Legislature:
Category:
Reset
Active:

Noise pollution minn stabbiliment fi Triq Rue D'Argens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu dwar ilmenti formali li saru mir-residenti dwar noise pollution minn stabbiliment fin-naħa t'isfel ta' Triq Rue D'Argens anki fil-ħinijiet bikrin ta' filgħodu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal club li hemm fl-imsemmija triq, il-Pulizija nvestigat u ħadet passi fuq ir-rapporti li sarulha dwar storbju li kien ġej minn dan il-club. Fil-fatt ninsab infurmat ukoll illi nbdew proċeduri quddiem il-Qorti dwar dawn l-ilmenti

San Ġwann — Triq Mensija - probelma ta' ilma fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31381 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jiġi indirizzat l-ilment tar-residenti tat-triq twila u prinċipali, Triq Mensija ġewwa San Ġwann li jmur lura għadd ta’ snin u li anki l-kunsill lokali jafu bih, biex tiġi indirizzata l-problema tal-ilmijiet ikkawżati allegatament minn għoti ta’ tarmak fuq tarmak, li ħafna drabi qed iwassal għal flooding f’ħafna djar u anki bjar u btieħi tan-nies u dan b’żieda mal-ilmijiet li jkunu ġejjin minn triqat oħrajn fil-qrib?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Kunsill huwa konxju b’din il-problema li ilha teżisti minn qabel ma twaqqaf il-Kunsill Lokali San Ġwann. Is-soluzzjoni ta’ din il-problema tirrikjedi ammont sostanzjali ta’ riżorsi. Bħal kull entita' oħra l-Kunsill irid jistabbilixxi lista ta’ prijoritajiet li jkunu jistgħu jlaħħqu mar-riżorsi tiegħu.

Siġġiewi — Kostruzzjoni ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol ta' kostruzzjoni fi Sqaq nru 2, Triq San Gwann, Siġġiewi se jitlesta? Dan ilu għaddej xhur sħaħ b'inkonvenjent għar-residenti u jidher ċar li d-dewmien huwa kkawżat mill-kuntrattur li qiegħed idum biex jesegwixxi x-xogħol.

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li d-dewmien relatat max-xogħlijiet li qed isiru fi Sqaq Numru 2 fi Triq San Ġwann fis-Siġġiewi inqala’ minnħabba problemi tekniċi li sab il-kuntrattur. Persważ li l-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li l-maltemp li qed jagħmel f’dawn l-aħħar ġimgħat mhu qed jgħin xejn biex isir progress fix-xogħlijiet. Hekk kif it-temp jippermetti jitkomplew ix-xogħlijiet biex jitlestew fil-jiem li ġejjin.

informazzjoni dwar priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm daħlu priġunieri mis-sena 1992? Kemm minnhom daħlu fuq serq, traffikar ta' droga, użu ta droga, frodi, qtil, attentati ta' qtil u vizzji oħra każ b'każ u sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

kuntratti u servizzi relatati ma' perit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti u servizzi relatati lill-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw sepatarament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ngħataw xi kuntratti u servizzi relatati mal-perit li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.

Siġġiewi — Triq San Ġwann - xogħlijiet weqfin fi sqaq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex xogħlijiet li qed isiru mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fi Sqaq Numru 2 Triq San Ġwann is-Siġġiewi ilhom weqfin għal diversi ġranet b'dannu u periklu kontinwu għar-residenti li jgħixu f'dan l-isqaq?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 31884.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29833, ninsab infurmat illi fl-2011 kien hemm żieda ta' 7 impjegati oħra ġodda li kienu s-segwenti:- Segretarjat Permanenti: ICT contracts & Service Officer f'Diċembru tal-2011 li l-ingaġġ kien sar b'sejħa pubblika. Dipartiment tar-Reġistru Publiku u tal-Artijiet 6 skrivani, 3 fit-28 ta' Novembru, 2 fil-5 ta' Diċembru u 1 fis-19 ta' Diċembru tal-2011 li l-ingaġġ kien sar b'sejħa pubblika.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — Ageing Report Economic and Budgetary Projections

Question

Billi jidher li d-dipartimenti governattivi għaddejjin minn eżerċizzju mal-Unjoni Ewropea dwar it-2012 Ageing Report Economic and Budgetary Projections for The European Union Member States (2010 - 2060), jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar draft report ta' dawk id-dipartimenti li jaqgħu taħtu u li qed jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju? Jista' jgħid kemm huma l-projections ta' kull spiża ta' kull proġett imsemmi f'kull rapport?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment hu responsabbli għal dan l-eżerċizzju ta’ projections ekonomiċi u finanzjarji, nistieden l-Onorevoli Interpellant sabiex jidderġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.

applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għal-liċenzja tal-kaċċa matul l-2011 u l-2012 u kemm minnhom għadhom jistennew biex isirilhom l-eżami?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 612 l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-kaċċa, filwaqt li matul din is-sena kien hemm 79. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 54 li qegħdin fi stadju sabiex isirlhom it-test.

kunsilli lokali — informazzjoni dwar kuntratti ta' ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti ta' ġbir tal-iskart [bieb bieb], ġbir tal-iskart bulky (bieb bieb), knis ta' toroq u postijiet oħra pubbliċi u tindif tal-latrini li ngħataw mill-kunsilli lokali ta' Malta u Għawdex mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena, kuntratt b'kuntratt, lil min u b'kemm u t-tul ta' żmien li jkopri kull kuntratt? Jista' jgħid jekk dawn il-kuntratturi humiex jingħataw id-differenza fil-prezz għall-għoli tad-diesel u/jew fuel ieħor, kull meta jogħla l-fuel? Jista' jara li dawn il-kuntratti u d-dettalji msemmija fl-ewwel parti ta' din il-mistoqsija u kuntratti oħra li jistgħu jingħataw mill-kunsilli lokali, jibdew jiġu ppubblikati fuq il-website tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali bil-għan li jkun hemm trasparenza u dan għaliex dan huwa infiq ta' flus il-poplu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress illi l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Membru għadha qed tinġabar, it-tweġiba ser tingħata f'xi seduta oħra.

Parole Officers

Question

Peress li l-Ministru ddeċieda li jdaħħal fis-seħħ il-liġi li tikkonċerna l-parole, jista' jgħid jekk ġewx maħtura l-membri tal-bord tal-parole u jgħid min huma? Jista' jgħid jekk il-kumitati/bordijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-parole ġewx maħtura u jgħid min huma? Jista' jgħid ġewx appuntati l-parole officers?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-proċess għal-ħatra kemm dawk tal-membri fid-diversi bordijiet u kemm dawk tal-uffiċjali tal-Parole huwa mibdi u mistenni jiġi fi tmiemu fi żmien qasir.

parking fil-Belt għal mingħandu familjari residenzi fil-Belt

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-vantaġġi li għandhom ulied residenti anzjani Beltin fir-rigward ta' ipparkjar tal-vetturi tagħhom fil-Belt sew bħala ħlas fir-rigward ta' CVA kif ukoll bħala parking bays li jistgħu jkunu riservati għalihom b'mod partikolari f'ħinijiet meta s-sistema tas-CVA l-Belt tkun b'xejn għal kulħadd partikolarment bil-lejl u fil-weekends?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress illi s-sistema tas-CVA taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Imsida — ħarsien mill-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-Pulizija sabiex tiġi mħarsa l-bon ordni u l-paċi pubblika fi Triq Antonio Bosio, kantuniera ma' Rue D'Argens fl-Imsida, partikolarment minħabba n-numru ta' persuni barranin li għandhom id-drawwa jinġabru f'dan il-post?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi l-Pulizija tad-Distrett kellha dan l-ilment. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tagħmel ronda fl-inħawi msemmija għal kull ksur ta’ liġi li jista' jkun hemm.

inkjesta dwar mewt ta' priġunier

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta dwar il-mewt ta' priġunier li seħħet fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin aktar minn sena ilu u cioè fis-26 ta' Jannar 2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadha mhix konluża.

Pulizija f'kull distrett — surġenti u kuntistabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm surġenti u kuntistabbli tal-pulizija f'kull shift f'kull distrett?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22471.

MEUSAC — Grant Agreement

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma minn mindu ttieħdet id-deċiżjoni li l-kunsilli lokali li qed japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea mal-MEUSAC mhux qed jiġu mejgħuna sal-iffirmar tal-grant agreement?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

tibdil fil-kondotta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien biex persuna li tkun xi darba weħlet sentenza ta' prigunerija, u allura din tkun tidher fuq il-kondotta, din b'xi mod titneħħa jew tittaffa u dan sabiex persuni bħal dawn ma tibqax kważi impossibbli għalihom li jibdew ħajja ġdida u jkollhom impjieg? Jista' jikkonferma jew le jekk dan hux jiġri ma' persuni bħal dawn bil-kondotta mċappsa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta (Kap 77) diġa' tipprovdi dwar kundanni, inkluż dawk ta’ priġunerija, li ma għandhomx jitniżżlu fiċ-ċertifikati tal-kondotta kif ukoll iż-żmien meħtieġ sabiex kundanna ma tiġix reġistrata.

DNA meħud f'każijiet ta' paternità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-ħsieb li ssir il-bidla fil-liġi sabiex it-test tad-DNA jsir obbligatorju fejn ikun hemm każi ta' paternità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — Nadur - Triq Franġisk Attard - bozoz fit-triq

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Franġisk Attard fin-Nadur Għawdex qed jilmentaw li fil-parti ta' ġewwa tat-triq m'hemmx luminazzjoni fit-triq u peress li kien hemm okkażjonijiet meta sar vandaliżmu fuq il-proprjetajiet f 'din it-triq li anke nissel biża' fost ir-residenti, jista' l-Ministru jara li almenu jsiru l-bozoz f'din it-triq?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Nadur, illi biex tittaffa ftit mill-problema msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ċaqlaq lampa eżistenti biex l-area tkun mdawwla aħjar. Irid jngħad ukoll illi l-kunsill qed isib diffikultà/problema biex jagħmel lampa ġdida minħabba raġunijiet ta' proprjetà.

Pulizija duty f’fixed points — ilqugħ għall-kesħa u l-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jara jistgħux jittieħdu passi immedjati biex dawk il-Pulizija li jkunu duty f’fixed points, bħal ngħidu aħna qrib ċerti ambaxxati, jkollhom bieba għall-gardjola li tingħalaq bħala ilqugħ għall-kesħa u l-maltemp, kif spiss ikollhom membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, speċjalment billi hemm min ġieli jdum iservi aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa f’postijiet esposti għall-elementi kollha, b’mod partikolari f’jiem ta’ kesħa u maltemp?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni li ninforma lill-Kamra, il-gardjola qiegħda hemm sabiex il-Pulizija li jkun qed jagħti protezzjoni jew sigurtà, jkollu fejn iqiegħed l-affarijiet personali tiegħu u mhux biex joqgħod fiha huwa matul l-ħin tal-għassa. Dan sabiex jagħti l-aħjar protezzjoni u sigurtà fuq il-post lilu ordnat. Barra minn hekk, il-lum il-ġurnata l-istess protection duty qiegħda tiġi maqsuma b'shifts ta’ 4 sigħat kull għassa.