Legislature:
Category:
Reset
Active:

pazjent li kellu jintbagħat l-orthopedic ward

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35922, jista' l-Ministru jara li dan l-anzjan jerġa' jiġi kkuntatjat għax suppost wara l-aħħar appuntament, kellhom jerġgħu jibagħtu għalih f'Ġunju imma s'issa għadu ma rċieva xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjent li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qiegħed taħt il-kura tal-konsulent tal-ortopedija minħabba li qed isofri minn uġigħ fuq in-naħa tax-xellug ta’ ġenbejh (hip). Huwa kien ġie operat fil-passat minħabba ksur f’saqajh fejn anke sarlu xi metall bħala parti mill-kura f’din il-parti ta ġismu. Sfortunatament il-pazjent żviluppatlu l-marda ta’ l-artrite fl-għadam ta’ ġenbejh u għalhekk issa għandu bżonn tibdil totali tal-għadam kollu ta’ din il-parti ta ġismu. Qabel ma din l-operazzjoni setgħet issir kien hemm bżonn li l-metall li kien sarlu fl-intervent preċedenti jitneħħa u dan tneħħa f’operazzjoni li saret fid-9 ta’ Frar 2012. Hija proċedura normali li wieħed irid jistenna minn tal-inqas sitt xhur biex il-feriti li jkunu ġew kkawżati minn dan il-metall ifiequ kompletament u tkun tista issir l-operazzjoni tat-tibdil tal-għadam fil-ġenbejn. Il-pazjent qiegħed fuq il-lista ta’ stennija u l-operazzjoni ser issirlu fix-xhur li ġejjin.

Casual Social Assistants

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 35265, jista’ l-Ministru issa jgħid jekk ir-riżultat tal-intervista li kienet saret għall-ingaġġ ta’ casual social assistants ħariġx? Jekk ħareġ meta u kemm ġew impjegati casual social assistants ġodda minn dawk li kkwalifikaw minn dak l-eżami? Jekk ir-riżultat għadu ma ħariġx, għaliex? Meta mistenni joħroġ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Social Assistants li ħarġet fl-2010 kienet intiża biex tagħti opportunita’ lil dawk li kienu diġa ġew ingaġġati bħala Part-time Social Assistants mal-Gvern sabiex jakkwistaw impjieg mal-Gvern fuq bażi regolari u permanenti. Biss, in vista tan-numru kbir ħafna ta' applikazzjonijiet li din is-sejħa attirat minn persuni li ma kienux diġa Social Assistants mal-Gvern, deher biċ-ċar li dan l-iskop ma kienx se jintlaħaq. Għaldaqstant il-Gvern daħal f'diskussjonijiet mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li qablet li għandha tirrakkomanda direttament li dawk kollha li kienu qed jaħdmu u jagħtu servizz tajjeb bħala Part-time Social Assistants mal-Gvern jingħataw il-ħatra ta' Social Assistant fis-Servizz Pubbliku. Dan sar f'Novembru tal-2010 u b'hekk ma baqax il-bżonn li jsir il-proċess tal-għażla skont is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32964, issa li għaddew aktar minn tliet xhur oħra u l-qagħda ta' dawn l-anzjani marret ferm aktar għall-agħar, jista' l-Ministru jgħid f'liema post tal-lista tal-istennija qegħdin sabiex jiddaħħlu fir-Residenza San Vinċenż de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ż-żewġ applikazzjonijiet imsemmija qegħedin fil-lista ta’ stennija ta’ Prijorità Għolja għar-Residenza ta’ San Vinċenz. Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jekk il-qagħda ta’ dawn l-anzjani marret ferm iktar għall-agħar għandu jsir “update” tal-applikazzjoni biex b’hekk terġa tidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni.

Sptar Mater Dei — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu konklużi r-riżultati tal-interviews li saru madwar seba' xhur ilu, għall-postijiet vakanti għall-kamra mortwarja fl-Isptar Mater Dei u awtopsji? Meta se jiġu impjegati dawk li kienu successful?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-riżultat għall-vakanzi msemmija diġà nħareġ, u li huwa mistenni li l-vakanzi approvati jiġu mimlija fi żmien qasir.

Sptar Boffa u Sptar Mater Dei — differenza fil-proċeduri

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex hemm differenza bejn il-proċeduri ta' eżami mediku u kura għall-pazjenti li qed isegwu kors ta' kemoterapija fl-Isptar Boffa u fil-MITU tal-Isptar Mater Dei, per eżemju, f'termini ta' assessment tas-saħħa kurrenti tal-pazjent qabel jingħata t-trattament fil-MITU tant li meta pazjent jirraporta li mhux qed iħossu għal kollox f’siktu, jingħata parir li jmur għand it-tabib tal-familja u dawn id-differenzi fil-MITU japplikaw ukoll dwar staff permanenti li jsegwi b'mod regolari l-andament tas-saħħa tal-pazjent, dwar kuntatt dirett tal-pazjent ma' konsulenti li jkunu in charge u dwar follow ups ta' pariri dwar l-istat tal-marda, kif jiġri fl-Isptar Boffa? Jista' jkun hemm organizzazzjoni aħjar fl-Isptar Mater Dei fl-appointments li jingħataw għall-kemoterapija peress li pazjenti ġieli qed ikollhom jistennew ħin twil, anki sigħat, ma' pazjenti oħra meta huma jbatu minn kondizzjoni li tagħmilhom aktar suxxettibbli minn ħaddiehor għat-tehid ta' infezzjonijiet, eċċ.?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li il-pazjenti li jidħlu l-MITU bħala day-cases ma jikkonsistux biss minn pazjenti li għandhom bżonn il-kimoterapija imma wkoll pazjenti li għandhom bżonn trattamenti oħrajn għall-kundizzjonijiet mediċi oħra. Għalkemm l-istaff kollu jagħraf li kemm jista jkun il-ħinijiet jiġu rrispettati, minħabba konkorrenza qawwija ta’ pazjenti u problemi oħra li jistgħu jinqalgħu minn ħin għall-ieħor, jista jkun li kultant xi pazjent/a idum iktar mis-soltu jistenna. Il-prassi li titħaddem bħallissa hi li l-pazjenti li għandhom bżonn il-kimoterapija jiġu assessed mit-tim ta tobba li qegħdin jieħdu ħsieb il-pazjent/a individwali, u jekk dawn il-pazjenti jkollhom xi kumplikazzjonijiet meta jkunu d-dar jistgħu jew imorru għand it-tabib tagħhom għal assessment jew jiġu l-Emerġenza fejn jarawhom it-tobba tal-post. Fejn ikun hemm bżonn, dawn it-tobba jikkomunikaw mal-Ematoloġista li jkun hemm on-call biex issir deċizjoni ta’ kif għandhom jiġu trattati dawn il-pazjenti u jekk hemm bżonn il-konsulenti jidħlu l-isptar (jekk ma jkunux diġa hemm) biex jagħmlu l- assessment huma stess. Madankollu, d-dipartiment konċernat qiegħed kontinwament jaħdem biex is-servizz li jingħata jkun iffukat fuq il-ħtiġijiet tal-pazjent.

Żejtun — day care centre

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn fid-day care center taż-Żejtun m'għadhiex issir it-tombla meta joħorġu lill-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li meta jkun hemm il-ħruġ miċ-ċentri ta’ matul il-jum u tintlagħab it-Tombla, irid jitħallas permess, skont il-Pulic Lotto Ordinance, ta' Euro 34.94 li jrid jinġabar mill-anzjani stess li jattendu u li jridu t-Tombla. Jekk ma jkunx hemm il-ġbir ta' Euro 34.94 din ma tistax issir għax ma tkunx vijabli.

Sptar Mater Dei — Pazjenti jistennew sodda fil-kuriduri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti li stennew korsija fl-ewwel 5 xhur tas-sena 2012 qabel dawn ma ngħataw sodda fis-sala li ngħataw il-kura fiha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-informazzjoni li nġabret mis-sistema tal- Patient Administration System tal- Isptar Mater Dei, in-numru ta’ pazjenti li stennew ġo sodda fil-kurutur sakemm ingħatalhom sodda fis-sala fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena (2012) huwa hekk: Xahar Nru. Ta' pazjenti Jannar 390 Frar 214 Marzu 76 April 59 Mejju 87 Il-kurutur imsemmi, jirreferi għall- Paediatric Corridor ġewwa d-Departiment tal-Emerġenża fl-Isptar Mater Dei.

Servizzi ta' out-patiens u in-patients

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex irċevew servizzi ta’ out-patients u in-patients separatament kull sena mill-2002 sal-2011 f’kull sptar tal-istat f’Malta separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont in-numru ta’ drabi li ngħataw servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' overdoze

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' overdoze matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' avelinament fl-ikel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' avelinament fl-ikel matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary, in-numru ta’ pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei kawża ta’ avvelenament fl-ikel (food poisoning) f’ l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, bejn Jannar u Mejju ta’ 2012 kien ta’ 35 persuni. Fit-terminu “ food poisoning ” huma inklużi wkoll infezzjonijiet tas-sistema gastroenteroloġika kkawżati minn viruses li jistgħu jkunu trasmessi mill-ikel (ICD-10 codes: A00-A09 u T61-T62). Importanti li wiehed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fis-swali tal-Isptar Mater Dei. Informazzjoni dwar sptarijiet privati ma tinġabarx.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' abbuż sesswali fuq minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' abbuż sesswali fuq minorenni matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur mid-dipartiment tal-Pedjatrija tal-Isptar Mater Dei irriżulta li kien hemm erba’ każijiet ta’ minuri li ddaħħlu bħala pazjenti ġewwa l-Iptar Mater Dei kawża ta' abbuż sesswali matul l-ewwel sitt xhur tas-sena. Dawn kienu kollha tas-sess femminil u l-etajiet ta’ dawn il-pazjenti kienu kollha taħt l- erbghatax il-sena. Ta’ min jinnota li ħafna drabi meta jseħħu dawn il-każijiet ikun hemm biss suspett li jkun sar abbuż. Wara li l-każ jiġi nvestigat mis- social workers u l-professjonisti li jkunu qed jieħdu ħsieb il-każ tkun tista’ tintlaħaq konklużjoni dwar jekk in-natura tal-inċident kienitx waħda ta’ abbuż. Ta’ min wieħed ikun jaf li fil-maġġoranza tal-każijiet li jkunu qed jiġu nvestigati minħabba f’ allegazzjoni ta’ abbuż, ma jkunx hemm bżonn li l-vittma tal-allegat abbuż tiddaħħal l-isptar għall-kura u l-każ jiġi nvestigat fil-kommunita’.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' vjolenza fuq l-anzjani matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma tistax tingħata informazzjoni dwar in-numru ta' persuni li daħlu l-Isptar Mater Dei minħabba fi swat u/jew vjolenza fuq anzjani matul l-ewwel sitt xhur tal-2012. Wieħed għandu jkun imgħarraf li fl- Electronic Case Summary/ Hospital Activity Analysis System jiġi mniżżel biss dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tas-swat u/jew vjolenza fuq anzjani bla ma jkun hemm referenza għall-fatt li jkun seħħ swat u/jew vjolenza fuq l-istess anzjani.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' vjolenza domestika matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (MDH) u l-Electronic Case Summary, kien hemm persuna waħda li ddaħħlet l- Isptar Mater Dei kawża ta' vjolenza domestika (ICD Code: Y07.0 – Y07.9) bejn Jannar u Mejju tal- 2012. Ta’ min wieħed ikun jaf li jista’ jkun hemm każijiet fejn ikun hemm suspett ta’ vjolenza domestika pero’ il-każ ikun għadu qed jiġi investigat u għalhekk ma jkunx irreġistrat. Kif ukoll minħabba li n-natura ta’ dawn l-inċidenti hija waħda daqshekk sensittiva, din l-informazzjoni tista’ ma tkunx imniżżla fl- Electronic Case Summary. Tajjeb li wieħed jagħraf li jkun hemm ukoll każijiet ta’ persuni li allegatament ikunu sofrew minn vjolenza domestika u jingħataw il-kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza mingħajr ma jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar bħala inpatients . Informazzjoni fuq sptarijiet privati ma tinġabarx.

sptar tal-onkoloġija — parking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li qed jinbena sptar ġdid tal-onkoloġija ħasibx biex persuni li jkunu se jagħmlu użu minn dawn is-servizzi u l-familjari tagħhom ikollhom fejn jipparkjaw? Jista' jgħid jekk huwx se jinbena xi car park ieħor ħdejn l-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentru tal-onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei se jkollu numru ta’ postijiet għall-parkeġġ sabiex persuni u viżitaturi li jkunu ser jagħmlu użu mis-servizzi taċ-ċentru tal-onkoloġija u l-familjari tagħhom ikollhom fejn jipparkjaw. Infakkar lil Onor. Interpellant li ċ-ċentru tal-onkoloġija huwa estensjoni tal-Isptar Mater Dei u l-faċilitajiet ta’ parkeġġ eżistenti tal-Isptar Mater Dei ser ikunu għad-disposizzjoni ta’ dawk li jużaw is-servizzi taċ-ċentru tal-onkoloġija. Madankollu il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qed tistudja l-possibilta’ li żżid il-parkeġġ tal-karozzi fuq sit biswit l-Isptar Mater Dei. Aktar dettalji dwar dan jingħataw hekk kif ikunu magħrufa.

Sptar Mater Dei — stennija ġol-holding bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħin ta' stennija li qattgħu l-pazjenti jistennew wara li jidħlu ġewwa l-holding bay fl-Isptar Mater Dei qabel ma jittellgħu ġewwa s-swali tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema parti eżatt tal-Isptar qed jirreferi għaliha.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — trasport tal-mediċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu li nħareġ it-tender tat-trasport tal-mediċini lis-spiżerija tal-Iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek? Qegħdin jiġu osservati r-regoli kollha tas-sigurtà u stabbiltà tal-mediċini f'dan it-tender?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tender ġie ippublikat f’Marzu 2010 u l-kunratt ingħata f’April 2011. Ir-regoli kollha tas-sigurtà u stabbiltà tal-mediċini qegħdin jiġu osservati.

Għawdex — mediċini miġbura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jiswew il-mediċini li reġgħu nġabru lura mill-ispiżeriji ta' Għawdex f'Ġunju 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f'Ġunju 2012 il-valur tal-mediċini li nġabru lura mill l-ispiżeriji ta' Għawdex huwa hekk: [a] €893.32 - valur ta’ mediċina skaduta jew damaged bejn Diċembru 2011 – Ġunju 2012 [b] €439.72 - valur ta’ mediċna biex tiġi redistribwita fi spiżeriji oħra [c] €29,502.89 - valur ta’ mediċina li nġiebet lura għaliex kien hemm dubju serju dwar jekk l-ambjent fil-parti fejn kienet qed tinġarr il-mediċina mill-kuntrattur kienx tali li seta’ jaffettwa fin-negattiv l-integrita’ tal-medinċi li kienet qed tinġarr dak inhar, jiġifieri fl-4 ta’ Ġunju 2012. Din id-deċizzjoni ittieħed b’responsabilita’ sabiex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-pazjent.

siringi għal min għandu d-dijabete

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li waslet biex persuni bid-dijabete li għandhom bżonn l-insulina, u li kienu intitolati għas-siringi issa qed jingħataw nofs l-ammont li kienu intitolati għalihom bir-riżultat li qed jiġu mġiegħla jużaw l-istess siringa għal erba' darbiet biex iwasslu għal meta jkun jerġa' jmisshom jieħdu siringi oħrajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura b’xejn permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mal-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Il-pazjenti dijabetiċi li japplikaw skond l-emendi tas-Skeda V fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318) u li parti mit-trattament tad-dijabete jikkonsisti minn insulina ser ikunu intitolati għal tletin siringa ta’ l-insulina fix-xahar minflok għaxra fix-xahar.

Sptar Mater Dei — każijiet ta' emerġenza kawża ta' xorb eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rikorrew għall-għajnuna medika fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei u oħrajn privati kawża ta' xorb eċċessiv matul l-ewwel sitt xhur tas-sena separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.