Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Kandja – Shooting Range nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru: a. Jinforma lill-Kamra x’kienet l-ispiża totali tax-Shooting Range nazzjonali f’Ta’ Kandja; u b. Iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tqassim ta’ din in-nefqa, inkluż lista tal-kumpaniji kollha li bbenefikaw minn din in-nefqa u l-ammont li kull kumpanija, flimkien mal-kontribuzzjoni eżatta, tat għal dan il-proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ta’ Kandja – Shooting Range nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega lill-Kamra għaliex ix-Shooting Range f'Ta' Kandja jinsab fi stat ħażin, kif ġie rrapportat fil-media, wara nefqa ta’ miljuni ta’ Ewro ftit snin ilu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-Shooting Range f'Ta' Kandja hi operattiva. Ninfurmah ukoll li riċentament kien hemm tliet kompetizzjonijiet internazzjonali kif ukoll lokali mħejjija mill-Malta Shooting Sport Federation (MSSF) kif ukoll mill-FKNK. Uħud minn dawn il-kompetizzjonijiet kellhom ukoll attendenza minn tiratturi barranin li kollha faħħru ħafna l-post.

Ta’ Kandja – Shooting Range nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jispjega meta se tissewwa x-Shooting Range f’Ta’ Kandja u x'se tiswa lill-pubbliku biex tissewwa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tiswija fuq ix-xibka kkaġunata minn riħ qawwi li laqtet lill-istess faċilità ser issir permezz ta' tender li ġie ppublikat fil-ġimgħat li għaddew. Rigward range numru 4 bħalissa għaddejja medjazzjoni mal-kuntrattur sabiex din tiġi riżolta. Infurmat li l-medjazzjoni tinsab f'fażi avvanzata.

Kottonera: Kumpless Sportiv – xogħlijiet fuq il-pixxina

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar ix-xogħlijiet fuq il-pixxina fil-kumpless sportiv tal-Kottonera? Jista' jikkonferma ż-żmien meta dan il-proġett jitlesta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għaddejin b'ritmu mgħaġġel. Il-pixxina mistennija tibda' topera matul is-sena 2023.

Skola tal-Qawra — parkeġġ taħt l-art

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-parkeġġ taħt l-art fl-iskola fil-Qawra se jkun aċċessibbli għar-residenti tal-Qawra? Jista' jindika għaliex dan il-proġett ilu biex jimmaterjalizza?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parkeġġ huwa maħsub li jinfetaħ għall-pubbliku f’qasir żmien u dan wara li jitlestew il-preparazzjonijiet neċessarji.

Il-Mellieħa — Skola primarja - estensjoni permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx permess għaż-żvilupp għall-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess għall-Iżvilupp għall-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa ingħata mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar fl-24 ta’ Ġunju 2022. Dan huwa investiment ieħor fl-infrastruttura edukattiva u għalhekk dirett fit-tfal tagħna u l-edukaturi tagħhom ta’ €17.7 miljun. Irid jingħad li din il-binja ilha mibnija 74 sena, mill-1948 u huwa ovvju li maż-żmien ma baqgħetx taqdi l-bżonnijiet tal-lokal li dejjem qed jikber. Il-proġett huwa intenzjonat kemm biex titkabbar l-iskola f’din il-lokalità kif ukoll biex l-iskola tiġi moderniżżata bi spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u l-edukaturi. Filfatt dan l-iżvilupp se jakkomoda numru akbar ta’ studenti mill-iskola eżistenti u jara wkoll li l-binja tissodisfa r-rekwiżiti għall-iskejjel f’dak li huwa sigurtà u spazji miftuħa fost oħrajn. Il-proġett huwa wieħed minn numru ta’ proġetti infrastrutturali li huma mxerrda madwar il-pajjiż, għaliex hija waħda mill-prijoritajiet tal-gvern li l-edukazzjoni titjieb, mhux biss f’dak li huwa tagħlim fil-klassi, imma wkoll fl-ambjent li jingħata dan it-tagħlim. L-applikazzjoni approvata tipproponi tibdil fit-tqassim u/jew l-użu tal-kmamar eżistenti u tipproponi estensjoni ġdida fin-Nofsinhar tal-kumpless. Din l-estensjoni se tinkludi żewġ livelli taħt l-art għall-parkeġġ tal-karozzi li ma tinkludix mina taħt l-art. Il-parkeġġ propost fl-estensjoni tal-iskola Primarja tal-Mellieħa se jkun ta’ mitt parkeġġ, ħamsa minnhom għal karozzi bil-‘blue badge’ u li ser ikun aċċessibbli wkoll għar-residenti wara l-ħinijiet tal-iskola. Dwar għażliet ta’ ċċarġjar għall-karozzi, il-proġett għadu fi stadju ta’ disinjar tal-M&E (Mechanical and Electrical) kif ukoll ffinixjar. L-estensjoni ta’ tliet sulari fuq l-art jinkludi binja rtirata. Il-livell tal-ewwel sular se jkollu estensjoni akbar peress li se jiġi żviluppat ukoll lejn il-Lbiċ tas-sit eżistenti Fil-binja l-ġdida se jinbnew tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u 26 klassi ġdida għal-livell primarju. Din il-binja se jkollha wkoll faċilitajet għall-edukaturi u għall-ħaddiema li jagħtu servizzi anċillari, kamra għall-Ewwel Għajnuna, guidance room, librerija, gym, u sala. Il-gym u s-sala se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola u għalhekk se jkollhom entraturi separati. Dan huwa fil-linja tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li permezz tal-proġetti li għaddejjin titqarreb l-edukazzjoni mal-komunità, imma wkoll li fil-ħin li ma jkunux qed jintużaw waqt it-tagħlim l-ispazji jkunu offruti lill-komunità. Il-proġett jirrifletti wkoll il-politika tal-gvern li tmexxi 'l quddiem id-diversità, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs permezz tal-istrateġija edukattiva li biha l-awtoritajiet edukattivi qegħdin jieħdu inizjattivi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet, l-interessi u l-abbiltajiet differenti tat-tfal. Dawn l-inizjattivi huma riflessi f’dan il-proġett bil-ħolqien ta’ klassijiet addizzjonali għat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, ix-xjenza, l-arti u l-mużika, kif ukoll l-iżvilupp personali u soċjali. F’din l-iskola se tinfetaħ ukoll klassi multi-sensory għat-terapija tat-tfal li jkunu jeħtiġuha. L-Iskola Primarja tal-Mellieħa se tkun imfassla mill-ġdid bil-għan li l-edukaturi jkunu jistgħu jipprovdu spazji għat-tagħlim adattat għas-suġġetti msemmija. Fil-binja l-ġdida se jinħoloq ukoll spazju għal ċentru għall-ħarsien tat-tfal li se jkun jista’ jieħu madwar 40 tifel u tifla. Kif isir fi proġetti bħal dawn, saru konsultazzjonijiet tul il-proċess tal-applikazzjoni mal-konsulenti esterni statutorji, l-aktar mal-Planning Control Unit, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, il-Kumitat Konsultattiv tad-Disinn, il-Konsulent tal-Ippjanar tat-Trasport, Transport Malta, l-Uffiċċju tal-Inġinerija Sanitarja, u l-Enemalta. Hemm ukoll komunikazzjoni mall-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità biex ikun żgurat li l-proġett jilħaq l-istandards nazzjonali. Kien importanti ferm is-sehem tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, għaliex minbarra l-konsultazzjonijiet matul il-proċess ta’ applikazzjoni, tnaddfu żoni speċifiċi tas-sit mill-ħamrija eżistenti, fil-preżenza ta’ arkeoloġiku maħtur mis-Sovrintendenza. Dan sar biex isir studju arkeoloġiku minħabba li s-sit fih xelters taħt l-art u karatteristiċi marbuta ma’ attivitajiet militari li ġew rintraċċati fil-qtugħ tal-blat. Il-perit li huwa nkarigat mill-proġett żgura li x-xogħlijiet proposti ma jkollhomx impatt dirett fuq il-karatteristiċi eżistenti u li jkun żgurat li dawn jinżammu kollha. Is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali studjat u ħadet nota ta’ dawn il-karatteristiċi maqtugħa fil-blat u aċċettat il-proposta tal-iżvilupp li se jkollha monitoring minħabba l-protezzjoni ta’ dawn is-sejbiet. Meta jitlesta dan l-iżvilupp, l-Iskola Primarja tal-Mellieħa se tkun waħda li jkollha ambjent modern u xieraq għall-edukazzjoni ta’ uliedna u wkoll għall-edukaturi, amministrazzjoni u l-ħaddiema kollha li jagħtu s-servizz tagħhom fiha.

Il-Mellieħa — estensjoni tal-iskola - parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm sulari ta’ parkeġġ taħt l-art disponibbli fl-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru 433

Il-Mellieħa — skola primarja - parkeġġ propost fl-estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġ tal-UG propost fl-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa hux se jkun aċċessibbli għar-residenti? Kemm se jkun hemm parkeġġi? Jista’ jgħid jekk hux se jkun hemm ukoll għażliet ta' ċċarġġjar għall-karozzi elettriċi, u jekk iva, kemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru 433

Il-Mellieħa — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li se jkun hemm mina li se tgħaqqad il-parkeġġ taħt l-art propost fl-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa ma’ Triq il-Kbira, ma’ Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa? Jekk iva min ser jiffinanzja dan il-proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ġentilment jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru 433.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni - persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking) mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nistieden lill-Onor. Interpellant biex ġentilment jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 936.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.

Qawra: Skola Primarja — parkeġġ

Question

B’referenza għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li għamilt dwar il-parkeġġ tal-Iskola Primarja tal-Qawra, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet ma’ dawk kollha involuti biex dan il-parkeġġ ikun jista’ jinfetaħ għall-użu tar-residenti fl-inħawi? X’qed iżomm milli fil-fatt jintlaħaq ftehim biex dan il-parkeġġ jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku u b’hekk jonqsu l-inkonvenjenzi lir-residenti tal-inħawi? Jista’ jikkonferma jew jiċħad li hemm diffikultajiet dwar aċċessibbiltà u ingress ta’ ilma li qed itellfu milli jinfetaħ dan il-parkeġġ? Jista’ jgħid kif se jkun qed jopera dan il-parkeġġ? Meta hi d-data meta dan il-parkeġġ se jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku? Kemm-il laqgħa saret dwar din il-materja mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jew ma’ rappreżentant/i tiegħu, min kien mistieden, min attenda u meta saru dawn l-istess laqgħat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 318 u 432, ninformaha wkoll li wara laqgħat ma' diversi rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar kif ukoll fuq il-post, il-preparazzjonijiet issa jinsabu fil-fażi finali.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li, sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm erba’ mija tlieta u tletin (433) ħaddiem fuq telework u tletin (30) ħaddiem fuq remote working fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.

Ħal Far – ħsejjes iġġenerati mit-trakka tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħtietx kopja tal-istudji dwar il-ħsejjes li se jkunu qed jiġu ġġenerati mit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far lill-Kunsilli Lokali ta' Birżebbuġa, iż-Żurrieq u Ħal Safi? Jista' jgħid id-dati meta saru laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ dawn il-kunsilli, x'kienu l-punti mqajma, kif dawn il-punti se jiġu indirizzati u jippreżenta dokumentazzjoni li turi dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-trakka tal-karozzi ġewwa Ħal Far - investiment ta’ €20 miljun - se tkun waħda ta’ livell internazzjonali mwettqa b’għaqal u b’konsultazzjoni sħiħa u kontinwa mal-istakeholders kollha u li minnha se jgawdi kulħadd. Il-pjanijiet għal din it-trakka ħadu fit-tul u saru b’ħafna ħsieb u anke konsultazzjoni. Fost oħrajn ridna li filwaqt li nwettqu din il-ħolma tad-dilettanti tal-motorsport f’Malta, il-proġett isir f’art li mhux f’żona ODZ. Din hi xi ħaġa li għamilnieha possibbli billi se naħdmu fuq art madwar il-postijiet fejn diġà ssir attività simili. Pjanti li saru fl-imgħoddi kienu wkoll skartati biex il-proġett jibqa’ ’l bogħod mir-residenti kemm jista’ jkun. Fil-fatt il-pjanti u d-disinn ta’ dan il-proġett saru minn esperti Ġermaniżi. Ninfurmah ukoll li saru l-istudji kollha neċessarji dwar il-ħoss sabiex ir-residenti tal-lokalitajiet fil-viċin ma jbatux minn inkonvenjenti u għal dan il-għan ser jiġu introdotti sistemi ta’ livell għoli li jagħmlu din it-trakka waħda professjonali. Sound mitigation measures mhumiex neċessarjament u esklussivament siġar biss, kif ukoll l-istess sound mitigation measures se jkunu qed iħarsu li jnaqqsu l-emissjonijiet diġà eżistenti.

Laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar it-trakka tal-karozzi f’Ħal Far

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dati meta saru laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ għaqdiet ambjentali u/jew NGOs oħrajn, apparti dawk involuti fl-isport ikkonċernat, dwar it-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, liema kienu l-għaqdiet li kkonsulta magħhom, x'kienu l-punti mqajma u kif se jiġu indirizzati speċjalment meta wieħed jikkonsidra li s-sit huwa anqas minn kilometru bogħod minn siti ta' importanza ekoloġika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Far: trakka tal-karozzi – sound barriers

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta pjanta bil-pożizzjonijiet, it-tipi, il-qisien u photomontage li juri l-impatt viżiv tas-sound barriers li se jiġu installati madwar u fit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, jekk se jkun il-każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Far: trakka tal-karozzi – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta pjanta bil-pożizzjonijiet, it-tipi, il-qisien, l-età u photomontage tas-siġar li se jiġu mħawla madwar u fit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far biex tiġi mmitigata l-problema tal-istorbju, jekk se jkun il-każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Far: trakka tal-karozzi – immigranti li jinsabu f’ċentri miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li immigranti li jinsabu fiċ-ċentri miftuħa, ċentri tar-refuġjati u ċentri oħra li jinsabu qrib u madwar is-sit fejn hemm il-ħsieb li tinbena t-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, hux se jiġu rilokati u jekk iva, kemm minnhom u fejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ġentilment nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari numru 2027.

Ħal Tarxien – Skola Primarja l-Antika — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru ġewwa l-Iskola Primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien fi Triq l-Iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li fl-iskola primarja l-antika ta’ Ħal Tarxien, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) qiegħda twettaq proġett ta’ tisbieħ estensiv u moderniżżazzjoni tal-binja kollha minn ġewwa.