Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST – Vakanzi fil-gradi ta’ Director u Deputy Director

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-vacancy forms kollha li ġew approvati mis-Segretarju Permanenti għall-gradi ta' Director u ta' Deputy Director fl-MCAST minn Ġunju 2018 sa Mejju 2022?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

MCAST — Vakanzi fil-gradi ta’ Director u Deputy Director

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tar-requirements għall-gradi ta' Director u Deputy Director għall-vacancies kollha li ħarġu għal dawn il-gradi minn Ġunju 2018 sa Mejju 2022? Xi kwalifiki kellha kull persuna li ġiet magħżula għal kull vacancy li ħarġet minn Ġunju 2018 sa Mejju 2022 għall-gradi ta' Director u Deputy Director?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Infermiera gradwati mill-MCAST

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il infermier iggradwa mill-kors offrut fis-settur mill-MCAST wara li ntlaħaq qbil mal-Università ta’ Northumbria? Kemm minnhom illum qed jaħdmu fis-settur pubbliku? Kemm hi n-nefqa ta’ dan il-kors fis-sena u kif inhi maqsuma l-ispiża?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ infermiera gradwati mill-kors offrut fis-settur mill-MCAST wara l-ftehim milħuq mal-Università ta’ Northumbria hu kif elenkat: Sena akkademika 2019/2020 - 18-il gradwat Sena akkademika 2020/2021 - 20 gradwat Il-pagament lill-Università ta’ Northumbria fis-sena 2021 laħaq is-somma ta’ Euro 256,018.01. Il-qbil eżistenti bejn iż-żewġ entitajiet jesiġi pagament ta’ 2500 Sterlina fis-sena għal kull student reġistrat. Dawn l-ispejjeż ikopru: 1. Taħriġ u superviżjoni tal-letturi tal-MCAST li jgħallmu fil-BSc Nursing minn letturi tal-Università ta’ Northumbria fuq bażi kontinwa. 2. Aċċess għal materjal didattiku għall-istudenti u li huwa aċċessibbli biss għal studenti tal-Università ta’ Northumbria. 3. Aċċess għal-librerija ta’ kotba, dokumenti u videos tal-Università ta’ Northumbria, għall-istudenti u l-letturi tal-MCAST. 4. Aċċess għal software speċjalizzat liċenzjat, għall-istudenti u l-letturi, u li għalih l-MCAST ma jħallas l-ebda liċenzja. 5. Aċċess għall-programm akkademiku tal-BSc Nursing offrut mill-Universita’ ta’ Northumbria b’adattamenti għall-kuntest Malti. 6. External examiners biex jivverifikaw ir-riżultati tal-istudenti fl-aħħar ta’ kull sena akkademika. 7. Immaniġġjar tas-sistema interna tal-kwalita’ tal-Università ta’ Northumbria f’dak kollu li għandu x’jaqsam mad-delivery tal-BSc Nursing fl-MCAST.

Sessjonijiet ta' Aqra Miegħi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sessjonijiet tal-qari bil-Malti tat-tfal bejn is-snin 0-3, magħrufa bħala 'Aqra Miegħi', baqgħu ma bdewx f’kull lokalità kif kien isir qabel, issa ladarba ma għadx hemm ir-restrizzjonijiet tal-COVID-19? Jista’ jgħid f’liema lokalità kienu jsiru qabel il-pandemija (sena 2019) u fejn qed isiru illum (sena 2022)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sessjonijiet ta’ ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ reġgħu bdew isiru fiżikament fi Frar tal-2022 wara assenza ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija COVID-19. F’Diċembru 2019 il-programm ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ kien qed isir f’59 lokalità jiġifieri f’Ħ’Attard, il-Baħrija, Birkirkara, Birżebbuġa, Ħad-Dingli, il-Fgura, il-Furjana, il-Gudja, Għajnsielem, l-Għarb, il-Għargħur, l-Għasri, Ħal Għaxaq, il-Gżira, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ta’ Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, il-Marsa, Marsascala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imqabba, l-Imsida, l-Imtarfa, il-Munxar, in-Nadur, in-Naxxar, Paola, Pembroke, il-Qala, il-Qawra, Ħal Qormi, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi, San Ġwann, San Lawrenz, Ta’ Sannat, Santa Luċija, l-Isla, is-Siġġiewi, Tas-Sliema, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, is-Swieqi, Ħal Tarxien, il-Belt, il-Birgu, ix-Xagħra, ix-Xewkija, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żejtun u ż-Żurrieq. Preżentement, f’Ġunju 2022, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qed toffri l-programm f’37 lokalità. Dawn huma Ħ’Attard, Birkirkara, Ħad-Dingli, il-Fgura, il-Gudja, Għajnsielem, l-Għarb, il-Għargħur, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, l-Iklin, il-Kalkara, Ta’ Kerċem, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Marsascala, il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, l-Imtarfa, il-Munxar, in-Nadur, in-Naxxar, Pembroke, il-Qala, il-Qawra, il-Qrendi, Ħal Safi, San Ġwann, Ta’ Sannat, Santa Luċija, is-Siġġiewi, is-Swieqi, Ħal Tarxien, il-Birgu, Ħaż-Żabbar, u ż-Żejtun. L-Aġenzija beħsiebha jkollha l-programm jopera f’kull lokalità (kunsill lokali) ta’ Malta u Għawdex biex hekk tkun tista’ tilħaq l-akbar firxa ta’ familji possibbli. Ma kienx possibbli li s-sessjonijiet jibdew f’kull lokalità mal-ewwel peress li jridu jiżdiedu u jitħarrġu l-animaturi, u f’xi lokalitajiet l-Aġenzija għadha ma sabitx post xieraq għall-istess sessjonijiet. Waqt il-pandemija u sal-lum, Ġunju 2022, is-sessjonijiet ta’ ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ għadhom qed isiru wkoll online erba' darbiet kuljum, ħaġa li qabel il-pandemija ma kinitx issir.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 296 u jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-14 ta’ Mejju 2022, l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iz-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ma talab l-ebda servizz ta konsulenzi.

Skejjel – klassijiet b’sistema ta’ arja kkondizzjonata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klassijiet, (mhux mobile classrooms), Kulleġġ Kulleġġ, u kemm hemm klassijiet ukoll, Kulleġġ Kulleġġ, li għandhom sistema ta' arja kkondizzjonata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Skejjel – Learning class assistant

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inizjattiva ta' learning class assistant introdotta fis-snin li għaddew, fis-snin bikrin, hijiex se titkompla matul is-sena skolastika li jmiss u tiġi introdotta fit-tieni sena tal-primarja?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2022-2023 se titkompla l-inizjattiva tal-LSEs b’doveri ta’ sapport għall-klassi u se tiġi introdotta fit-tieni sena tal-primarja skont il-ftehim settorali.

Statementing Moderating Panel Board — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet li dehru quddiem l-iStatementing Panel Board minn Jannar sal-15 ta' Mejju, 2022? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ġew irrifjutati u għaliex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li bejn Jannar u l-15 ta' Mejju 2022 dehru quddiem l-Istatementing Panel total ta' 261 applikazzjoni u minn dawn l-ebda każ ma ġie rrifjutat.

Kulleġġ Santa Tereża Mrieħel – sala tal-iskola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sala ewlenija tal-iskola tal-Imrieħel (Kulleġġ Santa Tereża) hijiex se tkun disponibbli għall-istudenti mis-sena skolastika li jmiss?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru taħditiet mal-Ministeru tas-Saħħa sabiex tkun evalwata l-possibbiltà li s-swali li bħalissa qed jintużaw għall-ħażna ta’ materjal mediku jkunu żgumbrati biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jintużaw mill-iskejjel.

Kulleġġ Santa Tereża Mrieħel – gym tal-iskola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gym tal-iskola tal-Imrieħel (Kulleġġ Santa Tereża) huwiex se jkun qed jiġi rinnovat bil-lest għas-sena skolastika li jmiss?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li ninformah li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad ukoll li fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Skejjel tal-Istat — taħriġ lill-għalliema fuq mental first aid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir taħriġ tal-Mental Health First Aid lill-għalliema fl-iskejjel tal-istat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 1004, ngħarrfu wkoll li t-taħriġ dwar il-mental first aid fost l-edukaturi fl-iskejjel tal-istat huwa wieħed kontinwu.

Skola Primarja tal-Imsida — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kienu wieqfa x-xogħlijiet fuq l-Iskola Primarja tal-Imsida bejn Awwissu 2021 u Mejju 2022?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet kienu temporanjament sospiżi biex, fost oħrajn, jitlestew il-pjanti għall-estensjoni tal-parkeġġ, li se jiżdied minn 80 għal 160 spazju.

Skola Primarja tal-Imsida — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħlijiet fuq l-Iskola Primarja tal-Imsida għadhom ma tlestewx minkejja li ilhom li bdew?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mexjin skont pjan maqbul biex l-iskola tinfetaħ matul is-sena skolastika 2023-2024.

Skola Primarja tal-Imsida — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa antiċipat li jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-Iskola Primarja tal-Imsida?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Primarja l-ġdida fl-Imsida hi mistennija li tinfetaħ matul is-sena skolastika 2023-2024.

Skola Primarja tal-Imsida — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien antiċipat li jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-Iskola Primarja tal-Imsida?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħljiet fuq l-Iskola Primarja l-ġdida fl-Imsida kienu antiċipati li jitlestew matul is-sena skolastika 2023-2024.

Skejjel tal-istat — frames

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 504, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-iskejjel tal-Istat ikollhom numru ta’ frames li jistgħu jintużaw mill-iskejjel skont il-bżonn, biex b’hekk tifel jew tifla tħalli l-frame personali tagħha d-dar, titla’ t-trasport ma’ tfal oħra u mbagħad issib il-frame l-iskola meta tasal? B’hekk dawn it-tfal ikunu jistgħu jkomplu ma’ tfal oħra mingħajr ma jkollhom bżonn ta’ trasport speċjalizzat.

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-frames huma rakkomandati minn fiżjoterapista skont id-diffikultajiet u l-istatura fiżika tal-istudenti, fost affarijiet oħra. Jeżistu frames ta’ qisien u struttura differenti skont il-ħtieġa personalizzata.

Skejjel – Servizz ta’ Learning Support Educators biex jassistu lil persuni b’diżabilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 505, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, peress li persuni b’diżabiltà fiżika jista’ jkollhom abbilitajiet intellettwali ta’ livell għoli u allura l-edukazzjoni tagħhom tibqa’ anke sejra f’livelli post-sekondarji u terzjarji, jista’ l-Ministru jgħid x’qed jiġri f’dawn il-livelli? Jista’ jgħid jekk ikunx hemm persuni bħal Learning Support Educators li jgħinu lil dawn il-persuni f’dawn il-livelli wkoll?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Higher Secondary għandna żewġ (2) Learning Support Educators u fil-GEM 16+ għandna sitt (6) Learning Support Educators. Dawn jassistu l-istudenti fil-ħtiġijiet akkademiċi. Min-naħa tagħha, l-Università ta’ Malta tappoġġja ħafna lill-istudenti permezz tal-ACCESS Disability Support Unit (ADSU). Il-persuni b’diżabbiltà severa jingħataw is-sapport biex japplikaw għal Personal Assistant (PA), servizz offrut mill-Aġenzija Sapport. Hemm ftehim bejn iż-żewġ entitajiet li meta ssir applikazzjoni minn studenti universitarji li għandhom diżabbiltà, din tingħata prijorità. Il-korsijiet offruti mill-MCAST, huma miftuħa għall-istudenti prospettivi kollha. Persuni b’diżabilità, jiġu offruti gwida fl-għażla tal-kors tagħhom sabiex l-istudenti jkunu konxji tal-ħiliet li huma mistennija jilħqu sa tmiem il-kors. Dan is-sapport jingħata kemm qabel l-istudenti jissottomettu l-ewwel applikazzjoni tagħhom kif ukoll fit-tranżizzjoni minn livell għal ieħor. L-Inclusive Education Unit (IEU) fl-MCAST joffri wkoll diversi servizzi ta’ sapport lil dawn l-istudenti sabiex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom fit-tagħlim fid-diversi livelli tal-Kulleġġ.

Wied il-Għajn – parkeġġi mir-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitħalla li jsir parkeġġ fl-iskola l-ġdida ta’ Wied il-Għajn mir-residenti fil-ħinijiet ta’ filgħaxija minħabba l-problema ta’ parkeġġ li hemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ghall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazjoni jinsab għaddej b’taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala.

Marsaskala – Skola San Ġwakkin – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 663 u jagħti informazzjoni dwar jekk hemmx pjan li l-parkeġġ tal-iskola l-ġdida ta’ Marsaskala (l-iskola bl-isem San Ġwakkin) jinfetaħ sal-aħħar ta’ Mejju, 2022? Jekk iva, meta hi d-data li hemm ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ? Jekk le, meta hi d-data li hemm ħsieb li fiha dan il-parkeġġ jinfetaħ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi bħalissa l-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni għaddej b’taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala sabiex ikun hemm ftehim iffirmat fuq il-parkeġġ imsemmi.