Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35687 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

reġistrar ta' tfal abbandunati

Question

Jista' l-Pim Ministru jgħid xahar b'xahar kemm kien hemm rapporti dwar trabi tat-twelid misjuba abbandunati f'Malta u f'Għawdex, jum b'jum tul is-sena 2009 u f'kull każ fejn instabu? Kif jiġu reġistrati trabi tat-twelid misjuba abbandunati? Min jirreġistrahom? Meta titwieled tarbija l-Isptar Mater Dei x'inhuma l-obbligi biex jiġi reġistrat it-twelid tagħha? Min hu obbligat jirreġistraha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi ma saru ebda rapporti lill-Pulizija dwar trabi tat-twelid misjuba abbandunati f’Malta u f’Għawdex matul is-sena 2009. Infurmat ukoll illi reġistrazzjoni ta’ trabi tat-twelid misjuba abbandunati ssir fir-Reġistru Pubbliku skont l-Artikli 287 u 288 tal-Kodiċi Ċivili, Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta. Għalhekk, meta tinsab tarbija, l-uffiċjal inkarigat mill-kitba tal-atti ta’ twelid, għandu, bil-għajnuna tat-tabib/tobba Distrettwali tal-Gvern, jagħmel att ta’ repert. F’dan l-att tat-twelid jew ta’ repert għandu jdaħħal l-età (fid-deher) u s-sess tat-tarbija, l-isem mogħti lilha mill-uffiċjal, il-lok fejn it-tarbija nstabet, il-persuna li f’idejha tingħata jew l-istitut li fih tiġi mqiegħda, jekk it-tarbija għandhiex xi marka li tidher, ix-xorta ta’ lbies u kull ħaġa oħra li tkun instabet fuq il-persuna tat-tarbija. Dan l-att għandu jiġi wkoll ippreżentat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku għar-reġistrazzjoni, bħal fil-każ ta’ att ta’ twelid. Skont l-Artiklu 272 tal-Kodiċi Ċivili, meta titwieled tarbija fl-Isptar Mater Dei, hu dmir tal-missier u tal-omm, u fin-nuqqas tat-tnejn, tat-tabib, kirurgu, qabla, jew persuna oħra li tkun tat l-għajnuna tagħha fil-ħlas, jew li f’darha jkun sar il-ħlas, li tagħti, fi żmien ħamest ijiem mit-twelid, avviż tiegħu lill-uffiċjal li għandu d-dmir li jikteb l-att ta’ twelid. Dan l-att għandu jiġi ppreżentat għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru Pubbliku. Il-partikolaritajiet li jkun fih l-att tat-twelid meta titwieled tarbija l-Isptar Mater Dei huma d-data tal-att stess; il-ħin, il-jum, ix-xahar, is-sena u l-lok tat-twelid; is-sess tat-tarbija; l-isem mogħti lit-tarbija. Iridu jitniżżlu wkoll l-isem, il-kunjom, numru ta’ dokument tal-identità, l-età, il-lok fejn twieldu u fejn joqogħdu missier it-tarbija, ommha, u l-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni. Informazzjoni dwar l-status ta’ omm it-tarbija titniżżel skont il-provvedimenti tal-Artiklu 278.
Leg 11 PQ #34875 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — persuni li jkollhom tpenġija

Question

Jista' l-Prim Ministru jekk iħossx li huwa anakroniżmu li persuni li jridu japplikaw biex jidħlu membri tal-Korp tal-Pulizija qed jinżammu milli jagħmlu hekk jekk ikollhom tpenġija fuq ġisimhom, anki f'partijiet mhux visibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34717. Madankollu ġa tlabt sabiex din il-klawsola tiġi evalwata anke fid-dawl ta’ applikazzjonijiet simili f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #35391 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Operaturi tal-bejgħ ta' ikel u xorb — permessi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 35142, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kundizzjonijiet kien hemm marbuta mal-permessi lill-operaturi ta' bejgħ ta' ikel u xorb? Kif intgħażlu dawk li ngħataw dawn il-permessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar bil-kundizzjonijiet li ġejjin. · Irid ikun hemm żewġ reċipjenti għall-iskart. · L-istand trid tintrama sitt (6) metri l’bogħod mill-entratura tal-post fejn ser issir l-attività. · L-applikant għandu jkun responsabbli għal kull danni li jistgħu jsiru lil terzi persuni waqt l-uzu tal- generators . · Ma jsirx ostaklu għat-traffiku u għan-nies li jużaw il-bankina. · Mal-ewwel intopp il-Kunsill Lokali għandu d-dritt li jirtira l-permess. · Irid jitħalla depożitu ta’ €116.50 li jiġi rritornat lura jekk il-post ikun fl-istess kundizzjoni li nstab. Infurmat ukoll li kull min japplika għandu d-dritt li jingħata l-permess.
Leg 11 PQ #35393 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — laqgħat trasmessi bir-radio jew internet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35139, jista' l-Prim Ministru jagħti dwar jekk hemmx kunsilli lokali li qed ixandru l-laqgħat tagħhom? Jekk hemm, liema huma? F'dawn il-każijiet qed jiġu osservati r-regoli tal-Kap 363 indikat fir-risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żebbuġ qed ixandar tali trasmissjonijiet. Intant niġbed l-attenzjoni li, kif spjegajt diġa fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35139, Kapitlu 363 li jirregola l-Kunsilli Lokali ma jispeċifika ebda regolamenti li jirregolaw trasmissjonijiet bir-radio jew l-internet tal-laqgħat tal-Kunsill Lokali. Tali trasmissjonijiet, huma regolati bid-dispożizzjonijiet u r-regolamenti nazzjonali tax-xandir, sakemm isir xort’oħra.
Leg 11 PQ #35431 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilità li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, u dekasteri li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu? Kemm huwa dan bħala persentaġġ tal-ħaddiema in ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi in-numru ta’ persuni b’diżabilità li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, dipartimenti u dekasteri huwa ta’ 5 persuni li hu ekwivalenti għal 0.18% tal-ħaddiema kollha.
Leg 11 PQ #35470 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — informazzjoni dwar impjegat

Question

Jista' l-Prim Minsitru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qabel spiċċat bl-età, kien ġie promos fil-kariga ta’ manager u riċentament ġie maħtur bħala advisor għall-ministeru kkonċernat fir-rigward tal-affarijiet interni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid kemm-il siegħa jaħdem, kemm qed jitħallas u fuq liema kriterju saret din il-ħatra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għaliha qed jagħmel referenza kienet nħatret Manager f’ Jannar tal-2011 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara sejħa maħruġa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Infurmat ukoll li l-persuna rtirat bl-eta’ f’Marzu ta’ din is-sena u nħatret bħala Adviser għat-Taqsima Kura u Re-Integrazzjoni tal-Faċilità biex tikkontribwixxi bl-esperjenza tagħha fil-qasam għad-dħul fis-seħħ tar-riformi marbuta mal-Att tal-Ġustizzja Riparatriċi. Din il-persuna qed taħdem medja ta’ 30 siegħa fil-gimgħa u titħallas €19,468 fuq bażi ta’ tnax il-xahar.
Leg 11 PQ #35492 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — contracts manager

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari 35238 u jgħid ir-raġunijiet għalfejn il-kunsilli indikati ma jużawx contracts manager?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35497 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Kunsill lokali — librerija pubblika

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta biċċa art żgħira 'l bogħod mill-bini tal-Iskola Primarja tal-Fgura se tkun devoluta lill-kunsill lokali sabiex ikun jista' jespandi a spejjeż tiegħu l-librerija pubblika f'dan il-lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura kien infurmat li t-talba tiegħu għad-devoluzzjoni msemmija ma ġietx aċċettata permezz ta’ ittra mill-Kummissarju tal-Artijiet, datata 8 ta’ Frar 2012. Infurmat ukoll li l-Kunsill rċieva din l-ittra fl-14 ta’ Frar 2012.
Leg 11 PQ #35500 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — applikazzjonijiet għal toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li kitbu lill-awtoritajiet kkonċernati rigward it-toroq li qatt ma saru fil-lokalitajiet tagħhom u li l-Gvern Ċentrali hu responsabbli għalihom? Huwa possibli li tibgħat meta saru t-talbiet minn kull kunsill lokali għal kull triq residenzjali li qatt saret? X'kienet ir-risposta tal-awtoritajiet ikkonċernati fuq kull triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-Kunsilli Lokali permezz ta’ Memo 24/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Leg 11 PQ #35502 Sitting 489 2012-06-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Public Private Partnership — toroq residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li fil-passat applikaw għall-iskema tal-Public Private Partnership għat-toroq residenzjali? Liema huma l-kunsilli lokali li l-gvern aċċetta t-talba tagħhom? Liema huma t-toroq kollha proposti minn kull kunsill lokali li jsiru minn din l-iskema tal-Public Private Partnership? Liema huma t-toroq kollha li s'issa saru b'din l-iskema tal-Public Private Partnership? Liema huma t-toroq li għadhom ma sarux imma ġew imwegħda li għandhom isiru? Meta mistennija jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li applikaw 46 Kunsill Lokali sabiex jagħmlu toroq fil-lokalitajiet tagħhom permezz tal-iskema tal-PPP. Infurmat ukoll li ma kienx hemm xi applikazzjoni li ma ġietx aċċettata. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella 1 li turi dan kollu. Magħha wkoll qed inpoġġi Tabella 2 li telenka t-toroq kollha proposti minn kull Kunsill Lokali. Tabella 3 telenka t-toroq kollha li saru sa issa bl-iskema konċernata, filwaqt li Tabella 4 tiġbor t-toroq li għadhom ma sarux imma mistennija li jsiru/jitlestew matul din is-sena.
Leg 11 PQ #35189 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — Staff klerikali li għandhom degree mill-Università

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm staff klerikali li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom degree mill-Università? Jista' jgħid x'inhi d-degree u f'liema dipartimenti qegħdin? Jista' jgħid jekk humiex nisa jew irġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li bit-terminu ‘staff klerikali’, l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal kategorija D, jiġifieri l-klassi klerikali li hi magħmula mill-gradi ta’ Clerk u Senior Clerk, hekk kif ikkontemplat fil-Classification, Regrading and Assimiliation of the Administrative, Executive and Clerical Grades in the General Service. Għaldaqstant ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35339 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

skemi li għalihom applikaw il-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema skemi li għalihom applikaw il-kunsilli lokali tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali, għadhom s'issa ma ġewx finalizzati l-evelwazzjoni tagħhom? Liema huma l-kunsilli li għandhom tali applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35360 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — sanzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fil-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-kunsilli lokali jeżistux sanzjonijiet kontra sindki u/jew segretarji eżekuttivi u/jew impjegati ta’ xi kunsill lokali li jinstab li jkunu taw tagħrif skorrett u mhux minnu lill-kunsilliera waqt laqgħa tal-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tali każijiet fir-rigward ta’ Segretarji Eżekuttivi huma regolati mill-Public Service Management Code, filwaqt li fir-rigward ta’ Sindku elett tali każ ikun investigat mill-Bord ta’ Governanza wara li jkunn hemm rappreżentazzjoni minn xi entità u/jew individwu.
Leg 11 PQ #35361 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

korrispondenza bejn il-PPCD u l-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha għaż-żmien bejn 1 Frar 2010 u 30 Ġunju 2010 li għaddiet bejn il-PPCD u l-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, tar-Rabat, Ħ’Attard, Ħal-Lija, Birkirkara, Santa Venera, Ħal-Balzan, Ħamrun, Furjana u tal-Belt Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba hija voluminuża ħafna u jeħtieġ ħafna ħin sabiex tinġabar. Ma nħossx li r-riżorsi għandhom jintużaw b’dan il-mod iżda fuq affarijiet oħrajn iktar produttivi. Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant teħtieġ x’informazzjoni partikolari, m’għandi ebda dubju li ngħin safejn possibbli.
Leg 11 PQ #35385 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru tal-Intern

Santa Venera — Ġnien Romeo Romano - siġar li qed jinqerdu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex is-siġar tal-larinġ li jinsabu fil-Ġnien Romeo Romano ta' Sta. Venera, li hu r-responsabilità tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera qegħdin jitħallew jinqerdu ftit ftit u dan għax il-ħaxix ħażin li ħonoq lil dawn is-siġar issa nixef u għalhekk f dawn il-ġranet sħan jista' jkun ta' periklu minħabba nirien li jistgħu jeqerdu l-istess siġar u l-madwar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera li fil-parti pubblika tal-Ġnien Romeo Romano m’hemmx siġar taċ-ċitru. F’Marzu 2012, beda x-xogħol ta’ tirqim tal-burduri (trimming tal-hedges) ta’ Lantana camara u Pittosporum tobira li jinsabu fil-passaġġi ta’ Ġnien Romeo Romano. Fil-Ġnien Romeo Romano sar xogħol ta’ ħrit u tħawwlu diversi xtieli tal-fjuri. Inqata’ wkoll il-ħaxix selvaġġ tal-ġnub tal-madwar u nżabru l- hibiscus u l- bougainvillea li jinsabu fil-passaġġ ta’ kif tidħol mit-Torretta. Għall-aħħar t’April, 2012, beda jinqata’ l-ħaxix selvaġġ li kien hemm fil-ġonna tan-naħa tas-Sienja, ir-Razzett, il-Mużew u n-naħa ta’ fejn hemm il-ġarar tan-naħal ( bee-hives ), fejn ix-xogħol għadu għaddej fuq dawn il-ġarar. Qed isir ukoll tisqija regolari tas-siġar kollha f’dan il-Ġnien u l-ġonna l oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill b’sistema ta’ irrigazzjoni. Wieħed irid jiftakar ukoll illi matul din is-sena x-xita kienet abbundanti u għalhekk tela’ ħafna ħaxix selvaġġ f’perjodu relattivament qasir. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera qed ikompli jneħħi l-ħaxix selvaġġ li fadal.
Leg 11 PQ #35457 Sitting 488 2012-06-11 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru tal-Intern

Żurrieq — lokazjoni tal-binja tal-għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe ftehim jew kuntratt, jekk hemm tal-lokazzjoni tal-binja li llum hi mikrija mill-Kummissarju tal-Pulizija jew mill-gvern u tintuża bħala Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-traskrizzjoni tal-kuntratti mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #35108 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Mosta — Triq l-Istringell u Triq id-Dawr - tarmac

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp f'dawn l-aħħar ftit ġimgħat dwar dak li se jiġri rigward ir-resurfacing tat-Triq l-Istringell u Triq id-Dawr ġewwa l-Mosta minħabba l-fatt li r-residenti għandhom qed iħabbtu wiċċhom ma' toroq mimlija torba u ħofor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Bord ta’ Inkjesta qiegħed jinvestiga l-materja tat-toroq in kwistjoni. Hekk kif tintemm l-inkjesta nkun nista’ nagħti d-dettalji li jirriżultaw.
Leg 11 PQ #35237 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — nies li jagħmlu xogħol ta' perit

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ perit mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, Tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m’hemm ebda kuntratt, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra xi kitba oħra li jista’ jkun hemm u l-kriterija li ntużaw biex tintagħżel il-persuna kkonċernata u kemm dawn jitħallsu fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Intant infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor kopja tal-kuntratti mitluba mingħand il-kunsilli lokali rispettivi. Inkun nista’ npoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jintemm dan l-eżerċizzju.
Leg 11 PQ #35238 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — contracts manager

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jagħmlu xogħol ta’ contracts manager mal-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, is-Swieqi, Sta Venera, il-Belt Valletta, Ħal-Lija, Tas-Sliema, l-Imtarfa, Ħal-Kirkop u San Pawl il-Baħar u l-kuntratti tagħhom? Jekk m’hemm ebda contracts manager, jista' jagħti lista’ tal-kunsilli li ma jużawx dan is-servizz u raġunijiet għalfejn dawn ma jużawx contracts manager?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Intant infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor kopja tal-kuntratti mitluba mingħand il-Kunsilli Lokali rispettivi. Inkun nista’ npoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jintemm dan l-eżerċizzju.
Leg 11 PQ #35253 Sitting 487 2012-06-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali tal-Imsida — servizz ta' perit

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35069, kif ukoll għal fini tal-korretteza, jista' l-Prim Ministru jinformani biċ-ċifra ta' flus globali li rċeviet il-kumapnija msemmija u li tagħha l-persuna in kwestjoni huwa ukoll ir-rappreżentant tagħha ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.