Legislature:
Category:
Reset
Active:

Esplorazzjoni taż-żejt

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jwieġeb mistoqsija parlamentari 19248 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk pajjiżna tkellimx uffiċjalment mal-Libja dwar din l-esplorazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li din il-kwistjoni tqajmet mill-Onorevoli Prim Ministru matul iż-żjara tiegħu fil-Libja f'Awwissu ta' din is-sena. Min-naħa tiegħi, jien irriferejt għal din l-esplorazzjoni f'laqgħa li kelli mal-Ambaxxatur tal-Libja, ukoll f'Awwissu.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Talbiet għal career breaks

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn rgiel u għal liema raġuni? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-aħħar sentejn saru tliet (3) talbiet għal career breaks. Dawn it-tlieta saru minn impjegati nisa minħabba t-trobbija tat-tfal. Tnejn minn dawn it-talbiet ġew ipproċessati fi żmien jumejn u waħda ġiet iproċessata fi żmien tliet ġimgħat.

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station f'Delimara — nuqqas ta' ħarsien ta' Regolamenti ta' Prokurar

Question

B'referenza għall-ittra miktuba lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin mill-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea Michel Barnier f'Ġunju li għadda dwar nuqqas ta' ħarsien ta' Regolamenti ta' Prokurar fil-Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station f'Delimara, jista' jgħid x'sehem kellu ċ-Chairman tal-Kumitat ta' Aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti għall-estensjoni tal-Power Station f'Delimara, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fit-tħejjija tal-ittra tat-tweġiba mibgħuta mill-Gvern Malti fil-5 t'Awwissu li għadda?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Rabtiet mal-Angola

Question

Tenut kont ir-rata tremenda ta' tkabbir ekonomiku fl-Angola u l-fenomenu ġdid ta' Ewropej, partikolarment mill-Portugall, li qed imorru jaħdmu f'dan il-pajjiż sinjur Afrikan għal ħajja aħjar, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega x'rabtiet għandu pajjiżna, kemm ekonomiċi, kemm ta' kummerċ u xorta oħra f'dan il-pajjiż li kull ma jmur qed isir forsi l-iktar pajjiż importanti u b'saħħtu fil-kontinent Afrikan? Xi strateġija għandu pajjiżna biex jibni rabtiet mill-viċin ma' dan il-pajjiż għall-ġid taż-żewġ naħat?

Response (BORG, TONIO)

Ir-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali bejn Malta u l-Angola jipprovdu bażi għall-kooperazzjoni eqreb. Malta tesporta madwar 3 miljun ewro ta' prodotti ta' l-ikel fis-sena lejn l-Angola. F'dan l-isfond is-sena li għaddiet il-Ministru tal-Ekonomija tal-Angola l-Onorevoli Joacqui Duarte da Costa David għamel żjara f'Malta li matulha kellu taħdidiet mal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment u ġie organiżżat wkoll workshop mill-Malta Enterprise "Doing business with Angola" dwar l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni ekonomika li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Bil-għan li jkomplu jissaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi, aktar kmieni din is-sena jien stedint lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Angola jżur Malta sabiex niddiskutu r-rabtiet kemm politiċi kif ukoll ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

Kwartett immexxi minn Tony Blair

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti rendikont qasir tal-ħidma li kellu pajjiżna mal-hekk imsejjaħ kwartett immexxi minn Tony Blair? X'laqgħat saru? Meta? Fejn? X'assessment jagħmel il-Viċi Prim Ministru tal-impatt li kellu l-kwartett fuq il-Lvant Nofsani u x'inhu r-rwol ta' pajjiżna f'dan il-kuntest?

Response (BORG, TONIO)

Fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-komponenti tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, Malta għandha kull opportunità li ssemma leħinha u tagħti kontribut għall-pożizzjonijiet tal-Unjoni fl-istess Kwartett li tiegħu Tony Blair hu l-Mibgħut Speċjali Malta wkoll tipparteċipa bis-sħiħ fid-diskussjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-Lvant Nofsani u tintervjeni kemm f'livell ta' esperti kif ukoll f'livell Ministerjali permezz tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. L-aħħar laqgħa tal-Kwartett saret nhar it-Tlieta, 21 ta' Settembru, f'New York. Fi tmiem din il-laqgħa, il-Kwartett adotta dikjarazzjoni, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li permezz tagħha esprima appoġġ għat-taħdidiet diretti li kienu reġgħu bdew bejn l-Iżrael u l-Palestinjani bl-għan li jsolvu l-kwistojiniet kollha bejn iż-żewġ naħat fi żmien sena.

Protokolli ta' għajnuna finanzjarja ffirmati bejn Malta u l-Italja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-protokolli ta' għajnuna finanzjarja bejn Malta u l-Italja, fil-fatt jitkomplew jiġu ffirmati? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt fadalx xi ħlasijiet pendenti minn dawn il-protokolli bejn Malta u l-Italja?

Response (BORG, TONIO)

Il-Protokolli finanzjarji li ġew konklużi bejn Malta u l-Italja għenu b’mod kostanti fil-mixja ta’ moderniżżazzjoni ekonomika, produttiva u infrastrutturali li Malta għamlet sas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropeja. Il-Ħames u l-aħħar Protokoll kien partikolarment kruċjali f’dan ir-rigward fejn fit-Trattat innifsu kien spjegat il-għan tal-proġetti biex jikkkontribwixxu b’mod dirett għat-titjib kontinwu fis-settur ekonomiku, soċjali u kulturali ta’ Malta fid-dawl ta’ l-integrazzjoni ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropeja. Bl-adeżjoni ta’ Malta bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja fl-2004, l-għan ta’ din l-għajnuna finanzjarja kien milħuq u għalhekk m’hemmx aktar lok għal Protokolli ta’ din ix-xorta. L-għajnuna u l-finanzjamenti barranin lejn Malta issa ġejjin prinċipalment mill-Ewropa. L-aħħar pagament Taljan sar taħt il-Ħames Protokoll seħħ f'Novembru tal-2009 u ma hemm l-ebda ħlasijiet pendenti.

Introduzzjoni tal-passaporti biometriċi

Question

In vista tal-introduzzjoni tal-passaporti biometriċi fil-futur qarib, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'arranġamenti se jagħmel il-Gvern ta' Malta biex jiffaċilità l-ħajja taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstralja u li allura, jekk ma jsirux arranġamenti apposta,jkollhom jivvjaġġaw sa 1,000 km biex imorru l-Malta High Commission Offices u jbiddlu l-passaport tagħhom? Kemm hemm Maltin-Awstraljani li jgħixu l-Awstralja u għandhom il-passaport Malti taħt ir-regime taċ-ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

B'effett mit-28 ta' Ġunju, 2010, passaporti ġodda bdew jinħarġu bħala passaporti biometriċi. Dan il-proġett hu mmexxi mill-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. Bis-saħħa tal-passaport biometriku żiedet is-sigurtà tal-istess passaport u l-garanzija kontra l-abbuż. Apparti minn hekk, ċittadin Malti b'passaport biometriku hu eżentat milli jkollu bżonn viża biex jidħol fl-Istati Uniti ta' l-Amerika. Dawn il-passaporti biometriċi - minħabba l-apparat elettroniku involut jistgħu jinħarġu biss mill-Uffiċċju tal-Passaporti Malta, jew minn kwalunkwe Ambaxxata ta' Malta. Dan jista' joħloq inkonvenjent. Iżda meta l-passaport ikun lest l-Ambaxxata tibgħatu b'courier jew b'posta rreġistrata. L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub li jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija lill-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni li taħtu jaqa' l-Uffiċċju tal-Passaporti.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — parental leave

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment li jaqa` taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn nisa u kemm minn irġiel? Jista' jgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata? Fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant ili fl-aħħar sitt xhur ma saret l-ebda talba għall-parental leave.

Żjara ta' Gaddafi f'Malta

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk huwiex minnu li l-President tal-Libja, Gaddafi mistenni jiġi f’Malta sa tmiem din is-sena wara li dan kien ikkanċella ż-żjara tiegħu f’Marzu ta’ din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Iż-Żjara tal-Kurunell Gaddafi ġiet mħabbra pubblikament mill-Eċċellenza Tiegħu Mousa Kousa, Segretarju tal-Kumitat tal-Poplu għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali fl-għeluq tal-laqgħat tal-Kummissjoni Mħallta nhar l-20 ta' Jannar, 2010. Filwaqt li l-perjodu indikat f'Jannar ġie pospost, waqt diversi taħdidiet bilaterali, l-għola uffiċjali tal-Gvern Libjan urew x-xewqa li din iż-żjara sseħħ mill-aktar fis possibbli. Dan ġie ukoll ikkonfermat mill-Ambaxxatur tal-Ġamaħirija għal Malta, li fil-kummenti tiegħu appena ppreżenta il-kredenzjali diplomatiċi saħaq li din iż-żjara hija ta' prijorità għaż-żewġ pajjiżi. Iż~Żjara tal-Kurunell Gaddafi mistennija li sseħħ meta ż-żewġ naħat jaqblu fuq data konvenjenti. Ninforma ukoll li s-sena d-dieħla se ssir laqgħa f'Malta tal-Kapijiet ta' l-Istat/Gvern tal-Grupp 5 + 5.

European External Action Service

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm applikaw Maltin biex jaħdmu mal-European External Action Service? F'liema pożizzjonijiet? Kemm minnhom ġew short listed? Kemm minnhom intgħażlu? F'liema xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Huwa previst li l-European External Action Service jiġi stabbilit u għalhekk jibda jopera mill-1 ta' Diċembru 2010. Għaldaqshekk s'issa l-uniċi pożizzjonijiet direttament relatati mal-EEAS huma għall-10 postijiet ta' senior management li huma Executive Secretary General, Chief Operating Officer, 2 postijiet ta' Deputy Secretary General, Managing Director for the Middle East and Southern Neighbourhood, Managing Director for Russia, the Eastern Neighbourhood and the Western Balkans, Managing Director for Africa, Managing Director for the Americas, Managing Director for Asia u Managing Director for thematic and multilateral policies. L-applikazzjonijiet għalqu fis-6 ta' Settembru u għalhekk il-proċess ta' għażla għadu jrid jibda. L-applikanti kienu meħtieġa japplikaw direttament. Għaldaqshekk il-Gvern Malti m'huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni mitluba ta' kemm applikaw Maltin u f'liema pożizzjonijiet. Daqstant ieħor ma jistax jipprovdi informazzjoni fuq kemm ġew shortlisted, kemm intgħażlu u f'liema xogħol. Ta' min isemmi ukoll li nħarġu żewġ sejħiet għall-numru ta' pożizzjonijiet mad-delgazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropeja fejn is-sejħiet għall-applikazzjonijiet nħarġu mill-Kummissjoni la darba l-EEAS għadha ma bditx topera. Anke f'dan il-każ l-applikanti kienu meħtieġa japplikaw direttament u għaldaqshekk il-Gvern Malti m'huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni mitluba ta' kemm applikaw Maltin u f'liema pożizzjonijiet. Fl-ewwel sejħa kien hemm Malti wieħed li ġie shortlisted għall-post ta' Viċi Kap għad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropeja fiċ-Ċina u li finalment ma ntagħżilx. Informazzjoni għat-tieni sejħa ma jistax jiġi pprovdut minħabba li l-proċess ta' għażla għadu jrid jibda.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Kuntratt ta' pubbliċità

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq nifnorma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji mitlubin huma kollha fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Staff

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tiegħu li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin hawn tmien (8) konsulenti li jaħdmu minimu ta' 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta' sittin (60) siegħa fix-xahar. Id-dettalji huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Talbiet għal reduced working hours

Question

Jista l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm talbiet għal reduced working hours fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment separatament li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minnhom saru minn ħaddiema nisa u kemm minnhom saru minn ħaddiema rġiel? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista' jgħid fil-każ tar-rifjut tat-talba x'kienet ir-raġuni u fil-każ ta' talbiet pendenti f'liema stadju waslet it-talba?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f'dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm 6 talbiet għal Reduced Working Hours. Dawn is-sitt talbiet saru minn ħaddiema nisa u ġew milqugħa kollha.

Ambaxxaturi Maltin

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-ambaxxaturi Maltin akkredituri għal stati barranin? Liema huma residenti barra minn Malta u f’liema pajjiż? Meta nħatru?

Response (BORG, TONIO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ftehim Kulturali tal-1967 bejn Malta u l-Italja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kulturali tal-1967 bejn Malta u l-Italja kif sussegwentement emendat fid-19 ta' Diċembru 2007? L-emendi daħlu fis-seħħ? Jekk le, għaliex? Kemm studenti Maltin gawdew minn dan il-ftehim? Meta se jiġi fis-seħħ il-XIII Executive Programme for Cultural Co-operation 10-12? X'għodod se jkun fih?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim relattiv tal-1967. Peress li l-bqija tal-mistoqsijiet jolqtu l-Kultura u ukoll l-Edukazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja rispettivament.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Staff

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Minisru għall-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers? Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tiegħu li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-Segretarjat Privat għandi 21 uffiċjal kif muri fuq tabelli A u B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-uffiċjali huma fuq kuntratt ta' sena mas-Segretarjat u s-salarji tagħhom huma skont kif muri fuq il-Guidelines for the Engagement of Staff for Ministers' Secretariat, li kopja tiegħu kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-4 ta' Ġunju 2008. Ninforma ukoll li ebda uffiċjal fis-Segretarjat ma jservi fuq xi board indikati fil-mistoqsija.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika, mid-data tax-xiri ta' Dar Malta f'Rue Archimede fi Brussell sal-lum, kemm daħħal il-Gvern Malti kull sena minn kirjiet lil terzi? Min kienu l-kerrejja? Għal kemm żmien? Kemm tħallsu l-kumpaniji ta' estate agency li ġew ingaġġati mill-gvern Malti biex jinstabu l-kerrejja? Jikkonsidra l-gvern li jagħmel pjan differenti dwar kif jista' jimtela l-ispazju vojt f'Dar Malta? Jistgħu jingħataw dettalji f'dan is-sens?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġiet tiswa Dar Malta fi Brussell biex tlestiet? Jista' jgħid ukoll jekk hijiex lesta kompletament? Jista' jgħid x'tip ta' revenue jew dħul ieħor il-Gvern Malti daħħal mill-binja ta' Dar Malta u cioe jekk kienx hemm xi trasferiment ta' parti mill-proprjetà kollha lil terzi kemm bi ħlas, kif ukoll mingħajr ħlas, u kemm kien il-ħlas jekk hu l-każ u min huma l-persuni li favur tagħhom sar dan it-trasferiment?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.