Legislature:
Category:
Reset
Active:

VAT Department — statements ħżiena

Question

Peress li ġejt infurmat li mill-VAT Department ħarġu ħafna statements ħżiena b'detriment għall-accountants u l-klijenti tagħhom, jista' jivverifika jekk dan hux minnu? Jista' jivverifika wkoll jekk wara dawn l-iżbalji ħafna minn dawk li ppruvaw jaqbdu mad-dipartiment biex jaraw x'qed jiġri baqgħu bla ma ħadu l-ebda tweġiba għax ma kenux qed jirrispondu t-telefon?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mhux veru li ħarġu statements ħżiena mid-Dipartiment tal-VAT. Madankollu, jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi statements li l-persuni konċernati jixtiequ kjarifika dwarhom huwa mitlub jinformani separatament. Dawn l-istatements intbagħatu lil kull min hu reġistrat, jiġifieri madwar 45,000 taxpayer , b’format ġdid li jispjega aħjar kif il-bilanċi ġew akkumulati fuq il-perjodi li għadhom miftuħa kif ukoll il-krediti mnaqqsa fil-perjodu mid-data ta’ l-aħħar statement sad-data ta’ l-istatement preżenti. Peress li ħafna persuni reġistrati jkunu jridu jivverifikaw xi affarijiet billi jċemplu lid-Dipartiment qed ikun hemm ħafna telefonati li żdiedu ma’ oħrajn li qed jistaqsu dwar l-istatements.

Cheque tal-enerġija

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex anzjana armla, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qatt ma ħadet iċ-cheque tal-enerġija u meta marret l-Arms Ltd bagħtuha s-social service, is-social service bagħtuha t-Teżor u issa t-Tezor reġa' bagħatha l-Arms Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wara investigazzjonijiet li saru min-naħa tal-ARMS Ltd., irriżulta li l-konsumatur kien ġie fl-uffiċini tagħha f’Settembru tas-sena li għaddiet, sabiex jaġġorna n-numru ta’ persuni mniżżla bħala residenti fil-propjetà tiegħu, u mhux biex jistaqsi rigward ċ-ċekk tal-enerġija. Il-konsumatur issa ġie miżjud fil-lista, sabiex dan jirċievi ċ-ċekk tal-benefiċċju tal-enerġija.

Konformità tas-software tal-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kontijiet tad-dawl u ilma maħruġ mis-software li qed jitħaddem mill-Arms Ltd jikkonformax kompletament mal-Avviz Legali relevanti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma konformi mal-Electricity Supply Regulations u l-Water Supply Regulations u mal-Avviż Legali relevanti. Nappella lill-Onorevoli Interpellant biex ma jibqax jilgħab b’dawn l-allegazzjonijiet infondati, u jekk huwa konxju b’każijiet li, b’konsegwenza tagħhom, qed ibagħti l-konsumatur allura jagħtina d-dettalji biex jekk dan huwa possibbli, tiġi ratifikata s-sitwazzjoni.

Gozo Channel u l-Malta drydocks — tiswija tal-vapuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti kien hemm bejn il-Gozo Channel u l-Malta Drydocks rigward il-manutenzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel anke a rigward ħlasijiet għal tali xogħol? Jista' jgħid illum il-ġurnata dan ix-xogħol minn min qed isir u b'liema kundizzjoni u prezzijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-“Gozo Channel” tagħmel dawk l-arranġamenti għar-rigward tal-manutenzjoni tal-vapuri tagħha skont il-bżonn u skont ir-regolamenti marittimi u dan sabiex il-flotta operata minnha dejjem tkun konformi mal-Klassi u mal-liġijiet internazzjonali. Għaldaqstant kwalsiasi xogħolijiet isiru b’kuntratti separati skont in-natura tax-xogħol u skont dawk l-operaturi li jkunu f’pożizzjoni li jfornu s-servizzi rikjesti.

Gozo Channel — Sea Horse

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz toffri l-qoxra/barkun Sea Horse lill-Gozo Channel? Jista' jgħid ta' min hi s-Sea Horse u jekk is-servizz hux qed jingħata fuq tender jew direct order? Fi kwalunkwe każ, taħt liema kundizzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel qeda toffri s-servizz tal-ġarr tal-merkanzija perikoluża bil-vapur Sea Horse. Dan minħabba l-fatt li l-vapur Mv Gaudos li bih biss tista’ tinġarr din it-tip ta’ merkanzija perikoluża (dangerous goods) bħalissa qiegħed fis-Shipyard għar-refit kif huwa rikjest mill-klassi. Il-kumpanija waslet għad-deċiżjoni biex tikri dan il-vapur Sea Horse wara li għamlet riċerka ntensiva fuq min seta’ jipprovdi dan it-tip ta’ servizz sakemm il-vapur Mv Gaudos jerġa’ jidħol fis-servizz u għalhekk Cassar Shipyards kienet l-unika kumpanija li setgħet tipprovdi dan it-tip ta’ vapur biex b’hekk setgħet tinġarr il-merkanzija perikoluża bħal fuels, gas u materjal perikoluż ieħor li ma jistgħux jinġarru fuq iż-żewġ vapuri l-oħra Mv Ta’ Pinu u Mv Malita bejn Malta u Għawdex. L-għan ewlieni tal-kumpanija kien li Għawdex jibqa’ jiġi fornut regolarment b’din it-tip ta’ merkanzija għal dan il-perjodu u hekk xorta waħda qed jiġi offrut servizz lil Għawdex.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — inkjesti/investigazzjonijiet u stħarriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inkjesti/investigazzjonijiet/stħarriġ interni f’kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid kemm minnhom għadhom pendenti u kemm ġew konklużi? Jista' jgħid in-natura tal-każ? Jista' jgħid id-dipartiment konċernat u l-kariga tal-persuni involuti, jekk itteħdux passi dixxiplinarji/legali u jekk ġew sospiżi xi nies?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

nisa li għamlu użu mill-inċentiv ta' sena bla ħlas ta' taxxa fuq il-qligħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' nisa li għamlu użu mill-inċentiv ta' sena bla ħlas ta' taxxa fuq il-qligħ wara li kellhom tarbija u reġgħu lura għax-xogħol sena b'sena sa Dicembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf liill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ nisa li għamlu użu mill-inċentiv ta’ sena bla ħlas ta’ taxxa fuq il-qligħ jew tnaqqis fit-taxxa wara li kellhom tarbija u reġgħu lura għax-xogħol jammonta għal 5,227, jigifieri 2,207 fl-2008 (sena ta’ stima 2009) u 3,020 fl-2009 (sena ta’ stima 2010). Mhux possibbli tingħata tweġiba dwar is-sena bażi 2010 minħabba li l-informazzjoni dwar is-sena bażi 2010 għad baqalha biex tidħol fid-Dipartiment. Barra dawn kien hemm 2,294 mara oħra li gawdew mill-inċentiv meta daħlu lura għax-xogħol avolja ma kellhomx tfal.

Enemalta — proġett tal-mina tal-Kappara/Swieqi/St Julians

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-mina (tunnel) tal-Korporazzjoni Enemalta (Kappara/Swieqi/St Julians) hija proġettata li tkun lesta? Jista' jgħid jekk ix-xogħol fuqha hux qiegħed fil-ħin u skont it-tender budget?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-mina hija ppjanata li tkun lesta sa Mejju tal-2012. Se titlesta f’żewġ fażijiet li jieħdu sena kull wieħed. Il-kuntrattur qiegħed ftit tard fuq l-ewwel fażi minħabba xi diffikultajiet li ltaqa’ magħhom fil-ġeoloġija tal-ġebla u minħabba xi infiltrazzjoni tas-sewage. Ġie mqabbad espert biex jagħti pariri ta’ x’jista’ jsir biex jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet. Ix-xogħolijiet qed jitlestew skont il-kuntratt u l-unika spiża extra li kellha tiġi mħallsa s’issa hija l-ispiża tal-espert tal-ġeoloġija.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — mertu li jiddetermina min iżomm l-impjieg attwali

Question

Wara d-diskussjoni li saret waqt is-seminar li sar fil-bini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ħal-Luqa bit-tema Strategic Plan 2011, nhar il-11 ta' Jannar 2011, jista' l-Ministru jiċċara fuq liema kriterji se jiġi deċiż il-mertu li jiddetermina min iżomm l-impjieg attwali, jew le, fir-ristrutturar li ssemma? Meta huwa previst li tiġi finalizzata l-privatizzazzjoni tal-Petroleum Division u x'se jiġri mill-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-seminar li qed tirreferi għalih sar għall-Managers, Assistant Managers u Heads of Departments tal-Korporazzjoni fil-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Dan is-seminar tratta l-istrateġija tal-Korporazzjoni għal din is-sena, preżentazzjoni mill-Managers rispettivi dwar il-ħidma fl-2010 u x’hemm ippjanat għall-2011, u diskussjoni dwar il-core values tal-Korporazzjoni. Fir-rigward tal-privatizzazzjoni tal- Petroleum Division dan il-proċess għadu għaddej. Huwa l-pjan li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Petroleum ta’ l-Enemalta jiġu ngaġġati mill-kumpanija li tieħu l-konċessjoni.

Marsa Power Station — informazzjoni dwar waqfien tal-operat

Question

Fil-każ tal-power station tal-Marsa, jista' l-Ministru jgħid kemm fadal mis-sigħat miftehma mal-Unjoni Ewropea qabel ma din tieqaf topera? Meta tieqaf topera il-power station tal-Marsa, l-impjant il-ġdid ta' Delimara se jkun operational? L-impjant ta' Delimara bl-estensjoni b'kollox se jkopri d-domanda? Fil-każ li l-perjodu permessibbli biex il-power station tal-Marsa tibqa' topera jagħlaq u l-estensjoni tal-impjant ta' Delimara ma tkunx lesta, teżisti contingency plan? X'inhi din il-contingency plan? Meta huwa previst li jkun qed jiffunzjona u jintuża l-cable connector?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-politika tal-Gvern hija dik li jinvesti fl-estensjoni tal-Power Station ġewwa Delimara u f’interconnector ma' Sqallija biex jingħaqad mal-grid Ewropew. B’hekk isaħħaħ il-kapaċita tal-ġenerazzjoni tal-energija ta' pajjiżna minn dik eżistenti. Dan bil-għan li jgħin fit-tkabbir ekonomiku u l-kompettivita’ ta’ pajjiżna, filwaqt li jiggarantixxi ambjent ta’kwalita’ aħjar. Dan il-proċess iwassal għall-egħluq tal-Power Station tal-Marsa. Il-proċess ta’ transizzjoni għadu qed jiġi definit fuq bażi tal-progress fix-xogħolijiet tal-istess estensjoni u l-interconenctor.

KSI u Enemalta — operat tal-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ftehim jeżisti bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Korporazzjoni Enemalta u l-Arms Ltd fir-rigward tal-operat tal-Arms Ltd? X'tip ta' funzjonijiet li preżentament jappartjenu għall-Korporazzjoni Enemalta se jgħaddu f'idejn l-Arms Ltd? Il-ħaddiema x'se jiġri minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 20167 u 21114.

integrated Utilities Business System — informazzjoni dwar min hu responsabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-Integrated Utilities Business System, min qiegħed jerfa' r-responsabbiltà u huwa accountable għall-avvanz tal-proġett?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant il-Programme Management qed jiġi mplimentat mill-IBM u mill-Malta Information Technology Agency (MITA). Il-management ta’ kull proġett li jaqa’ taħt dan il-program huwa immexxi minn managers mill-IBM flimkien ma’ managers lokali mill-korporazzjonijiet u l-managers f’ARMS Ltd. biex jiżguraw kontinwita għal-quddiem. Din l-istruttura topera taħt is-sorveljanza ta’ Steering Committee kompost mill-Kapijiet Eżekuttivi tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tal-ARMS Ltd.

Enemalta — sistema tal-SAP - gwadann

Question

Sentejn wara li daħal l-SAP fil-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jelenkana l-benefiċċji li ggwadanjajna minn dan l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel fażi tal-proġett SAP beda sena ilu, jiġifieri f’Jannar tal-2010, u mhux sentejn ilu kif indikat fil-mistoqsija tal-istess Onor. Interpellant. B’din il-bidla, u allura permezz tal-introduzzjoni tas-SAP, il-Korporazzjoni Enemalta għaddiet minn proċess delikat u intensiv, specjalment meta wieħed jikkunsidra li fl-aħħar 30 sena ma kienux saru tibdiliet fil-proċessi amministrattivi. Il-benefiċċji ta’ din is-sistema, li qed tbiddel il-proċessi mill-qliegħ, jistgħu jiġu klassifikati fi tliet oqsma ewlenin: 1. Is-SAP tippermetti lill-Enemalta li jkollha numri ta’ proċessi u proċeduri awtomizzati, u livell ogħla ta’ kontroll. Fost dawn il-proċessi nsibu dawk tal-procurement, budgeting, stores management, u funds management. 2. Is-SAP huwa “Enterprise Resource Planning Softwarre” li jintegra kull aspett ta’ informazzjoni u proċessi fl-Enemalta. Din qed tippermetti li sistemi differenti, bħal per eżempju l-finanzi, procurement, u stock movements, jiġu aġġornati f’ħin reali. Dan iwassal għal management accounts li jsiru fil-ħin b’azzjoni korrettiva tittieħed mingħajr dewmien fejn ikun mehtieġ. 3. Is-SAP twassal lill-impjegati tal-Enemalta biex jagħmlu użu minn uniformita ta’ proċessi u proċeduri fix-xogħol tagħhom, u b’hekk dan iwassal għal konsolidament tal-proċessi kollha, minbarra li l-Korporazzjoni tgawdi minn flessibilta li dawn jistgħu jadattaw jekk dan ikun meħtieg, fl-aħjar interess tal-konsumatur.

Taxxi tad-dħul u taxxi fuq il-valur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabret (i) taxxa tad-dħul u (ii) taxxa fuq il-valur miżjud minn Għawdex fl-2009 u fl-2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-taxxa tad-dħul li nġabret minn Għawdex fl-2009 tammonta għal €19.2 miljun; u għall-2010 tammonta għal €14 -il miljun. Rigward l-2010, wiehed irid jghid li dan l-ammont ma jinkludix l-FSS imħallsa mill-impjegati tal-Gvern minhabba li l-process li jigbor l-informazzjoni kollha mill-formoli tal-FSS għadu mhux finalizzat. L-ammont ta’ taxxa fuq il-Valur Miżjud miġbur minn Għawdex fl-2009 u fl-2010 kien ta’ €10.9 miljun u €12 -il miljun, rispettivament.

Kontijiet tal-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi segwit il-każ ta' single parent b'żewġt itfal, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandha kont pendenti mal-Arms Ltd fejn jidher li hemm każ ġenwin fejn din tinsab fi problemi kbar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li għaddewli ARMS Ltd, jidher li hemm xi diskrepanzi fil-qari tal-meter. Il-kont li ħareġ l-ARMS huwa bbazat fuq il-qari li għadda l-konsumatur, u għalhekk huwa żbaljat. Għaldaqstant, l-ARMS Ltd ħadet passi sabiex issir spezzjoni b’mod immedjat u jekk jkun hemm ħtieġa, issir ukoll reviżżjoni tal-kont.

Kwestjoni dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22284 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex l-individwu li għal xi żmien kien jgħix fil-fond, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li fiż-żmien li kien jgħix f'dan il-fond lanqas qatt ma kien hemm provvista tal-elettriku u lanqas tal-ilma, u ilu bosta snin joġġezzjona għall-kontijiet li qed jirċievi mingħand l-awtoritajiet, illum l-Arms Ltd u anke ħa affidavit, u qed jitlob biex jittieħdu l-passi neċessarji biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata għax dawn il-kontijiet hu m'għandux x'jaqsam magħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-każ riferut ġie mgħoddi lil ARMS Limited li min-naħa tagħha qed tinvestiga u se tieħu l-passi meħtieġa skont kif jirriżulta mill-istess investigazzjoni.

Ministeru tal-Finanzji, l-Ekonomija u Investiment — voti approvati li ma ġewx utilizzati

Question

B'referenza għall-Estimi 2010 approvati mill-Parlament, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji item item, kemm mill-voti approvati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx utilizzati (minfuqa) inkluż il-Voti taħt Contributions to Government Entities, Programmes and Initiatives u Kapitali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Teżor jinsab fil-proċess li jagħlaq il-kontijiet tas-sena 2010. Għaldaqstant l-informazzjoni tkun tista’ tingħata meta l-eżerċizzju jitlesta.

refunds ta' taxxa

Question

Jista' l-Ministu jgħid meta se jitħallsu r-refunds tat-taxxa li f'Awwissu li għadda ġew mwegħda li se jitħallsu sa Diċembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-ħruġ tar-refunds huwa għaddej. Tajjeb wieħed jirrimarka li dawk ir-refunds li jinħarġu wara d-data preskritta, jiżdiedu magħhom interessi ta’ 0.75% fix-xahar.

Enemalta — pannelli fotovoltaiċi

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tħallas lill-privat għall-elettriku ġenerat mill-pannelli fotovoltaiċi, jiġifieri jekk in-numru ta' units ġenerati mill-pannelli jitnaqqsux minn numru ta' units ikkonsumati jew inkella l-kont tal-konsumatur jitnaqqas bis-somma dovuta għan-numru ta' units li jkunu ġenerati mill-pannelli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Kuntratt tal-Art

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu ġiet mgħoddija l-art li ntużat biex tinbena l-fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-art li ntużat biex tinbena l-fabbrika Lowenbrau f’Ħal Qormi ngħatat b’titolu ta’ ċens perpetwu permezz tal-kuntratt datat 13 ta’ Novembru 1990, liema ċens ġie mifdi permezz ta’ kuntratt datat 3 ta’ Diċembru 2009. Kopji ta’ dawn iż-żewġ kuntratti qegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.