Legislature:
Category:
Reset
Active:

Cheque tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex anzjana armla, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qatt ma ħadet iċ-cheque tal-enerġija u meta marret l-Arms Ltd bagħtuha s-social service, is-social service bagħtuha t-Teżor u issa t-Tezor reġa' bagħatha l-Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Kumpanija — turn over

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ma tridx taqbeż turn over kumpanija biex ma tagħmilx audit?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Companies Act tagħti eżenzjoni mill-obbligu li kumpannija tagħmel audit tal-kontijiet tagħha meta dawk il-kumpanniji ma jeċċedux tnejn minn tlett kriterji li ġejjin: Balance Sheet total : €46588 Turnover : €93175 Numru ta’ impjegati : 2 Madankollu, nixtieq nikkjarifika illi din id-disposizzjoni tal-Companies Act hija bla ħsara għal dak li jistghu jipprovdu xi ligijiet oħra, bħal per ezempju l- Income Tax Act. Taħt l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income kull kumpannija hija obbligata tibgħat audited accounts mal-formola tat-taxxa, indipendentement mit- turnover tagħha.

Pensjonijiet, allowances u gratuities

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm kienu jammontaw il-pensjonijiet, allowances u gratuities li tħallsu lil persuni residenti f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 ‘l hawn taħt (i) l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap 93), (ii) taħt l-Att dwar i-Pulizija (Kap 164) u (iii) taħt l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta (Kap 220)? Jista’ jagħti n-numru ta’ benefiċjarji f’kull każ għall-aħħar sena?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Nefqa fuq l-interconnector

Question

Jista' l-Ministru jgħid, apparti min-nefqa kapitali fuq l-interconnector, il-gvern għamel xi studji dwar maintenance costs approssimattivi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa tal-operat u tal-maintenance costs tal-interconnector hija stmata li se tkun ta’ 1.5% tal-capital cost fis-sena. Din l-istima hija tipika għal interconnectors ta’ dan it-tip, u tkopri maintenance u inspections tat-terminal station u tal-cable, minbarra l-ispiża biex jopera l-cable.

Marsa Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-gvern biex tiġi decommissioned il-Marsa power station? Il-Gvern għamel stima tan-nefqa involuta? Dawn il-pjani jinkludu xi miżuri għat-tneħħija tal-asbestos qadim li hemm kif ukoll dwar id-disposal minnu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta qed taħdem biex, kif ippjanat, tipproċedi bl-egħluq tal-Power Station tal-Marsa. Fil-fatt, ġiet ippubblikata tender biex jibdew il-preparamenti għad-decommissioning ta’ din il-power sation. La darba dan il-proċess ta’ tendering jintemm u jiġu approvati u finalizzati dawn il-pjanijiet, ikun jista’ jsir il-budgeting tal-ispejjeż neċessarji. Tajjeb li nirrimarka li l-pjan in kwistjoni jinkludi l-proċessi kollha, inkluż dak imsemmi mill-Onor. Interpellant dwar it-tneħħija tal- asbestos .

Interconnector — costs

Question

Dwar l-interconnector, jista' l-Ministru jikkwantifika l-cost sabiex jutilizza l-HV infrastructure Taljan kif ukoll in-nefqa relatata mat-transmission losses li jistgħu jirriżultaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dawn il-costs huma suġġett tat-tariffi li jiġu rregolati mir-Regulatur Taljan tal-enerġija u jiddependu mid-distanza tal-provvista tal-elettriku mill-Interconnector kif ukoll mill-ammont tal-energija li tiġi trasmettita. Similarment il-losses huma dipendenti kemm fuq l-ammont ta’ enerġija li jiġu trasmetti u wkoll fuq it-temperatura tal-baħar.

Korporazzjoni Enemalta — Sistema ta' spettorat biex tiċċekkja d-dawl

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22400, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif taħdem is-sezzjoni tat-tiswijiet tal-bozoz li għandha l-Korporazzjoni Enemalta? Kemm għandha ħaddiema din is-sezzjoni u kif inhuma maqsuma skont id-distretti tal-istess korporazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bozzoz jiġu irraportati lis-sezzjoni tal-customer care mill-kunsilli lokali, mill-pubbliku u anke mill-pulizija u dawn jgħadduhom lis-sezzjoni tas-street lighting biex isiru t-tiswijiet meħtieġa. Meta il-kaġun tal-ħsara jkun ġej minn cable ta’ taħt l-art din tgħaddi lid-distrett ikkonċernat biex jagħmel it-tiswijiet meħtieġa. Is-sezzjoni tas- street lighting tikkonsisti minn supervisor u żewġ ħaddiema, iżda meta jinħass il-bżonn ħaddiema oħra mis-sezzjoni tal-emerġenza jassistu fix-xogħol ta’ tiswijiet .

Fidi ta' ċens

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21861, jista' l-Ministru jagħti target date għax mhux sewwa li din il-persuna tibqa' tħallas flus żejda kif jidher fid-dettalji li qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif diġà spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21861, sabiex ikun jista' jsir il-fidi taċ-ċens gravanti l-proprjeta' tal-persuna li d-dettalji dwarha ingħataw separatament, huwa meħtieġ li jsiru korrezzjonijiet fil-pjanti tar-reġistrazzjoni ta' numru ta' plots li huma fil-viċinanzi u minbarra x-xogħol min-naħa tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, huwa meħtieġ ukoll il-kunsens tas-sidien tal-plots tal-viċinanzi. Għal dan il-għan, peress li ma jiddependix biss mix-xogħol tat-tekniċi tad-dipartiment, minkejja li dawn qed jagħmlu ħilithom sabiex dawn ir-reġistrazzjonijiet jiġu rranġati kemm jista' jkun malajr, ma tistax tingħata target date meta se jkun jista’ jsir il-fidi taċ-ċens.

każ ta' post ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22094 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u tara l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li din kellha toħroġ minn post 18-il sena ilu, li kellu area kbira u apparti dan l-gvern ta l-post bil-kera u din il-kera għadha titħallas sal-lum, però llum jidher li l-gvern se joffri biss xi €14.000 għal dan il-post, meta din hija somma li llum lanqas garage ma tixtri biha?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-fondi tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, ġew dikjarati meħtieġa għall-skop pubbliku permezz ta’ Dikjarazzjoni Presidenzjali fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-10 t’April 1992. Il-prezz offrut ġie stmat skont il-provedimenti tal-Att li jirregola l-Akkwist ta’ Artijiet (għal Skopijiet Pubbliċi) tal-Kapitolu 88 tal-Liġijiet ta’ Malta. Dan il-prezz ġie offrut permezz ta’ Avviż ta’ Ftehim fis-sena 2001 u mhux illum. Dakinhar is-sidien tal-art ma qablux ma’ dak il-prezz u ikkontestawh kif għandhom dritt bil-liġi hawn fuq imsemmija. Sabiex jiġi stabbilit jekk il-prezz offrut huwiex baxx, trid issir kawża quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ. Dan il-Bord jista’ jiddeċiedi li l-prezz huwa baxx u jżiedu sa mhux aktar mill-prezz li s-sidien talbu meta ikkontestawh. Għall-fini tal-emendi li saru fil-Liġi fl-2002, il-fondi tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, reġgħu ġew dikjarati meħtieġa għall-skop pubbliku permezz ta’ Dikjarazzjoni Presidenzjali li dehret f’Gazzetta tal-Gvern oħra datata 6 t’Ottubru 2010. Fid-Dikjarazzjoni Presidenzjali li dehret f’din il-Gazzetta il-prezz imsemmi huwa dak li ġie offrut fis-sena 2001. L-iskop li l-proprjeta’ reġgħet ġiet dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku f’din il-Gazzetta huwa l-aktar għall-benefiċċju tas-sidien għax permezz ta’ hekk issa din il-proprjeta’ saret proprjeta’ tal-Gvern u b’hekk id-Dipartiment tal-Artijiet jkun jista’ jħallas lis-sidien bil-prezz offrut. Sadanittant, minkejja li s-sidien ikunu tħallsu, xorta waħda jistgħu jmorru quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ u jekk il-Bord jiffissa prezz aktar minn dak li kien tħallas, id-Dipartiment tal-Artijiet ikollu jħallas lis-sidien id-differenza u l-interessi skont il-Liġi.

Bejgħ ta' proprjetà immobbli f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex kull sena mill-2003 ‘l hawn? Jista’ jgħid kemm kien il-valur ta’ dawn il-kuntratti kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà sitwata f’Għawdex hija kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta — nefqa kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-Korporazzjoni Enemalta f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 sal-2010? Fiex kienet tikkonsisti n-nefqa f’Għawdex ta’ kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

WSC — nefqa kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 sal-2010? Fiex kienet tikkonsisti n-nefqa f’Għawdex ta’ kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għan-nefqa li saret f’Għawdex, l-Onor. Interpellant għandu jagħmel id-domanda lill-Ministeru ta’ Għawdex.

Kumpaniji reġsitrati — investiment barrani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji reġistrati f’Malta u f’Għawdex separatament li għandhom investiment barrani f’kull gżira għaliha? Kemm hu l-valur ta’ dan l-investiment barrani f’kull gżira għaliha? F’liema oqsma tal-ekonomija qed joperaw il-kumpaniji reġistrati f’Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni ma tinġabarx fil-mod kif mitluba fid-domanda. M’hemmx reġistri separati għal Malta u għal Ghawdex, imma Reġistru uniku kif tirrikjedi il-liġi. Minn informazzjoni miġbura mir-Reġistru tal-Kumpanniji, jirriżulta illi minn total ta’ madwar 34,000 kumpanija reġistrata u li huma effettivament fuq ir-Reġistru (cioè mhux xolti jew struck off) li minnhom huma 758 dawk li għandhom l-indirizz reġistrat tagħhom ġewwa Għawdex. Ir-Reġistru tal-Kumpannija ma jżommx data dwar liema attivitajiet iwettqu kumpanniji b’mod kollettiv imma wieħed ikun jista’ jfittex din l-informazzjoni fir-rigward ta’ kumpanniji b’mod individwali. L-istess jista’ jingħad dwar data ta’ kemm kumpanniji b’indirizz f’Għawdex jista’ jkollhom xi shareholding, anke minimu, li hu barrani.

nefqa attwali kapitali f’Għawdex mill-Fond Konsolidat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22022, 19884, 20553 u 21485 u jgħid kemm kienet in-nefqa attwali kapitali f’Għawdex mill-Fond Konsolidat u jgħid ukoll din in-nefqa kemm kienet bħala persentaġġ tan-nefqa kapitali kollha nazzjonali kull sena mill-istess Fond mill-2007 sal-2010? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont il-programm baġitarju tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tali informazzjoni li qed tintalab ma tirriflettix l-investiment li jgawdi il-poplu Għawdxi u dak Malti b’daqshekk distinzjoni, billi ċertu proġetti kapitali li jsiru Malta huma wkoll ta’ benefiċċju għall-Għawdxin. Madankollu t-tabella mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din ir-risposta qed tingħata wkoll għall-mistoqsijiet parlamentari numru 19884, 21485, 20553 u 22022.

Ħaddiema fis-settur privat — produzzjoni diretta u servizzi fis-suq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22569 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien in-numru totali ta’ ħaddiema fis-settur privat, fi produzzjoni diretta u f’servizzi tas-suq separatament, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Jista’ jagħti din l-informazzjoni kategorizzata skont in-NACE Code?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

Labour supply

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22568 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kienet il-labour supply, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Jista’ jgħid kemm minnhom, f’kull każ, kienu jaħdmu bi qligħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Misteru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16062.

Talba għall-voucher tal-elettriku

Question

Peress illi l-konjugi li dettalji tagħhom qed jintbagħtu seperatament li jgħixu flimkien maż-żewġt itfal maġġorenni tagħhom u li waħda minhom għamlet żmien reġistrata bħala single mother matul is-sena 2009, biss mill-24 ta' Settembru 2009 'il quddiem bdiet taħdem bħala għalliema u m'għadhiex iktar fuq l-għajnuna soċjali u li fis-sena 2009 din irċeviet total ta' mhux iktar minn €40 bħala benefiċċju tal-enerġija u la din u lanqas il-ġenituri tagħha ma rċevew l-allowance ta' €155 li jirċievu dawk li mhumiex fuq l-għajnuna soċjali (kalkolu fuq ħames persuni) u minkejja li sar rapport anke lid-Dipartiment tal-Għajnuna Soċjali f'dan is-sens biex dawn jieħdu l-allowance li rċieva kulħadd, dawn sal-lum ma rċevew xejn, jista' l-Ministru jara l-każ tagħhom biex dawn jirċievu l-allowance ta' €155 skont kif ħaqqhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nħareġ ċekk nhar il-2 ta’ Diċembru 2010 għall-valur ta €105, fuq tliet persuni. Skond l-informazzjoni mgħotija mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali, f’din ir-residenza hemm ħames persuni residenti, iżda tnejn minn dawn jaqgħu taħt il-każijiet soċjali u għal din ir-raġuni, iċ-ċekk inħareġ fuq tliet persuni biss.

Kumpanija abbażi ta' teknoloġija u appart teknoloġiku — ċifra ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru tal-Finanzi jrid jgħaddi lill-kuntratturi/kumpaniji abbażi ta' teknoloġija u apparat teknoloġiku?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22039.