Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żieda fir-rata tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni

Question

Billi sakemm qed tiġi sottomessa din il-mistoqsija parlamentari fi tmiem is-sena 2010 għadu mhux magħruf kemm ser jassorbi mit-2% żieda fir-rata tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni, jista' l-Ministru jindika meta din is-sitwazzjoni se tiġi ċċarata aktar u aktar billi l-Gvern kien wiegħed part concession fuq il-kuntratti ffirmati qabel ma tħallset iż-żieda nnifisha?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji dwar l-iskema ta’ għajnuna parzjali lill-Lukandiera li kellhom kuntratti ffirmati bil-quddiem se jitħabbru dalwaqt.

Delimara power station extension

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi indikazzjoni meta d-Delimara power station extension mistennija tkun operational? Jekk iva, kif mistenni jsir dan meta l-permessi sħaħ tal-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadhom ma nkisbux u għadu lanqas inħareġ l-IPPC permit?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi huwa mistenni li l-extension ta’ Delimara Power Station tkun lesta sa Mejju 2012. Il-proċess biex jiġi emendat l-permess eżistenti tal-IPPC biex tiġi koperta l-impjant il-ġdid beda diġà.

Marsa power station

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li għalkemm il-Gvern għandu ħsieb li jagħlaq il-Marsa power station fil-ġejjieni qarib, possibilment anke qabel u jew lejn tmiem din is-sena, hi mhix se tiġi deactivated, imma ser tinżamm bħala stand by billi jinżammu mijiet ta' operational hours għall-emerġenzi mingħajr ma wieħed ikun qed jikser ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22826.

SR Technics — investimenti

Question

In vista tal-fatt li kemm il-Ministru u anke l-Prim Ministru kienu indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar l-investiment tal-SR Technics u kemm-il darba rreferew għalih fil-Parlament, jista' l-Ministru jikkonferma: Jekk il-pjani għadhomx li jinbena hanger ieħor biex SR Technics jibdew joperaw minnu minflok il-post minn fejn qed joperaw bħalissa u li huwa tal-kumpanija Medavia; Kemm ġew impjegati b'kollox persuni fil-proġett s'issa; u Kemm se jiġu impjegati aktar fit-tliet snin li ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt bejn il-Malta Enterprise mal-SRT għadu in vigore. L-SRT infurmaw lill-Malta Enterprise li waqt li għadhom permessi għall-proġett, ix-xogħolijiet tal-hangar alternattiv jibda la darba s-suq tal-avjazzjoni internazzjonali jerġa’ jibda jirkupra. Naturalment, diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat huma kontinwi. Nikkoreġi lill-Interpellant, għall-fatt li l- hangar li qed topera minnu l-SRT huwa ġewwa is-Safi Aviation Park li huwa proprjetà tal-Malta Industrial Limited. Rigward l-impjieg, l-SRT Technics bħalissa timpjega 146 impjegati full-time .

statistika mill-NSO rigward prezzijiet tal-proprjetà

Question

Billi skont rapporti fil-media qed jingħad li l-NSO ħarġet statistika li turi li matul l-aħħar 12-il xahar kien hemm żieda ta' iktar minn 10% fil-prezz f'dawk li huma housing u enerġija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jaqa' taħt dawn iż-żewġ kategoriji għal dak li jirrigwarda din l-istatistika, għaliex m'hemmx dubju li matul dan il-perjodu l-prezz tal-proprjetà naqas u mhux żdied?

Response (FENECH, TONIO)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal statistika relatata mal-indiċi armonizzat tal-prezzijiet (HICP). Il-kategorija numru 4 hija magħmula minn: - kera mħallsa fuq proprjetà - materjal użat għall-manteniment tad-dar - servizzi relatati mal-manteniment tad-dar - ilma - elettriku - gass Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prezzijiet tal-proprjetà m’humiex riflessi direttament fl-indiċi.

Salarji u Onoraraji

Question

Jista' l-Ministru, in vista tar-revizjoni tas-salarji jew onorarji tal-Membri Parlamentari li hu ħabbar f'risposta tal-mistoqsija parlamentari 21691 nhar is-7 ta' Dicembru 2010, jinforma lill-Parlament kemm se jkun il-ħlas jew/u onorarja li hu intitolat għalih l-Onor. David Agius fil-kariga tiegħu ta' Assistent Parlamentari, Whip tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista u bħala Membru tal-Kamra tar-Rappreżentanti? X'allowances hu ntitolat għalihom? Kemm hu l-ammont globali ta' ħlas li għandu dritt għalih l-Onor. David Agius b'lura b'seħħ mill-2008 tenut kont dawn id-diversi karigi, inkluż l-allowances?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Mr Speaker.

salarji u onorarji tal-Ministru u membri parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra b'liema strument legali ddaħħlet fis-seħħ id-deċiżjoni tal-Kabinett meħuda fil-5 ta’ Mejju 2008 fejn fiha, skont ma ingħad fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21691, ġie deċiż li l-Prim Ministru, il-Ministri, is-Segretarji Parlamentari, l-Ispeaker u l-Kap tal-Oppożizzjoni jitħallsu - kif ilhom jitħallsu sa mit-12 ta' Marzu 2008 - apparti s-salarju ta' Ministru, l-Onorarja li titħallas lill-membri parlamentari?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-deċiżjonijiet ta’ dan it-tip jittieħdu mill-Eżekuttiv, il-Kabinett f’dan il-każ, kif jiġri f’kull reviżjoni ta’ salarji.

San Pawl il-Baħar — attenzjoni mill-Enemalta - kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex skont ma nkiteb illum f'ġurnal lokali "The Times", nies li jiffrekwentaw il-Knisja tal-Karmnu, ħdejn il-Veccia, San Pawl il-Baħar, ingħad lilhom li l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar mhux qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa mill-istess Korporazzjoni Enemalta għaliex għandu ħafna kontijiet xi jħallas? Jista' jinvestiga min irċieva dawn is-suppost komunikazzjonijiet dwar dan is-suġġett, kif ukoll jekk tax ir-risposta li qed tiġi kkwotata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta għamlet investigazzjoni nterna dwar jekk sarux komunikazzjonijiet simili minn xi dipartiment tal-Korporazzjoni. Jirriżulta li l-ebda dipartiment fil-Korporazzjoni m’għamel kommunikazzjonijiet bħal dawn.

Enemalta — bozoz pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy użata mill-Korporazzjoni Enemalta meta l-istess korporazzjoni taqla' bozoz pubbliċi, fuq talba ta' dawk li jkunu se jibnu proprjeta' minflok dik li jkunu se jwaqqgħu? Jista' jagħti tagħrif dwar x'wassal biex il-bozza li nqalgħet xhur ilu, ħdejn il-Knisja tal-Karmnu San Pawl il-Bahar għadha ma twaħħlitx sal-lum? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar x'wassal biex bozza oħra li ukoll inqalgħet żmien ilu fi Triq Stella Maris, San Pawl il-Baħar, baqgħet ma twaħħlitx?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-policy ta’ meta tinqala bozza minn ma’ propjeta’ li tkun se taqa hi li l-bozza terga’ tigi stallata fl-istess post wara li jitlesta l-iżvilupp sa kemm jippermetti l-iżvilupp innifsu. Ix–xogħol isir mill-Enemalta jew milll-kunsill skont ta’ min tkun ir-responsabbiltà tal-bozza. Il- biċċa l-kbira minn dawn il-lampi huma ‘wall mounted’ u huma tar-responsibbilità tal-Kunsill. Fiż-żmien li jkun qiegħed isir ix–xogħol ta’ kostruzzjoni titwaħħal bozza temporanja jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu. Fil-każ tal-bozoz imsemmija dawn ġew investigati u x-xogħol meħtieġ biex jiġu nstallati issa ġie konkluż.

Enemalta — bozoz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bozoz li nqalgħu mill-Korporazzjoni Enemalta, matul l-2010, minħabba permessi tal-bini li ħarġu biex ikun jista' jitwaqqa' bini u minfloku jinbena bini ġdid, fl-inħawi tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar, rispettivament? Kemm minn dawn il-bozoz li nqalgħu minħabba din ir-raġuni reġgħu twaħħlu jew b'mod temporanju, jew b'mod permanenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istatistika li tinżamm minn Enemalta hi ta’ kemm kien hemm talbiet għal tneħħija ta’ linji minn mal-bini u ma tinżammx statistika ta’ kemm minn dawn kienu jinvolvu t-tneħħija ta’ bozoz. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-lampi huma tal-kunsill lokali, li hu responsabbli għat-tneħħija tagħhom, u għal twaħħil mill-ġdid wara.

Ħaddiema fis-settur privat — produzzjoni diretta u servizzi fis-suq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22745 u jgħid kemm kien in-numru totali ta’ ħaddiema fis-settur privat, fi produzzjoni diretta u f’servizzi tas-suq separatament, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Jista’ jagħti din l-informazzjoni kategorizzata skont in-NACE Code?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fuq il-Mejda tal-Kamra qed jitpoġġew tabelli li juru kemm kien hemm rġiel u nisa separatament jaħdmu bi qligħ fil-qasam tal-produzzjoni diretta u f’servizzi tas-suq fis-settur privat f’Malta u f’Għawdex b’mod separat kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar tal-Lulju 2010 fuq bażi ́full time’.

Enemalta — Xiri ta' petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22560 u jgħid matul is-sena 2010, l-Korporazzjoni Enemalta kemm-il darba xtrat petrol u diesel? X'kienu l-kwantitajiet u l-prezzijiet li bihom xtrat il- petrol u d- diesel l-Korporazzjoni Enemalta fix-xirjiet li għamlet tul is-sena 2010? X'metodu użat il-Korporazzjoni Enemalta meta ddeċidiet li tixtri l-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat tul is-sena 2010? Jekk xtrat wara li ħarġet is-sejħa għall-offerti tul is-sena 2010, x'offerti oħra rċeviet l-Enemalta kull darba li xtrat il-petrol u d-diesel tul is-sena 2010? Xi prezzijiet ħallset l-Enemalta għall-ġarr bil-vapuri tal-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat l-Enemalta tul is-sena 2010? Xi qligħ għamlet l-Enemalta fuq kull litru ta' petrol u diesel li biegħet l-Enemalta tul is-sena 2010 minn dak li xtrat fl-istess sena? X'VAT intuzat fuq il-bejgħ ta' kull litru petrol u diesel tul is-sena 2010 mixtri fl-istess sena 2010 mill-Enemalta? X'inhu l-qligħ li jsir mill-pompi tal-petrol fuq kull litru ta' petrol u diesel mibjugħ tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Xiri ta' fuel mill-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22561 u jgħid x'kienu l-prezzijiet li bihom il-konsumaturi xtraw kull litru ta' petrol u diesel tul is-sena 2010? Matul is-sena 2010 l-Korporazzjoni Enemalta użat l-għodda tal- hedging fix-xiri tal- petrol u diesel biex iżżomm stabbli ċ-ċaqliqiet fil-prezzijiet għall-konsumatur? Jekk iva, kif sar u meta sar il- hedging ? Matul is-sena 2010 l-Enemalta għamlet arranġamenti ta' hedging tal-prezz tad-Dollaru Amerikan mal-Euro biex b'hekk iżżomm stabbli għall-konsumatur iċ-ċaqliqiet li kien hemm bejn iż-żewġ muniti? Jekk iva, kif sar dan il-hedging? L-Enemalta għandha kumitat biex jixtri l-fuel? Jekk iva, min huma l-membri tal-kumitat? X'inhu s-sehem tagħhom fix-xiri tal-fuel tal-Enemalta? Jekk qed isir hedging, min jagħmlu, fuq liema bażi u min qed jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif isir? Jekk m'hemmx kumitat apposta biex jixtri l-fuel għall-Enemalta, kemm għall-ġenerazzjoni tad-dawl kif ukoll biex imur għand il-konsumaturi, min kienu l-persuni awtorizzati biex jixtru dan il-fuel għall-Enemalta tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Dragonara Casino

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk rigward ir-restaurant, kċina u l-bar tad-Dragonara Casino ingħatax permess li dawn jingħataw f'idejn operatur li m'għandux x'jaqsam mal-casino? Tenut kont tal-fatt li r-restaurant minn mindu fetaħ il-casino, dejjem tmexxa mill-kumpanija li tkun qed tmexxi l-istess casino, u r-restaurant minn dejjem kien complimentary għal gaming, jista' l-Ministru jikkonferma jekk di fatti kienx hemm bidla f'dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond il-ftehim li ġie ffirmat fit-30 ta’ Ġunju 2010 mal-operatur il-ġdid Dragonara Gaming Ltd (DGL), it-tmexxija tan-negozju (li huwa ta’ casino u stabbiliment tal-logħob b’faċilitajiet anċillari li jinkludu ‘catering’, ‘entertainment’ u attivitajiet oħra relatati ma’ casino u suġġetti li jinġiebu l-permessi meħtieġa) tħalla f’idejn l-operatur. Dan bil-kundizzjoni li Dragonara Gaming Ltd topera fi ħdan l-istabbiliment bl-akbar mod diliġenti u effiċjenti u billi tuża l-aħjar ġudizzju, abiltajiet u sforzi biex tkompli ttejjeb ir-reputazzjoni tal-post u li tħares li ma jsir xejn kontra l-liġi fl-istabbiliment. Barra min hekk, fir-rigward tal-faċiltiiajiet anċillari ta’ ‘catering’ u ‘entertainment’, Dragonara Gaming Ltd intitolata li tqabbad terza persuna kompetenti biex topera dawn il-faċilitajiet, mbasta ġġib l-ewwel l-approvazzjoni bil-miktub ta’ Casma Ltd. Fil-każ li din l-approvazzjoni tingħata, Dragonara Gaming Ltd xorta waħda tibqa’ suġġetta għad-danni f’każ li tonqos mill-obbligazzjonijiet tagħha lejn Casma Ltd fit-terminia tal-liġi u tal-konċessjoni. Sa llum ma saret l-ebda talba lil Casma Ltd għal permess biex xi faċilitajiet jiġu operati minn terzi persuni.

Kumpanija abbażi ta' teknoloġija u apparat teknoloġiku — ċifra ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21380, 21145 u 20552 u jgħid kemm huwa kkalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru tal-Finanzi jrid jgħaddi lill-kuntratturi/kumpaniji abbażi ta' teknoloġija u apparat teknoloġiku?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22039.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — xogħlijiet fid-Dipartimenti u uffiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet f'kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sentejn biex dawn il-premises ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar sentejn saru xogħlijiet fil-premises li lista tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra biex dawn ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Pagi ta' Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema li qalgħu iktar minn €17,000 matul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni m’għandux l-informazzjoni neċessarja sabiex iwieġeb din il-mistoqsija, minħabba l-fatt li din l-informazzjoni tiġi sottomessa lid-Dipartiment fl-2011, meta jinġabru t-tax returns tas-sena bażi 2010.

pagi ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema u persuni oħrajn li jaqilgħu u jiddikjaraw iktar minn €15,000, €20,000, €23,000, €25,000, €27,000, €30,000, iktar minn €35,000, €40,000, €45,000, €50,000, €55,000, €60,000, €65,000, €70,000 u iktar minn €75,000? Jista' jgħid xi professjoni għandhom dawn il-persuni u f'liema settur qegħdin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi ppreżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma jiġborx informazzjoni dwar liema professjoni għandhom dawn il-persuni u f’liema settur qegħdin.

Lukanda Selmun

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat il-lukanda Selmun ingħalqet b’mod temporanju ? Jekk iva, meta ingħalqet, kemm se ddum magħluqa u x'inhi r-raġuni li għaliha ingħalqet? X'se jsir mill-ħaddiema ta' din il-lukanda matul iż-żmien li din il-lukanda se tkun magħluqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-lukanda Selmun għalqet fit-3 ta’ Jannar b’mod temporanju sat-28 ta’ Frar 2011. Fil frattemp il-futur ta’ din il-lukanda qiegħed jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-riorgannizzjazjoni ta’ l-Air Malta, u l-Kumpaniji sussidjarji tagħha.

Labour Force Survey

Question

Jista l-Ministru jgħid għaliex fi stqarrija maħruga mill-NSO il-Hamis 6 ta' Jannar 2011 dwar Labour Force Survey: Q3/2010, ma kienx hemm breakdown bejn l-impjiegi fis-settur privat u fis-settur pubbliku? Jista' jgħid jekk din hix se tibda tiġri fl-istqarrijiet tal-NSO dwar il-Labour Force Survey minn issa 'il quddiem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta jkun hemm ċaqliq żgħir ‘il fuq jew ċaqliq żgħir ‘l isfel f’xi figuri, dan ikun diffiċli li jinqabad f’sample survey. Fil-fatt dejjem ikun hemm dawk li fl-istatistika jissejħu sampling error u bias. Saħansitra, żieda marġinali tista’ tirriżulta fi tnaqqis marġinali minn stħarriġ, u viċi-versa. Din hija r-raġuni għalfejn l-NSO ħass li m’għandux jibqa’ jagħmel dan il-breakdown mil-Labour Force Survey. Għaldaqstant, għal numru headcount tal-impjiegi fis-settur pubbliku, wieħed għandu jirreferi għall-figuri tal-ETC, fejn jidher ċar li l-impjiegi fis-settur pubbliku qegħdin jonqsu.