Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qari ta’ kotba fl-iskejjel primarji u sekondarji

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’miżuri ser jittieħdu sabiex ikun hemm iktar qari ta’ kotba fl-iskejjel primarji u sekondarji ta’ pajjiżna? Jista’ jindika x’talbiet hemm lil-Libreriji Pubbliċi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni dwar il-kotba li għandhom jiġu mixtrija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xiri tal-kotba tal-qari għas-snin tal-Primarja u għas-snin tas-Sekondarja se jibqa' jsir darba fis-sena mill-Ministeru wara eżercizzju kollaborrattiv bejn l-Uffiċċjali Edukattivi tal-lingwi kollha, il-Kapijiet tad-Dipartimenti tal-lingwi rispettivi u l- għalliema. Dan sabiex ikun assigurat il-livell mistħoqq u l-kwalita' ta' pubblikazzjoni. Apparti dan, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tissokta bil-ħidma tagħha, bħal fis-snin li għaddew, biex l-istudenti tal-iskejjel primarji, medji u sekondarji jaqraw aktar kotba bil-Malti, l-Ingliż u b’lingwi oħra. Fost oħrajn, fis-sena skolastika li jmiss, se jkunu qed jitħaddmu dawn il-programmi u inizjattivi: 1. ‘Seħer l-Istejjer/ The Magic of Stories’ , programm ta’ qari għall-gost b’xejn bil-Malti u l-Ingliż għal tfal ta’ bejn 4 u 7 snin ul-ġenituri/kustodji/nanniet tagħhom fi skejjel, libreriji, spazji pubbliċi u kunsilli lokali; 2. ‘Gost il-Qari/ The Pleasure of Stories’ , programm ta’ qari għall-gost b’xejn bil-Malti u l-Ingliż għal tfal ta’ bejn 7 snin u 11-il sena fi skejjel, libreriji, spazji pubbliċi u kunsilli lokali; 3. ‘L-Ambaxxaturi tal-Qari/ Reading Ambassadors’ , programm fejn awturi, kantanti, ġurnalisti, kittieba, sportivi u personalitajiet oħra Maltin iżuru klassijiet tat-tfal tal-primarja u s-sekondarja, u magħhom jaqraw ktieb u ssir diskussjoni dwaru; 4. ‘Aqra kemm tiflaħ/ Enriching Classroom Libraries’ , investiment qawwi fil-libreriji tal-klassijiet permezz ta’ għotja ta’ mitt ktieb lil kull klassi (50 bil-Malti u 50 bl-Ingliż), fittizji u fattwali kif ukoll riżorsi diġitali u stampati li jmorru magħhom; 5. ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/ Footballers’ Read and Write Programme’ , programm li jinqeda bin-namra għall-futbol biex iħeġġeġ il-ħajra għall-qari; 6. ‘Naqra Teatru’, proġett pilota li jlaqqa’ lit-tfal li jħobbu jirreċtaw mal-qari u l-kitba, permezz tar-reċti u d-drama; 7. ‘Aqra d-Dar/ Read at Home’ , servizz ta’ librerija mobbli, fejn it-tfal/ġenituri mill-Kinder sal-aħħar tas-sekondarja jordnaw il-kotba online biex jissellfuhom u l-kotba jitteħdulhom b’xejn f’darhom; 8. ‘ Il-Kampanja Aqra fis-Sajf/ Summer Reading Campaign’ - bejn Lulju u Settembru, mill-2014 lil hawn l-Aġenzija organizzat sessjonijiet ta’ qari għall-gost waqt Skolasajf tal-FES u l-Catch-up programme; 9. ‘Il-Ġenituri l-Ewwel Għalliema/ Parents the First Teachers’ , kors ta’ 5 sessjonijiet fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-litteriżmu fit-trabi sa 3 snin; 10. ‘Brillantini tal-Kitba u tal-Qari/ Reading and Writing Stars’ , inizjattivi li bis-saħħa tagħhom tfal li jħobbu jaqraw jew jinqalgħu għall-kitba jiġu ppremjati b’vawċers, kotba u attivitajiet speċjali fosthom Xalata ta’ Kitba; 11. ‘Librerija f’kull Dar/ Home Libraries’ , skema li permezz tagħha familji vulnerabbli jingħataw kotba u riżorsi biex jarmaw librerija f’darhom; 12. ‘Bis-Sehem tagħkom’, skema fejn l-Aġenzija tidħol bi sħab ma’ pubblikaturi lokali biex jinħolqu riżorsi meħtieġa u innovattivi bħal logħob edukattiv bil-Malti, għat-tagħlim tal-qari u l-kitba bil-Malti; 13. ‘Il-Qaritona Nazzjonali/ National Readathon’ – kampanja organizzata flimkien mal-Malta Trust Foundation bil-għan li żżid il-qari fost it-tfal u fl-istess ħin jinġabru fondi f’forma ta’ maratona tal-qari għax-xiri ta’ riżorsi għal tfal bi bżonnijiet speċjali; 14. ‘Libreriji fil-Komunità/ Open Libraries’ , tqassim ta’ kotba użati f’postijiet pubbliċi, fosthom ġonna pubbliċi u parks; 15. Organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet bħall-‘Promoturi tal-Qari/ Reading Champions ’ u tal-‘Jum Dinji tal-Kotba/ World Book Day’ fejn l-istudenti ta’ abiltajiet differenti u l-iskejjel jiġu ppremjati tal-ħidma tagħhom biex jippromwovu l-qari.

Childcare Centres – rapport fuq il-progress tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri tat-tfal li jattendu ċ-Childcare Centres kollha li hawn f’pajjiżna jingħatawx rapport iddettaljat dwar il-progress li t-tfal tagħhom ikunu għamlu tul iż-żmien li jkunu attendew fiċ-ċentri? Fiex jikkonsisti dan ir-rapport?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond Taqsima 2 (Il-Kwalita tat-tagħlim u l-ħarsien tat-Tfal) Standard 2.6, Indikatur 3 (paġna 28) kif elenkat fl-iStandards Nazzjonali għas-servizz tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-tfal fis-snin bikrin li qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-edukaturi tal-ECEC (Early Childhood Education and Care) għandhom jaqsmu u jiddiskutu b’mod regolari mal-ġenituri individwali l-progress tat-tagħlim u l-iżvilupp olistiku tat-tfal. Dan jiġi iċċekjat minn uffiċjali edukattivi waqt visti esterni li isiru fiċ-ċentri b’mod regolari. Ir-rapporti li jingħataw jikkonsistu ġeneralment fil-miri li għandhom x’jaqsmu mas-snin bikrin u kif iċ-ċentru qed iwassal biex jintlaħqu dawn il-miri. Fl-aħħar snin iċ-ċentri qed isegwu wkoll ‘Learning Outcomes for the Early Years’ biex jiġu żviluppati dawn ir-rapporti fuq il-progress tat-tfal.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.

Skejjel – Kindergarten Assistants, għalliema u Learning Support Educators

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkunu meħtieġa Kindergarten Assistants, għalliema u Learning Support Educators, skola skola u suġġett suġġett, fejn applikabbli, fil-Kulleġġi rispettivi fl-iskejjel kollha tal-Kindergarten, Primarji, Middle Schools u Sekondarji biex ikun hemm full complement? Kemm mistenni jkun hemm Kindergarten Assistants, għalliema u Learning Support Educators, skola skola u suġġett suġġett, fejn applikabbli, fil-Kulleġġi rispettivi fl-iskejjel kollha tal-Kindergarten, Primarji, Middle Schools u Sekondarji nieqsa biex jintlaħaq il-full complement, bħalissa u fil-bidu tas-sena skolastika 2022/2023?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qed jaħdem sabiex jintlaħaq il-full complement tal-għalliema li hemm bżonn fl-iskejjel kollha, fis-suġġetti kollha għas-sena skolastika li jmiss. Ninfurmah ukoll li fl-iskejjel medji u sekondarji hemm għalliema li jgħallmu aktar minn suġġett wieħed u hemm ukoll għalliema li jgħallmu f’aktar minn skola waħda wkoll. In-numru ta’ Learning Support Educators u ta’ Kindergarten Educators jiddependi fuq in-numru ta’ studenti rreġistrati u n-numru ta’ studenti bi statement of needs u dawn iż-żewġ proċessi għadhom għaddejjin. L-istess japplika fil-proċess tal-ingaġġ t’għalliema ġodda.

Gżira – Skola Post-Sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li parti mill-binja tal-iskola Post Sekondarja, fil-Gżira, fejn isir il-Programm Edukattiv GEM16+, (Programm Edukattiv elenkat fl-aħħar Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, wegħda nru 281), hix se tittieħed għal skopijiet li jaf bihom id-Dipartiment? Għalfejn intgħażlet din il-binja biex taqdi funzjonijiet oħrajn tad-dipartiment a detriment tal-istess programm? Jista' jgħid jekk dan kienx tentattiv maħsub minn qabel, biex il-Programm li twaqqaf minn Gvern Laburista stess fi żmien il-Ministru Evarist Bartolo, issa jingħata daqqa 'l isfel u eventwalment jasal biex jagħlaq il-bibien tiegħu? Jista' jgħid jekk sitwazzjonijiet bħal dawn humiex qegħdin jgħinu lill-għalliema tagħna biex jaħdmu u jħarsu b'viżjoni għall-futur bi pjan għal uliedna jew jekk humiex qegħdin iżommu lura aktar persuni milli jidħlu bħala għalliema u LSEs fis-settur edukattiv?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-programmi kollha li joffri, inkluż dak tal-ĠEM16+ u ċertament ma hemm l-ebda tentattiv sabiex dan jingħalaq.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Skola tal-Ħandaq – units tal-ACs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-units tal-ACs li se jitwaħħlu fl-Iskola tal-Ħandaq inxtrawx diġà jew le? Jekk inxtraw, jista' jgħid kif inxtraw, jekk hux b'tender jew b’direct order? Jekk ma nxtrawx, jista’ jgħid kif se jinxtraw jekk hux b'tender jew b’direct order? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tat-tender jew tad-direct order jekk dawn inxtraw diġà?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-AC units li se jkunu installati fil-Middle School u fis-Senior School tal-Kulleġġ San Injazju f’Ħal Qormi (żona Tal-Ħandaq) se jinxtraw b’sejħa għall-offerti (tender). Id-dokument tat-tender għadu qed ikun preparat u għandu jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Wied il-Għajn – parkeġġi mir-residenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1179, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkunu konklużi t-taħdidiet li ssemmew fit-tweġiba, ħalli r-residenti li joqogħdu fil-madwar tal-iskola l-ġdida ġewwa Wied il-Għajn ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-parkeġġ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħdidiet mal-Kunsill Lokali ta' Marsaskala waslu fil-fażi finali u dawn mistennija jkunu konklużi fiż-żmien li ġej.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub huwa skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — ħlasijiet lil ditta legali

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ħlasijiet kollha li saru mill-Ministeru tiegħu lil ditta legali, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, wara l-1 ta’ Mejju, 2013 u sal-lum, bid-data rispettiva?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-ditta legali, li qed issir referenza għaliha, kellha kuntratt bejn Mejju tal-2015 u Novembru tal-2019 biex toffri s-servizzi professjonali tagħha lil dan il-Ministeru u li għalih tħallset medja ta’ €1,971 kull xahar VAT eskluża.

Supply teachers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema Supply li għandhom kuntratt jiġġedded sena b'sena, fil-primarja, fil-medja u fis-sekondarja fl-iskejjel kollha tal-Istat sa tmiem din is-sena skolastika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm mija u għoxrin (120) għalliema supply fil-primarja tal-Istat, tnejn u erbgħin (42) għalliema supply fl-iskejjel medji tal-Istat u mija u tnax (112)-il għalliema supply fl-iskejjel sekondarji tal-Istat li għandhom kuntratt jiġġedded sena b’sena.

Għawdex: Rabat – skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tkun lesta l-Iskola Primarja tar-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid din l-iskola kemm se tkun tiflaħ studenti? Jista' jgħid din l-iskola l-ġdida, kemm-il parkeġġ se jkollha magħha u kemm jieħu karozzi kull parkeġġ li qed isir ma’ din l-iskola l-ġdida fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola Primarja fir-Rabat, Għawdex, se tkun lesta għas-sena skolastika 2023-2024. Din l-iskola se tkun qiegħda tista tilqa’ fiha madwar 500 student. L-edukaturi u l-ħaddiema tal-iskola se jkunu jistgħu jużaw il-parkeġġ eżistenti li hemm biswit l-iskola.

Korsijiet ta’ Veterinary Sciences – għoti ta’ boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw boroż ta’ studju lil studenti biex isegwu korsijiet ta’ Veterinary Sciences f’pajjiżi barranin f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta bdiet l-iskema fl-2020 ingħataw ħamsa u erbgħin (45) borża ta studju għall-korsijiet ta’ Veterinarji

Edukaturi u LSEs- taħriġ lill-għalliema fuq mental first aid

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1008, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm edukaturi b'kollox fil-qasam tal-edukazzjoni u kemm minnhom għamlu dan il-kors tal-Mental Health First Aid? Jista' jagħti din l-informazzjoni wkoll fir-rigward tal-LSEs?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 4574 edukatur (Kapijiet ta’ Dipartiment, Għalliema, Supply Teachers u Kindergarten educators) impjegati mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, kif ukoll 2586 LSEs. 45 Uffiċjal għamlu il-kors tal-Mental Health First Aid. Dawn kienu jinkludu 6 Uffiċċjali Edukattivi, 13 HoDs, 6 Kapijiet tal-Iskejjel, 5 Counsellers u 15 guidance teachers li attendew fuq perjodu ta’ tlett ijiem ta’ taħriġ f’Ottubru li għadda.

Sessjoni ta' Aqra Miegħi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1021, jista' l-Ministru jgħid għaliex fir-Rabat, Malta, ma reġax qed isir il-programm 'Aqra Miegħi' meta l-istess infrastruttura fejn kien isir fiha qabel baqgħet teżisti u tiffunzjona?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Rabat, Malta huwa wieħed mill-postijiet fejn l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se terġa’ tipprovdi l-programm ‘Aqra Miegħi/Read with Me’ fil-ġimgħat li ġejjin. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda tiftaħ iċ-ċentri madwar il-pajjiż kollu wara li tħarreġ l-animaturi u tikkonsulta mal-kunsilli lokali u fejn japplika, ma’ Malta Libraries. L-infrastruttura edukattiva mhux tagħmel biss referenza għall-bini, iżda għandha tħares minn lenti iktar wiesgħa li tinkludi edukaturi tal-għola livell li jingħataw taħriġ neċessarju.

Eżerċizzju għal persuni li japplikaw biex imexxu u jiftħu Child Care Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' eżerċizzju qed isir bħala due diligence fuq il-persuni li japplikaw biex imexxu u jiftħu Child Care Centre qabel ma tinħareġ il-liċenzja għal Child Care Centre? Jista’ jgħid x'tip ta' standards huma mitlubin li jkollhom iċ-Child Care Centres?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-ċentri kollha huma mistennija li jimxu skont l-iStandards Nazzjonali għas-Servizzi tal-Edukazzjoni u l-Ħarsien tat-Tfal fis-Snin Bikrin (2021) kif ukoll skont id-dokument Registration Criteria for Early Childhood Education and Care Services (0-3 years) (2021), liema dokumenti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tiegħu u kull entità li taqa’ taħtu u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct order? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, jista' l-Ministru jagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Jista' jagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Jista' jagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhuwiex fil-kompitu tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

MCAST — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid:: a) Jekk hux minnu illi l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ilha sospiża "with full pay" mill-aħħar ta’ Lulju tal-2018? b) Jekk hu fl-affermattiv, hix qed titħallas ukoll l-allowances dovuti kollha bħal communication u transport? ċ) Jekk hix qed titħallas tal-leave? d) Jekk hix qed tingħata performance bonus u jekk iva, kemm ingħatat kull sena kemm ilha fl-MCAST? e) Kemm jammonta l-ħlas kollu li din il-persuna tħallset minn Lulju 2018 sal-aħħar ta' Mejju 2022?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li tirreferi għaliha din il-mistoqsija, preżentament ma tinsabx sospiża with full pay.