Awtorità dwar it-Trasport — Speed limit fit-Triq tal-Barrani
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5243 u 5730 u jara li l-Awtorità dwar it-Trasport tagħmel speed limit wieħed fit-Triq tal-Barrani minħabba li hemm tabelli li qed juru limiti tas-sewqan differenti? Nista' nissuġġerixxi li l-limitu tas-sewqan f'din it-triq arterjali jkun bħal f'toroq oħra simili jiġifieri dak ta' 70 km/h?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta. Madankollu infakkar lill-Onor. Interpellant li l-limitu ta' veloċità jiġi stabbilit fuq il-bazi ta' kriterji xjentifiċi maħsuba l-ewwel għas-sigurtà u s-saħħa ta' min juża' t-triq. Infakkru wkoll li matul triq twila, il-karatteristiċi fiżiċi tat-triq u/jew l-użu tipiku tagħha jkunu jeħtieġu li l-limiti tal-veloċità jkun differenti f'porzjonijiet differenti tagħha. Jien infurmat li l-limitu wieħed suġġerit mill-Onor. Interpellant għat-triq imsemmija hu ogħla minn dak li hu teknikament rakkomandabbli u allura iżid il-periklu għal min juża' t-triq.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Porzjuncola - tarmac u servizzi
Question
Billi Triq Porzjunkola fil-Qawra, San Pawl il-Baħar hija okkupata minn numru kbir ta' residenti li ġew joqogħdu f'bini ġdid, jista' l-Ministru jieħu immedjatament il-passi neċessarji biex il-partijiet tagħha li għadhom mhux mogħtija t-tarmac, fil-fatt jinksew bit-tarmac u jsiru ukoll is-servizzu li għad fadal isiru?
Irċevejt ilmenti mingħand persuni b'diżabilità li għandhom reserved parking u li qed jilmentaw minħabba l-fatt li llum il-ġurnata dan ir-reserved parking m'għadux ikun bin-numru tal-vettura ta' min ikun applika, u allura kulmin għandu l-blue sticker jista' jipparkja f'dan il-parkeġġ, u b'dan allura min ikun applika u ottjena l-parkeġġ riservat ma jkollux fejn jipparkja għaliex ikun okkupat minn vettura oħra bil-blue sticker. Peress li din is-sitwazzjoni qed toħloq inkonvenjent kbir lil dawk il-persuni b'diżabilità li wara tant taħbit ikunu ottjenew dan il-parkeġġ, jista' l-Ministru jara jekk dan l-inkonvenjent jistax jiġi ndirizzat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li diġà sar ftehim bejn Transport Malta u l-Kummissjoni Persuni b’Diżabbilità li permezz tiegħu il-policy tal-Awtorità inbidlet fis-sens illi f’ċirkostanzi bħal dawk li qed tirreferi għalihom l-Onor Interpellant, meta jingħata reserved parking dan ikun jgħodd biss għall-persuni li jkun inħarrġilhom il-permess.
Jista' l-Ministru jgħid x'distanza jrid ikun hemm bejn hawker u l-eqreb stage tal-karozzi tal-linja, bejn hawker u l-eqreb stabbiliment kummerċjali u jekk hawker jistax jarma fuq white line?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7977, 7115, 6838 u 7364 u jgħid lokalità b'lokalità liema toroq residenzjali tlestew sa tmien l-2008 mill-programm ta' xogħol li kien tħabbar f'Awwissu 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 5600.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-Puniċi, f'Ħal Safi? Jista' jiddikjara jekk jaqbilx mal-mod bl-addoċċ li bih giet kostruwita hump bit-tarmac fil-bidu ta' din it-triq? X'se jsir biex l-affarijiet isiru kif suppost?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant mhix inkluża fil-lista ta' toroq li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fit-3 t'Ottubru 2006.
Fir-rigward tal-
hump
li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli InNterpellant, li ġiet ikkostruwita f’din it-triq, din saret mingħajr l-approvazzjoni meħtieġa u għaldaqstant Transport Malta ser tieħu l-passi biex tiġi rregolarizzata.
San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra — xogħlijiet fuq toroq
Question
Jista' l-Ministru jassigura li n-numru ta' toroq fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra li għadhom qatt ma saru, fil-fatt jinksew bit-tarmac, wara li jsiru s-servizzi neċessarji għaliex minbarra għar-residenti, dawn it-toroq qed ikunu ta' dannu kbir għall-industrija tat-turiżmu?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 6716.
Billi l-pelican lights fil-bypass tan-Naxxar qabel u wara r-roundabout li tieħu għall-Għargħur ilhom li ġew stallati xhur sħaħ u baqgħu ma nxtegħlux, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinxtegħlu? Meta hu mistenni li l-bypass kollha sas-Salina, fil-fatt tinxtegħel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pelican lights fil-bypass tan-Naxxar qabel u wara r-roundabout li tieħu għal Għargħur nxtegħlu.
Rigward il-bqija tal-bypass, l-Awtorità qed tipprepara proġett pilota ta' passive lighting għal din it-triq minflok id-dawl tradizzjonali. Qed isir xogħol preparattiv biex ikunu jistgħu joħorġu tenders.
Cottonera — Triq quddiem De La Salle College - xogħlijiet
Question
Peress li t-triq ta' quddiem De La Salle College, Cottonera tkun mgħarrqa kull meta tagħmel ix-xita, u peress li saru diversi mistoqsijiet dwar din il-problema, jista' l-Ministru jara li dan ix-xogħol isir issa li reġgħet ser tibda l-iskola u magħha jibda wkoll l-istaġun xitwi ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sabiex tissolva din il-problema sar xogħol ta' tindif u manutenzjoni fuq il-culverts li hemm fit-triq in kwestjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq ħerġin, jew ser joħorġu għalihom fil-futur qarib, tenders għall-kostruzzjoni tagħhom fis-7, 11 u 12-il distrett elettorali, raħal, raħal?
direzzjoni different għat-traffiku dieħel u ħiereġ mill-Mosta
Question
Jista' l-Ministru permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jieħu in konsiderazzjoni tal-proposta li ladarba fil-Mosta, Triq Indipendenza u Triq il-Kungress Ewkaristiku ġew reġistrati bħala toroq li fihom hemm ċertu livell ta' inkwinament tal-arja minħabba l-flow tat-traffiku, għal Novembru u Diċembru li ġej bi prova l-flow ta' traffiku fil-Mosta tinbidel b'mod li :
(i) t-traffiku li jkun dieħel fil-Mosta jibda dieħel minn Triq il-Kungress Ewkaristiku,
(ii) t-traffiku mill-pjazza ewlenija jibqa' joħroġ lejn in-Naxxar kif inhu fil-preżent sa Triq il-Kbira,
(iii) t-traffiku mill-Imġarr jidħol fil-Mosta minn Triq il-Kbira lejn Pjazza Rotunda kif inhi fil-preżent u
(iv) t-traffiku mill-pjazza lejn San Pawl il-Baħar u minn San Pawl il-Baħar lejn il-pjazza jibqa' kif inhu fil-preżent minn Triq il-Kostituzzjoni?
Din il-proposta qed nagħmilha bil-ħsieb li noffri possibilità alternattiva għat-traffic flow fil-preżent, bil-ħsieb li jonqos l-inkwinament f'dawn it-toroq. Din il-proposta qed issir bi prova għax-xhur ta' Novembru u Diċembru biex hekk ikun ikkalkolat x'bidla tkun qed issir kemm f'dak li hu inkwinament kif ukoll kummerċ.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dan is-suġġeriment kien diġà ġie diskuss u kkunsidrat fl-2008 u kien ġie deċiż li ma jsirx u wara li Transport Malta reġgħet ikkunsidrat il-proposta, ġie deċiż li ma jkunx għaqli li jsir it-tibdil propost.
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar fuq il-proġett tal-Port taċ-Ċirkewwa fl-2008 u din is-sena separatament u kemm kienet in-nefqa s’issa? X’jonqos isir fuq dan il-proġett? Meta hu mistenni li jibda u jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm hu stmat li se jiswa x-xogħol li jonqos isir? Fl-istess perjodu ħarġu xi offerti u/jew ingħataw xi kuntratti għax-xogħlijiet li jonqos isiru? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11229. B'żieda ma' dan, jien infurmat li matul l-2008 fuq il-proġett taċ-Ċirkewwa kien sar xogħol fuq żewġ tenders għax-xogħlijiet iżda wara ġew preparati disinji ġodda u għalhekk ġiet sottomessa applikazzjoni ġdida għand il-MEPA f’dan ir-rigward, li ġiet approvata f’Diċembru li għadda. Matul l-2009 saru xogħlijiet ta’ faċilitajiet bħal toroq, parking u bankini fiż-żona użata mill-għaddasa. Barra minn hekk, fl-2009 nħarġu ukoll numru ta’ sejħiet għall-offerti fosthom waħda għall-investigazzjonijiet u testijiet ġeotekniċi u li fuqhom diġà ngħata l-kuntratt. Sejħiet għall-offerti oħra jikkonċernaw xogħlijiet temporanji bi tħejjija għall-bidu tat-terminal l-ġdid din is-sena.
Jien infurmat ukoll li n-nefqa s’issa fuq il-proġett taċ-Ċirkewwa hija ta’ €18.6 miljun. Ix-xogħol li baqa jsir huwa stmat li jiswa € 12 miljun.
B'referenza għas-sitwazzjoni attwali fil-bypass tal-Imtarfa u ċioe d-dlam ċappa li hemm fil-parti mudlama ta' din il-bypass li tinsab għaddejja minn nofs l-irdum tal-Imtarfa, jista' l-Ministru jara li jinvestiga permezz tar-road safety officer kif jistgħu ikunu miżbugħin il-ġnub tal-bankini eċċ. sabiex jiġi evitat kull periklu possibbli għall-pedestrians li jużaw din il-bypass għar-rikreazzjoni tal-mixja tagħhom u għall-karozzi li jgħaddu minn hemm billi jkunu jistgħu jidentifikaw it-triq aħjar? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-entità responsabbli.
Jista l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern sabiex ikunu rranġati kemm it-triq kif ukoll il-bankina li minn Triq il-Mediterran f'Pembroke tagħti għall-faċilitajiet sportivi ta' Pembroke Athleta? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern sabiex fit-toroq ta' dawn l-inħawi li jagħtu għall-faċilitajiet sportivi ta' Pembroke Athleta jitwassal id-dawl elettriku minħabba li bħalissa meta jidlam ikun hemm dlam ċappa? Dan anke fid-dawl ta' attivitajiet li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin b'rabta mal-ftuħ uffiċjali tal-faċilitajiet sportivi ta' Pembroke Athleta.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat lix-xogħol ta' resurfacing fit-triq li tgħati għall-isports complex kif ukoll bankina ġdida li semma l-Onor Interpellant, sar. Infurmat ukoll li b'kordinazzjoni mal-Kunsill Lokali qed ikunu stallati arbli tad-dawl.
vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija — ksur ta' liġijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każi fejn vapuri reġistrati taħt il-bandiera Maltija ġew investigati minn awtoritajiet tal-port barranin u nstabu li qed jiksru konvenzjonijiet internazzjonali? Jekk fl-affermattiv, fejn instab li kien il-każ? X'passi ttieħdu mill-awtoritajiet Maltin kontra s-sidien/operaturi ta' dawn il-vapuri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bastimenti reġistrati taħt il-bandiera Maltija huma suġġetti għall-spezzjonijiet mill-Istat tal-Port meta dawn jidħlu f'portijiet barranin. Fl-2008, 181 bastiment Malti ngħataw detenzjoni wara li ġew spezzjonati mill-Istat tal-Port u ma tħallewx isalpaw sakemm kien assigurat li dawn kienu konformi ma' l-istandards internazzjonali. Dawn il-każijiet kienu f'diversi portijiet imxerrdin mad-dinja.
Barra minn hekk, Transport Malta ordnat spezzjonijiet ulterjuri fuq 175 bastiment wara li dawn ġew mogħtija detenzjoni f'xi port barrani. Dawn l-ispezzjonijiet isiru minn spetturi li huma mqabbda mill-awtoritajiet Maltin biex ikun assigurat li l-bastimenti huma konformi ma' l-istandards nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali. F'erba' każi oħra inħasset il-ħtieġa li jiġi ordnat audit addizzjonali fuq il-kumpanija biex ikun assigurat li l-kumpanija qegħda topera kif suppost.
Awtorità dwar it-Trasport — talbiet għal reserved parking spaces
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar it-Trasport għandhiex xi bord li jikkonsidra talbiet għal reserved parking spaces? Jekk iva, kemm għandu talbiet pendenti quddiemu dan il-bord? Meta saret l-aħħar laqgħa tal-bord? Kemm ġew approvati/rifjutati talbiet minn dawk li kien hemm pendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-fatt Transport Malta għandha żewġ bordijiet li jikkunsidraw talbiet għal spazji ta' parkeġġ riservsat. Wieħed jittratta speċifikament talbiet minn persuni b'diżabilità filwaqt li l-ieħor jittratta talbiet oħra li jridu jsiru mill-Kunsilli Lokali, għall-spazji ta' parkeġġ riservat. L-ewwel bord iltaqa' l-aħħar fit-18 ta' Novembru 2009 fejn ġew approvati 10 talbiet, 24 talba ġew miċħuda, filwaqt li 6 oħra ngħataw permess li jitħalla metru u nofs passaġġ. M'hemmx talbiet pendenti quddiem dan il-bord, però hemm 48 talbiet li qiegħdin fil-proċess ta' verifikazzjoni ta' dokumenti, li imbagħad jintbagħtu lit-tabib ta' Transport Malta biex issir il-vista medika, qabel ma jkunu lesti biex jiġu evalwati mill-bord.
Il-Bord li jevalwa talbiet mingħand kunsilli lokali ltaqa' l-aħħar fis-27 ta' Novembru 2009 u għad għandu pendenti 19-il talba għal spazji ta' parkeġġ riservat.
Awtorità dwar it-Trasport — twessiegħ tat-triq matul il-kosta tas-Salina
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm ilmenti li tressqu quddiem l-Awtorità dwar it-Trasport dwar il-proposti għat-twessiegħ tat-triq matul il-kosta tas-Salina minn St. Andrews sad-daħla ta' Buġibba mis-sidien tal-art affettwata?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li infakkar lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għall-iżvilupp li hemm quddiem il-MEPA għat-twessigħ tat-triq in kwistjoni jikkoncerna l-medda ta' triq mir-roundabout ta' Erba' Mwiezeb sa' ħdejn iċ-ċimiterju tal-Commonwealth. Ma daħal l-ebda lment fuq din il-medda ta' triq.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13005 u jgħid xahar b'xahar fl-aħħar sentejn kemm ġew ċelebrati żweġijiet reliġjużi klassifikati skont ir-riti reliġjużi differenti (nisrani, hindu, musulman eċċ.)? Fl-istess perjodu kemm kien hemm mixed marriages, jiġifieri fejn parti jkollha twemmin partikolari u parti oħra jkollha twemmin differenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-reġistru taż-żwiġijiet ma jiddistingwix iż-żwiġijiet skond it-twemmin reliġjuż tal-partijiet.