet rispettivi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Skejjel – Naxxar, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra – Preżenza tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux qed ikun hemm il-preżenza tal-Pulizija jew uffiċjali biex jikkontrallaw it-traffiku fil-ħinijiet tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal mill-iskola madwar l-iskejjel li hemm fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar (inkluż il-Qawra)? Jekk iva, jista’ jinforma lill-Kamra bil-ġranet u ħinijiet li fihom ikun hemm il-preżenza tal-pulizija jew uffiċjali għal kull skola fil-lokalitajiet imsemmija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata mitluba.
Attachments:PQ567_PAPERS LAID_Naxxar Mellieħa San Pawl il-Baħar Qawra Preżenza tal-Pulizija.pdf
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 230, jista' l-Ministru jgħid kemm mit-3,864 student bis-servizz ta' LSE huma fl-iskejjel primarji?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn 3,864 student bis-servizz ta’ LSE, 2,097 huma fl-iskejjel primarji.
Eżamijiet orali tal-MATSEC – studenti li kienu kwarantina minħabba l-COVID-19
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif se jkunu kkumpensati l-istudenti li kienu kwarantina minħabba l-COVID-19 waqt l-orali tal-MATSEC u li minħabba f'hekk ma għamlux l-oral u allura tilfu l-marki tal-oral?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżamijiet tal-orali f'numru ta' suġġetti bdew it-Tnejn 21 ta' Marzu u baqgħu għaddejin sal-Ħamis 28 ta' April. F'bosta suġġetti jkun hemm aktar min ġurnata waħda fejn kandidat jista jkun skedat għall-eżami tal-orali. Għaldaqstant ħafna mill-istudenti li nqabdu f'kwaratina mandatorja ngħataw appuntament għal ġurnata oħra. Kienu biss 14-il kandidat li ma setgħux jingħataw appuntament ieħor f' ġurnata oħra. Għal dawn il-kandidati l-MATSEC ser jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li dawn ma jiġux żvantaġġati.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28027 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jindika kemm kien hemm każijiet fejn għalliema kkonsultaw ma’ ġenituri ta’ tfal li jaħsbu li għandhom bżonn l-għajnuna tat-tabib minħabba problemi ta’ saħħa mentali f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, Kulleġġ San Tumas Moore, is-sala tħalliet ġebel u saqaf u ilha hekk f'din il-qagħda sentejn u nofs?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, Kulleġġ San Tumas More, għandhom jibdew fix-xhur li ġejjin wara li jingħalaq l-istadju ta’ evalwazzjoni tat-tender relattiv. Ix-xogħol kellu jieqaf għal ftit xhur wara li t-tender relattiv kellu jiġi ppubblikat diversi drabi minħabba nuqqas ta’ offerti konformi mas-sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 236 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24688 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhi r-raġuni li l-Iskejjel tal-Knisja ma jingħatawx fondi apposta biex ikun hemm security mal-iskejjel, filwaqt li jidher li l-iskejjel tal-Gvern jingħataw fondi għal dan?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qatt m’għadda l-ebda fondi lill-iskejjel tal-Istat fir-rigward ta’ xiri ta’ servizzi ta' security.
Kumpless Sportiv ta’ Tal-Qroqq – squash courts – xogħol ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-Squash Courts ġewwa l-Kumpless Sportiv ta’ Tal-Qroqq? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba dawn il-courts jitnaddfu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-courts tal-isquash għandhom manutenzjoni kontinwa u tindif ta' kuljum. Fil-fatt, preżentament hemm pubblikazzjoni ta' sejħa għall-kwotazzjonijiet għall-courts wieħed u tnejn biex jiġu rinnovati. Barra minn hekk f’courts tlieta u erbgħa ġiet installata arja kundizzjonta.
F’dawn il-courts it-tim nazzjonali jitħarreġ kuljum mingħajr ħlas waqt li l-pubbliku ġenerali jużawhom bi ħlas minimu.
Santa Luċija – Kulleġġ San Tumas More – xogħlijiet fuq il-gym u sala
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-gym u sala fl-iskola sekondarja, Kulleġġ San Tumas More ġewwa Santa Luċija u meta qed jistenna li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħolijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes fuq il-gym u sala fl-iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija, Kulleġġ San Tumas More, għandhom jibdew fix-xhur li ġejjin wara li jingħalaq l-istadju ta’ evalwazzjoni tat-tender relattiv. Ix-xogħolijiet huma mistennija li jitlestew fi Q2 2023.
Marsa – Kumpless Sportiv – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jispjega x'aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari dawk li jużaw ‘wheelchair’, ġew inkorporati fix-xogħlijiet ta' upgrade li saru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-upgrading tal-grawnd tal-Marsa Athletics huwa investiment ta’ €3 miljun f’uniformità sħiħa mal-permess tal-ippjanar u b’aċċessibbiltà sħiħa għall-aċċess għas-siġġijiet tar-roti. L-investiment se jkun qed jaġġorna l-faċilitajiet għal livell internazzjonali u se jintroduċi aċċessibbiltà għaż-żoni kollha meta dawn kienu neqsin għal snin sħaħ. Meta l-proġett ikun lest għal kollox l-utenti tas-siġġijiet tar-roti mhux biss ser ikollhom żoni magħżula iżda wkoll ser ikollhom aċċess sal-quċċata tal-istands.
Waqt l-Olimpjadi Speċjali, dawk kollha li jużaw is-siġġijiet tar-roti ġew akkomodati mal-korsa biex isegwu l-logħob.
Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Marsascala — xogħlijiet fuq skejjel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fl-iskejjel taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn? Fit-tnax il-xahar li ġejjin, għall-istess lokalitajiet, fejn hu maħsub li jsiru xogħlijiet? Għal kull każ, x’tip ta’ xogħol qed isir jew se jsir? Jista’ jgħid ukoll jekk minħabba dawn ix-xogħlijiet huwiex meħtieġ li l-istudenti jiġu rilokati? Jekk fl-affermattiv, mil-liema skejjel u fejn se jmorru?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-kamra dettalji dwar id-diversi xogħolijiet li qed isiru fl-iskejjel taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn kif ukoll dawk li ser ikunu qed isiru fit-tnax-il xahar li ġejjin.
Attachments:PQ533_PAPERS LAID_Żejtun, Mxlokk, Għaxaq u Mscala.pdf
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 157, jista' l-Ministru jwieġeb id-domanda oriġinali li kienet meta (xahar u sena) huwa ppjanat li x-xogħol fuq is-sala tal-iskola msemmija jitlesta?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Nistieden lill-Onor. interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 519
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema supply fl-iskejjel primarji li ilhom jagħtu servizz lill-Gvern aktar minn ħames snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor interpellant li għalliema supplementari li ilhom jagħtu servizz fl-iskejjel primarji tal-istat iktar minn ħames snin hemm 27 għalliem.
Dan it-tagħrif jgħodd għall-ministeru u d-dipartimenti ta dan l-istess Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema supply fl-iskejjel sekondarji li ilhom jagħtu servizz lill-Gvern aktar minn ħames snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor interpellant illi għalliema supplementari li ilhom jagħtu servizz fl-iskejjel sekondarja – inklużi dawk medja – tal-istat, iktar minn ħames snin, hemm 19 il-għalliem.
Dan it-tagħrif jgħodd għall-Ministeru u d-dipartimenti tal-istess Ministeru.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hemm studenti jsegwu l-kors tal-MTL fl-Università (part-time u/jew full-time fejn hu l-każ) f'dawn is-suġġetti:
a. Geography;
b. Ethics Education;
ċ. Home Economics;
d. Health and Social Care;
e. Textiles and Fashion;
f. Retailing;
ġ. Media Literacy;
g. Science;
għ. Computing;
h. PSCD;
ħ. PE;
j. Design and Technology;
k. Art; u
l. Hospitality?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tkun qed tingħata f'seduta oħra
Jista’ l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar Audit tal-Università min-naħa tal-MFHEA ta’ Malta u jippreżenta kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid meta huwa previst li jsir l-Audit mill-MFHEA li jmiss?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar audit tal-Università ta’ Malta mill-MFHEA sar f’April tal-2015. Dan l-audit qiegħed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Il-proċess tal-audit li jmiss ser jibda f’Settembru li gej.