Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ftuħ tal-Ispecial Olympics — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender eċċ.)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Iż-Żejtun – Kindergarten – estensjoni

Question

Peress li f’din is-sena skolastika xi ġenituri esprimew il-bżonn li l-Kindergarten ġewwa ż-Żejtun tkun estiża, peress li skont dawn il-ġenituri l-iskola hija ffullata bit-tfal li jattendu f'din l-iskola, tant li fil-klassijiet qed ikunu numru ta' studenti konsiderevoli, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-iskola tiġi mkabbra/estiża biex tilqa’ għad-domanda li hemm u biex it-tfal li qed jattendu bħalissa jkunu mqassma f’aktar gruppi iżgħar? Jekk hemm dan il-ħsieb, jista’ jagħti aktar dettalji f’termini ta’ żmien meta dan se jibda jitwettaq?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent, l- ispazju provdut fl-iskola Primarja taż-Żejtun huwa adegwat għan-numru ta’ studenti li jattendu fl-istess skola. Għaldaqstant, filwaqt li l-Ministeru jibqa' dejjem kommess li jibqa' jħares is-sitwazzjoni mill-qrib, m’hemmx il-ħtieġa immedjata li din l-iskola tiġi estiża.

Foundation for Tomorrow’s School – inġiniera u periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm inġiniera u periti impjegati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada timpjega seba’ (7) periti u tlett (3) inġiniera.

Qawra – parkeġġ tal-iskola

Question

B’referenza għall-parkeġġ tal-iskola tal-Qawra, jista’ l-Ministru jinforma kif ser ikun qed jopera dan il-parkeġġ, il-ħinijiet, ġranet u xhur li fih ser ikun miftuħ għall-pubbliku u min ser ikun jista’ jipparkja f’dan il-parkeġġ? Ser jinħarġu permessi għar-residenti li jridu jużaw dan il-parkeġġ u jekk iva kif ser ikunu infurmat r-residenti u kif irid jagħmel wieħed biex japplika għal tali permess? Ser ikun hemm parti mill-parkeġġ riservat għar-residenti? Dan il-parkeġġ ser ikun bi ħlas u jekk iva x’rati ser ikunu qiegħdin jitħallsu? Ser ikun hemm CCTVs jew security?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jinsab għaddej b’diskussjonijiet mall-Kunsill Lokali sabiex jiffinalizza l-operat tal-parkeġġ.

Junior College — klassijiet preparatorji għall-O'Levels

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ser ikun qiegħed jgħallem il-klassijiet preparatorji fil-Junior College (bi preparazzjoni għall-O'Level) għal dawk l-istudenti li jidħlu fil-kulleġġ b'O'Levels neqsin minn fost il-Malti, il-Matematika u l-Ingliż - jekk hux il-letturi impjegati mill-Junior College jew jekk hux ser ikunu għalliema oħrajn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klassijiet preparatorji għal dawk l-istudenti li jkollhom xi SEC nieqes fil-Malti, fl-Ingliż jew fil-Matematika, fil-Junior College ser jiġu mgħallma minn għalliema każwali u mhux mill-letturi kurrentement impjegati mal-Kulleġġ.

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-investiment fl-atleti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2021 beda investiment dirett lejn l-għaxar għaqdiet sportivi li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil- Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023. Is-somma totali ta’ investiment bejn is-sena 2021 u s-sena 2023 hija stmata li se tammonta għal madwar €7 miljuni. Din l-għajnuna qiegħda tingħata’ permezz ta’ 1) Fondi – € 1.7M - direttament minn SportMalta lejn il-Kumitat Olimpiku Malti biex il-Kumitat Olimpiku Malti jassisti lill-għaxar għaqdiet sportivi. 2) Grants – €5M - diretti lejn l-għaxar għaqdiet sportivi mill-fondi provduta mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali; 3) Skema ta Assistenza diretta – €0.3M - ta’ SportMalta lejn 18-il atleta mis-settur Privat li se jieħdu sehem fil-logħob li għandhom impieg full-time.

MFA — għanjuna

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’għajnuna qed jagħti l-Ministeru lill-Malta Football Association (MFA) biex ittejjeb il-faċilitajiet tagħha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-preżent għandu ftehim mal-MFA li permezz tiegħu qed jgħin fil-bdil tal-uċuħ tal-pitches. Apparti dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu wkoll Ftehim ieħor mal-istess MFA li permezz ta’ inizjattivi varji qed jindirizza l-isfida tal-obesità fost it-tfal f’pajjiżna.

Sport Malta — assoċjazzjonijiet li gawdew minn skemi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm assoċjazzjonijiet gawdew minn skemi ta’ Sport Malta fl-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interepellanta li n-numru ta Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi li gawdew minn skemi ta' SportMalta fl-aħħar ħames snin huma kif ġej: Sena 2017: 79 Sena 2018: 74 Sena 2019: 91 Sena 2020: 126 Sena 2021: 98 F'kull sena, ingħatat għajnuna lill-Kumitat Olimpiku Malti, li l-istess Kumitat Olimpiku Malti qassam il-fondi ma’ diversi għaqdiet sportivi oħrajn. Fis-sena 2020, in-numru ta għaqdiet kien sostanzjalment iktar għaliex SportMalta ħarġet assistenzi ġodda ta' użu ta facilitajiet b'xejn u sussidju totali fuq il-ħlasijiet taċ-ċnus.

Ħal Far – proġett tat-trakka tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tat-trakka tal-karozzi f’Ħal Far u meta hu previst li jitlesta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-art ġiet identifikata u saru l-istudji preliminari kollha. SportMalta ffirmat ittra wkoll ta' impenn mal-MMF u l-pjanijiet issa huma ffinalizzati. Infakkar ukoll li diġà ġie allokat budget għall-istess proġett mill-Fond Socjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - librerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tkun lesta l-librerija tal-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) tinsab fl-istadju li tipprepara t-tenders neċessarji għal dan il-proġett.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - għamara nieqsa fi blokka nru 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx għamara nieqsa fil-blokka numru 5 tal-amministrazzjoni fl-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-għamara se tibda titqassam wara li saret sejħa pubblika għall-offerti u ġie ffirmat il-kuntratt.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - gym

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More, ikollha gym?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti għall-estensjoni u r-rinnovar tal-gym fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun qegħdin fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - tlestija ta' sala

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser titlesta s-sala fl-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti għall-estensjoni u r-rinnovar tas-sala fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun qegħdin fi stadju ta’ konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Kulleġġ St Thomas More — Skola Sekondarja taż-Żejtun - Tneħħija ta' mobile classrooms

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitneħħew il-mobile classrooms mill-Iskola Sekondarja ż-Żejtun, parti mill-Kulleġġ San Tumas More?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ mobile classrooms fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun kienu meħtieġa sakemm kienet qiegħda ssir l-espansjoni neċessarja fl-iskola bil-għan li takkomoda popolazzjoni dejjem tikber ta’ studenti. Ix-xogħlijiet fejn ġew estiżi numru ta’ blokki bħala parti mill-proġett ta’ rinnovar u estensjoni tal-istess skola ħolqu spazju adegwat u aktar komdu għall-istudenti tal-lokalità grazzi għal investiment ta’ €5 miljun. Issa li x-xogħlijiet kollha qed joqorbu lejn tmiemhom, numru ta' mobile classrooms se jkunu qed jitneħħew.

Junior College — ftehim kollettiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-ftehim kollettiv tal-Junior College?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-diskussjonijiet mal-Union maġġoritarja fir-rigward tal-ftheim kollettiv tal-Junior College jinsabu fi stadju avvanzat.

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 — investiment fl-infrastruttura

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’inhu l-investiment fl-infrastruttura għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-investiment fl-infrastruttura għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 huwa stmat li se jammonta għal madwar €37.34 miljun. Fost diversi interventi, dan l-investiment kien jinvolvi xogħol ta’ rinnovazzjoni ġewwa l-kumpless Sportiv tal-Kottonera li jinkludi wkoll l-Indoor Pool bi stima totali ta €17.1 miljun (incl. VAT); xogħol fil-kumpless sportiv tal-Marsa li jinkludi wkoll it-trakka tal-atleti, ċentru ġdid tal-isquash kif ukoll faċiltajiet oħra anċillari bi stima totali ta €17.35 miljun (incl. VAT) kif ukoll ċentru ġdid tat-Tennis ġewwa Pembroke bi stima ta €2.89 miljun (incl. VAT).

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru u/jew Segretarju Parlamentari jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar

Ir-Rabat Malta — Kulleġġ San Nikola - Skola Primarja B

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-rinovazzjoni tal-Iskola Primarja B, parti mlil-Kulleġġ San Nikola fir-Rabat Malta? Meta huwa ppjanat li jkun lest? Meta ser jidħlu l-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fl-Iskola Primarja B fir-Rabat, Malta, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Nikola, jinsab għaddej skont kif ppjanat bil-fażi ta’ kostruzzjoni mistennija tkun lesta fix-xhur li ġejjin. Wara din il-fażi jibdew ix-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes. Hu mistenni li din l-iskola tilqa’ l-ewwel studenti tagħha, fil-bidu tas-sena skolastika 2023-24

Marsaskala – Skola San Ġwakkin – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar jekk hemmx pjan li l-parkeġġ tal-iskola l-ġdida ta’ Marsaskala (l-iskola bl-isem San Ġwakkin) jinfetaħ sal-aħħar ta’ Mejju, 2022? Jekk iva, meta hi d-data li hemm ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ? Jekk le, meta hi d-data li hemm ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.