Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turżmu — Ħaddiema part-time

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati, għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu hemm jaħdmu 5 uffiċjali part-time.

San Pawl il-Baħar — Dawl matul il-promenade - Tiswijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jieħu l-passi neċessarji u jsiru t-tiswijiet meħtieġa biex id-dawl matul il-promenade ta’ San Pawl il-Baħar, mill-breakwater ta’ Buġibba sal-Qawra, ikun mixgħul kollu u ma jibqax ikun hemm qtugħ ta' dawl spiss kif qed jiġri bħalissa?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26142.

Buġibba — Xogħlijiet fil-Pjazza - Kumpens għan-negozji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-operaturi li għandhom in-negozju tagħhom fil-Pjazza ta’ Buġibba u fit-toroq tal-madwar talbux kumpens minħabba telf ta’ negozju fil-perjodu li matulu qed isir ix-xogħol fl-inħawi? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn it-talbiet ġewx ikkunsidrati/intlaqgħux u jekk iva, xi ħlas mistenni jingħata f’kumpens?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi filwaqt li l-implimentazzjoni tal-fażi kurrenti tal-proġett tal-Pjazza ta’ Buġibba hija f’idejn Infrastructure Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma’ rċiviet l-ebda talba ta’ kumpens minn l-operaturi msemmija.

Passaport diplomatiku Malti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19754, 20236, 20475 u 20814 u jagħti lista ta’ persuni li f’dawn l-aħħar għaxar snin kellhom passaport diplomatiku Malti, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Sena Passaporti Diplomatiċi 2015 158 2016 148 2017 104 2018 134 2019 92 2020 134 2021 148 2022 148 2023 201 2024 165

Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti — Kwistjoni tal-Invażjoni tal-Ukraina

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni ħadet pajjiżna fis-seduta quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ nhar il-24 ta’ Frar 2025 fil-kwistjoni tal-Invażjoni tal-Ukraina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif f’dawn il-jiem qed nimmarkaw tliet snin mill-bidu tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, Malta tibqa’ soda fl-impenn tagħha lejn is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Dan kien il-messaġġ li pajjiżna wassal waqt il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-24 ta’ Frar 2025 li huwa rifless fil-votazzjonijiet fir-rigward taż-żewġ riżoluzzjonijiet li ġew adottati dwar l-Ukrajna. Riżoluzzjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ pajjiżi Ewropej: L-Ukrajna, flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, ipproponew Riżoluzzjoni bl-isem “L-avvanz ta’ paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna”. Ir-riżoluzzjoni appellat għal impenn favur “is-sovranita’, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha” u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għal reati mwettqa taħt il-liġi internazzjonali, permezz ta’ “investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u indipendenti fuq livell nazzjonali u internazzjonali”. Din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 93 vot favur, 18 kontra, inkluż l-Istati Uniti u b’65 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, bl-esklużjoni ta’ pajjiż wiehed li vvota kontra. Riżoluzzjoni tal-Istati Uniti: L-Istati Uniti ppreżentat riżoluzzjoni oħra bl-isem “Triq għall-Paċi” li iffukat fuq it-tqanqil tat-telf tal-ħajja tul il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, fejn tenniet li l-iskop prinċipali tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa li żżomm il-paċi u s-sigurta’ internazzjonali u li ssolvi b’mod paċifiku t-tilwim u ssejjaħ għat-tmiem rapidu tal-kunflitt, filwaqt li tħeġġeġ paċi dejjiema bejn l-Ukrajna u r-Russja. Ir-Russja u l-Unjoni Ewropea ressqu emendi differenti għal din ir-riżoluzzjoni. Ir-Russja pproponiet li żżid il-kliem “inkluż billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħha” mat-tielet paragrafu (dwar tmiem rapidu tal-kunflitt). Din l-emenda ma ġietx adottata fl-Assemblea Ġenerali, b’31 vot favur, 71 kontra u 59 astensjoni. Li wieħed jinnota lis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kollha vvutaw kontra. Franza, f’isem numru ta’ Stati Ewropej (inkluża Malta), ipproponiet tliet emendi għar-Riżoluzzjoni tal-Istati Uniti, li żiedu referenzi għall-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja, is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna, u l-ħtieġa ta’ “paċi ġusta, dejjiema u komprensiva bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa skont il-Karta (Charter) tan-Nazzjonijiet Magħquda”. L-Assemblea Ġenerali adottat dawn l-emendi b’60 vot favur, 18 kontra, u 81 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat dawn l-emendi, flimkien ma’ 24 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. [1] L-Istati Uniti vvutat kontra l-emendi u astjeniet fuq ir-riżoluzzjoni tagħha stess. Il-verżjoni emendata tar-riżoluzzjoni tal-Istati Uniti ġiet adottata bi 93 vot favur, 8 kontra u 73 astensjoni. 26 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea inkluż Malta ivvota favur, filwaqt li pajjiż wiehed astjena. Stqarrija ta’ Malta Malta għamlet ukoll stqarrija waqt din il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali li mmarkat it-tielet Anniversarju tal-Gwerra tal-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna. Fl-istqarrija tagħha, Malta sostniet li paċi ġusta, dejjiema, u komprensiva fl-Ukrajna teħtieġ it-tmiem immedjat tal-ostilitajiet mir-Russja, flimkien mal-irtirar bla kondizzjonijiet u sħiħ tal-forzi militari Russi mit-territorju kollu tal-Ukrajna b’rispett lejn il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Malta esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-vjolenza sesswali u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u d-deportazzjonijiet sfurzati fl-Ukrajna, b’mod partikolari dwar it-trasferimenti tat-tfal lejn ir-Russja. _________________________ [1] L-Ungerija vvutat kontra u s-Slovakkja astjeniet. L-Italja vvutat favur imma ma ko-sponsorjatx.

Kummissjoni Għolja ta’ Malta fil-Kanada — Ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja ta’ pajjiżna fil-Kanada minn meta nfetħet sal-aħħar ta’ Diċembru 2024?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Ottawa ġewwa l-Kanada għaddejja mill-fażi inizjali tagħha. Il-Kummissarju Għoli Dr. Mark Pace ippreżenta l-kredenzjali tiegħu f’April li għadda. Għaddejja ħidma sħiħa biex jiġu stabbiliti l-funzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex il-Kummissjoni Għolja tkun tista’ topera bis-sħiħ. Bħala titjib fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejn Malta u l-Kanada saru diversi laqgħat introduttorji mal-awtoritajiet lokali. Il-Kanadiżi urew interess partikolari fl-irwol ta’ Malta f’organizzazzjonijiet multilaterali, bħall-Presidenza Maltija fil-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali fil-Commonwealth (Commonwealth Ministerial Action Group, CMAG), kif ukoll sabiex jibdew sensiela ta’ konsultazzjonijiet politiċi (Political Consultations). Il-Kummissjoni Għolja stabbilixxiet kuntatti ma’ Membri tal-House of Commons u s-Senat u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet għat-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari Kanadiż-Malti (Maltese-Canadian Parliamentary Friendship Group) bl-appoġġ ta’ Deputati Kanadiżi ta’ nisel Malti. Il-Kummissjoni Għolja qiegħda tikkopera ukoll mal-Malta Enterprise u mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta dwar it-tfassil ta’ strateġija għal relazzjoni bilaterali aktar b’saħħitha fl-isfera ekonomika. Qed tikkopera ukoll mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu sabiex tfakkar is-sittin sena anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta kif ukoll minn meta ġew stabbiliti r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada. Minn dan l-aspett, il-Kummisjoni Għolja qiegħda tagħti prijorita’ kbira lid-dijaspora Maltija. Ta’ min ifakkar li l-Kanada tospita t-tieni l-akbar komunita’ ta’ Maltin li jgħixu barra minn xtutna. Il-Kummissjoni għenet ukoll fl-identifikazzjoni tal-membri Kanadiżi fil-Kumitat tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet ukoll għaqda informali ta’ professjonisti, akkademiċi u artisti Kanadiżi-Maltin li jiltaqgħu għal laqgħat regolari, bil-għan li trawwem kuntatti bejn in-nies, skambji ekonomiċi u edukattivi. Ġew stabbiliti ukoll kuntatti ma’ Universita’ ġewwa Ottawa u qed isiru l-preparamenti għall-ewwel diskussjonijiet ma’ tliet fakultajiet ġewwa l-Università ta’ Malta.

Kemmuna — Sejħa għal operaturi ta’ gabbani tal-ikel u xorb

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa qabel is-sajf 2025 biex jintgħażlu operatur/i għall-gabbani tal-ikel u xorb u prodotti oħra f’Kemmuna?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25762.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu– Infiq fuq hospitality

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm intefqu flus bħala hospitality mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f'hospitality, id-data ta' meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f'hospitality?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-line item ta' hospitality fl-estimi finanzjarji tal-estimi tal-budget li kopja tagħhom diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turżmu — Ħaddiema full-time

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Ħaddiema neqsin mid-dawl

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm persuni neqsin mid-dawl jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u xi rwol għandhom?

Response (BORG, IAN)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-informazzjoni speċifika kif qed tintalab ma tinżammx għaliex hija materja privata u ta’ natura sensittiva.

Kemmuna — Kiri ta’ deckchairs u umbrelel

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa biex jintgħażlu operatur/i għall-kiri tad-deckchairs u umbrelel ġewwa Kemmuna qabel is-sajf 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ppubblika l-kuntratti tal-operaturi eżistenti, bħala l-ewwel pass ta’ dan il-proċess. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien ma’ awtoritajiet oħra, bdiet ukoll tevalwa l-kriterji meħtieġa għal sejħiet futuri, għas-sena 2026, bil-għan li jintlaħaq aktar bilanċ sostenibbli fl-użu ta' deckchairs u umbrelel, kif ukoll fl-operaturi ta' gabbani tal-ikel, xorb u prodotti oħra.

Legal Reform for the Tourism Industry

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid meta se jkun qiegħed jitressaq quddiem il-Kamra l-Abbozz ta’ Liġi bbażat fuq il-White Paper ippubblikata fl-2016 intitolata 'Legal Reform for the Tourism Industry’ liema riforma kellha ssir skont il-Politika Nazzjonali tat-Turiżmu għall-Gżejjer Maltin li tnediet f’Marzu 2015, in vista tat-tweġibiet mogħtija mill-Ministru preċedenti li oriġinarjament wiegħed li kellu jitressaq għad-diskussjoni qabel il-vaganzi tas-sajf tas-sena 2022, u sussegwentement imbagħad qal li se jkun qed jitressaq matul is-sena 2023?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-settur tat-turiżmu hu wieħed dinamiku, inħass il-bżonn li niffukaw fuq it-tibdil li hemm bżonn isir fis-settur tal-akkommodazzjoni, kemm dik kollettiva u kemm dik privata. Għaldaqstant qed isir xogħol fuq abbozz ta’ liġi li miexi b’ritmu tajjeb u b’konsultazzjoni ma’ diversi atturi prinċipali fis-settur. L-objettiv hu li dan ix-xogħol u abbozz ta’ din il-liġi ikun konkluż matul l-2025.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu għandu Direttiva waħda li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha taħbat fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025: Direttiva Skadenza Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 t’April 2024 dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ penali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva (UE) 2018/1673 20/05/2025 Din id-Direttiva għadha ma ġietx trasposta fil-liġi nazzjonali u għalhekk għadha pendenti.

Malta Eurovision Song Festival — Reklami minn Visit Malta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm kien hemm reklami tal-entità Visit Malta waqt il-Malta Eurovision Song Festival u kemm ġiet tiswa din l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25486.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Chairpersons

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid min kienu / huma ċ-chairmen/chairwomen tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk dawn humiex/kenux chairmen/chairwomen eżekuttivi jew le? Jista' jgħid ukoll: (a) Kemm damu / ilhom fil-ħatra ċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed / waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra bħal disturbance allowance, communications allowance, fully-expensed mobile telephony, free telephony, internet service, Car Allowance, Fuel Vouchers, use of car-hired car, use of government-owned car, tablets, laptops, Expertise allowance, disturbance allowance, shift allowance jew xi tip ta' allowance u / jew perkaċċi oħra (speċifika) ħadu / qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet biex imexxu dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga / grad? (f) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu / huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga / grad? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-chairmen/chairwomen?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22663, 22681 u 22689.

Visa — Ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx ċittadini ta' pajjiżi terzi li m’għandhomx bżonn visa biex jidħlu Malta u liema huma dawn il-pajjiżi? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pajjiżi li qabel ma kellhomx bżonn il-visa biex jidħlu Malta u issa għandhom bżonnha?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għad-domanda rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’ għandhomx bżonn viża sabiex jidħlu Malta, ta’ min wieħed jirrimarka li Malta hi parti miż-żona Schengen, u għalhekk issegwi l-liġijiet u r-regoli kollha kif miftihem mill-pajjiżi kollha li qegħdin f’ din iż-żona. Hemm għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li m’ għandhomx bżonn viża sabiex jidħlu f’ pajjiżna, u fiż-żona Schengen; dan kollu wara li sar qbil bejn l-Unjoni Ewropea u dawn il-pajjiżi terzi. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra dokument li jagħmel referenza għal dawn il-pajjiżi f’sezzjoni B tal-istess dokument. Għar-rigward tat-tieni domanda, nirrimarka li biex ċittadini ta’ pajjiżi terzi ikollhom l-eżenzjoni tal-visa sospiża għaż-żona Schengen, irid ikun hemm qbil bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni tittieħed taħt il-mekkaniżmu tas-sospensjoni tal-viża. L-uniku pajjiż li kellu l-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża sospiż kien Vanwatu. Iċ-ċittadini ta’ Vanwatu ġew meħtieġa jkollhom viża mill- 2022, meta l-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża bejn l-UE u Vanwatu tal-2015 ġie sospiż.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu attendejt u ġejt mistieden għal-laqgħat msemmijja hawn taħt fl-2025: 27 ta’ Jannar – FAC Brussell 24 ta’ Frar – GAC Brussell 17 ta’ Marzu – FAC Brussell 14 t’April – FAC Lussemburgu 29 t’April – GAC - Varsavja 7 – 8 ta’ Mejju – Gymnich – Varsavja 15 ta’ Mejju – FAC (Kummerċ) - Brussell 19 ta’ Mejju – FAC Brussell 19 – 20 ta’ Mejju – Forum Umanitarju Ewropew – Brussell 26 ta’ Mejju – FAC (Żvilupp) – Brussell 27 ta’ Mejju – GAC – Brussell 23 ta’ Ġunju – FAC Lussemburgu Barra min hekk, fl-14 ta’ Mejju 2025, ser nattendi l-Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa li ser issir ġewwa l-Lussemburgu, fejn hemmhekk Malta tieħu uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. Ġejt mistieden ukoll nippreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta fil-laqgħa tad-Deputati tal-Kumitat tal-Ministri fit-28 ta’ Mejju 2025 ġewwa Strasburgu. Ser nattendi wkoll il-laqgħa tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex nindirizza s-seduta ta’ Ġunju fl-irwol tiegħi bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Din se ssir bejn it-23 u s-27 ta’ Ġunju 2025.