Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #34403 Sitting 482 2012-05-29 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

applikazzjonijiet għal post ta' għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se joħorġu l-applikazzjonijiet għal post ta' għalliema mal-iskejjel tal-gvern, liema applikazzjonijiet normalment joħorġu f'Marzu jew April?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-proċess biex toħroġ is-sejħa beda. Is-sejħa mistennija toħroġ fil-futur qarib. Ta’ min jgħid li s-sena l-oħra l-applikazzjonijiet għal ingaġġ ta’ għalliema ħarġu f’nofs Mejju.

MCAST — bini ta' hangar

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk fil-faċilitajiet tal-MCAST kellux jinbena hangar biex l-istudenti jagħmlu prattika fuq it-tiswija tal-ajruplani? Jekk il-Ministru tikkonferma, tista' tagħti r-raġuni għala dan il-hangar baqa’ ma sarx fil-faċilitajiet tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST kien oriġinarjament ippjana li jibni ‘hangar’ fil-Kampus Ewlieni tal-MCAST, f’Raħal Ġdid, biex fih iżomm ajruplan żgħir li l-MCAST juża għat-taħriġ tal-istudenti. Madankollu, xi xhur ilu, l-Kulleġġ talab lil għadd ta’ MROs (Aviation Maintenance and Repair Organisations) biex jassistu lill-MCAST billi jipprovdu taħriġ fuq il-lant tax-xogħol lill-istudenti, biex dawn ikunu jistgħu jakkwistaw il-prattika u l-esperjenza meħtieġa. Ħafna MROs laqgħu t-talba tal-MCAST u saħansitra offrew li jagħtu dan it-taħriġ mingħajr ħlas. Xi drabi, l-akbar diffikulta’ li kienu jiltaqgħu magħha l-MROs kienet in-nuqqas ta’ ajruplan li fuqu l-istudenti jkunu awtorizzati jagħmlu taħriġ. Għalhekk, ġie deċiż li l-ajruplan żgħir tal-MCAST jinżamm fl-Ajruport ta’ Ħal Luqa, biex dawn id-diffikultajiet jissolvew waqt li jiġi żgurat li l-istudenti qed jieħdu l-aħjar taħriġ possibli. Fid-dawl ta’ dan, l-MCAST ħass li l-bini ta’ dan il-‘hangar’ fil-Kampus tal-MCAST m’huwiex neċessarju f’dan il-mument hekk kif l-istudenti xorta waħda qed jirċievu taħriġ ta’ kwalita għolja fuq il-lant tax-xogħol.

MCAST — lezzjonijiet tal-istudenti għand kuntratturi

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk studenti full-time tal-MCAST humiex jintbagħtu biex jattendu għal-lezzjonijiet għand kuntratturi jew kumpaniji privati li ġew subcontracted jew imqabbda mill-MCAST għal dan il-għan minflok li jattendu għal-lezzjonijiet fl-istituti rispettivi tagħhom u r-raġunijiet għala dan sar jew qed isir, kors b’kors, kemm ilu mwaqqaf l-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Numru ta’ studenti ‘full time’ tal-Kulleġġ jintbagħtu għal lezzjonijiet għand xi kumpaniji ta’ taħriġ privati li ġew ‘sub-contracted’ jew imqabbda mill-MCAST għal dan il-għan. L-ingaġġ ta’ dawn il-kumpaniji sar taħt wieħed mill-programmi tal-MCAST ko-finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew tal-UE, li kellu l-għan li jżid ir-riżorsi ta’ tagħlim meħtieġa biex jilqa’ għaż-żieda sostanzjali ta’ żgħażagħ Maltin li jagħżlu karriera fis-settur tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). B’hekk l-MCAST ingħata r-riżorsi meħtieġa biex joffri taħriġ lil aktar studenti minn kemm kieku seta’ joffri mingħajr din l-għajnuna. Il-korsijiet li fihom l-istudenti qed jattendu għal xi lezzjonijiet għand kumpaniji privati imqabbda mill-MCAST huma: - Foundation Certificate in Computing, - First Diploma in Computing, - National Diploma in Computing (Software), u - National Diploma in Computing (ICT Systems Support).

MCAST — kumpaniji sussidjari

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kumpaniji sussidjarji tal-MCAST u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tad-diretturi u/jew shareholders ta’ dawn il-kumpaniji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST għandu kumpanija waħda sussidjarja, l-MCAST Gateway to Industry Ltd. L-ismijiet tad-diretturi u shareholders ta’ din il-kumpanija huma dawn: Diretturi Maurice Grech Emanuel Attard Vince Maione Helga Pizzuto Shareholders Malta College of Arts, Science and Technology Maurice Grech Is-Sur Clive Demicoli waqaf jokkupa il-kariga tiegħu ta’ direttur f’din il-kumpanija. Postu se jittieħed minn Dr Lorna Buttiġieġ.

MCAST — kumpaniji sussidjarji

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Articles of Association jew Statuti ta’ dawn il-kumpaniji jew entitajiet sussidjarji tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — kumpaniji sussidjari - audited accounts

Question

Tista' l-Minisru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts ta’ dawn il-kumpanjij jew entitajiet sussidjarji tal-MCAST minn mindu twaqqfu sallum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — kumpaniji sussidjari - rimunerazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar ir-rimunerazzjoni jew kull tip ta’ ħlas, kumpens, allowance, fringe benefits jew benefiċċju li għandhom iċ-chairman, diretturi u/jew dirigenti ta’ dawn il-kumpaniji jew etitajiet sussidjarji tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iċ-chairman, diretturi u/jew diriġenti tal-kumpanija sussidjarja tal-MCAST, l-MCAST Gateway to Industry Ltd ma jirċievu l-ebda forma ta’ rimunerazzjoni jew ħlas, kumpens, allowance, fringe benefits jew benefiċċju mill-istess kumpanija għas-servizzi li huma jagħtu lill-istess kumpanija.

Skejjel statali — btieħi u grounds li għadhom bis-cement jew art iebsa tar-ramel

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kull skola statali f'Malta li l-bitħa/ground tagħhom għadu bis-cement jew b'art iebsa tar-ramel? Meta hemm il-ħsieb li l-art tinkesa b'mod li ma tkunx iżjed perikoluża għat-tfal meta jilagħbu fuqha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — Foundation Course

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti rreġistraw għall-foundation course tal-MCAST u kemm minnhom temmew b’suċċess il-foundation course għal kull sena li ilu jsir dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — foundation course

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm mill-istudenti li rreġistraw għall-foundation course temmew xi kors full-time jew għadhom isegwu kors full-time fl-MCAST, sena b’sena kemm ilu jsir il-foundation course

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li dan ix-xogħol irid isir manwalment u jieħu ħafna ħin u riżorsi, l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.

MCAST — korsijiet full-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti rreġistraw għal korsijiet full-time fl-MCAST u kemm minnhom temmew b’suċċess il-kors li bdew, kors’ b’kors, minn kemm ilu jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #34855 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — tibdil ta' korsijiet

Question

Tista l-Ministru tagħti l-figuri tal-istudenti li bidlu minn kors full-time għal ieħor full-time, sena b’sena minn kemm ilu mwaqqaf l-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li dan ix-xogħol irid isir manwalment u jieħu ħafna ħin u riżorsi, l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.
Leg 11 PQ #34856 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — studenti li spiċċaw il-kors

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm minn dawn l-istudenti li bidlu kors full-time għal ieħor temmew l-aħħar kors b’suċċess fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li dan ix-xogħol irid isir manwalment u jieħu ħafna ħin u riżorsi, l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.
Leg 11 PQ #34917 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — spiża fuq korsijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32735, tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar l-ispiża tal-korsijiet fl-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċess dwar l-ispiża għal kull kors mogħti fl-Università ta' Malta għadu għaddej u l-ewwel riżultati ser joħorġu minn hawn u ftit ieħor. Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni li dan il-proċess jieħu ħafna ħin u riżorsi. Fil-fatt Universitajiet oħra li għamlu dan il-proċess ħadu, tal-anqas, tliet snin biex ħarġu l-ewwel riżultati u għadhom sa llum jirfinaw dan il-proċess sabiex joħorġu riżultati ħafna aħjar. L-Università ta’ Malta bdiet il-proċess is-sena li għaddiet u qiegħda tiddeka r-riżorsi li tista’ biex dan il-proċess isir malajr kemm jista’ jkun.

MCAST — Għalliema li jitolbu trasferiment

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-għalliema tal-MCAST jekk jitolbu trasferiment għal xi skola oħra tal-istat jitilfu s-seniority li jkollhom fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalliema li qed jgħallmu l-MCAST u qegħdin sekondati minn mal-Gvern jittieħdilhom is-snin li għallmu fl-MCAST bħala parti mis-seniority meta jirritornaw mad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi. Għalliema li huma impjegati direttament mal-MCAST ma jagħmlux parti mill-i Staff List tal-Gvern, u għaldaqstant ma teżisti l-ebda kwistjoni ta’ seniority jekk dawn jiddeċiedu li jirriżenjaw mill-MCAST biex imorru jgħallmu fi skola tal-istat.
Leg 11 PQ #34990 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Rapporti finali tal-eżami tal-benchmarking

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport finali tal-eżami tal-benchmarking tas-sena li għaddiet ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #34991 Sitting 481 2012-05-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kors tad-Diploma in Nursing — attendenza

Question

Tista' l-Ministru tinforma l-Kamra jekk hijiex edotta minn petizzjoni li ffirmaw 80 student tal-Kors tad-Diploma in Nursing (Intake 2010) wara li ħadd ma informahom fil-bidu nett li l-credit NUR 1212 An introduction to Health Promotion and Public Health Care kien jirrikjedi rata ta' attendenza eċċezzjonali ta' mija fil-mija (kontra attendenza ta' 80 fil-mija li korsijiet bħal dan normalment jirrikjedu) biex wieħed ikun jista' mbagħad joqgħod għall-eżami ta' dan il-credit? X'sistema kienet tintuża biex wieħed jaċċerta ruħu mill-attendenza tal-istudenti de quo? Waqt li huwa naturalment mixtieq li l-istudenti jattendu għal-lezzjonijiet u li jkun hemm rata ta' attendenza li tiġi prestabbilità u li tiġi inforzata, huwa sew li studenti jkunu mċaħħda milli joqogħdu għall-eżami minħabba rekwiżit straordinarju ta' attendenza fil-livell ta' mija fl-mija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-regolamenti tal-Universita’ ta’ Malta ma jistipulawx li l-istudent irid jattendi 80% ta’ l-istudy unit iżda li l-attendenza hija obbligatorja. L-istudenti huma skużati milli jattendu f’kaz ta’ mard jew għal ragunijiet li huma kkunsidrati ġustifikabbli, bil-permess tal-lecturer ikkonċernat. Dawn ir-regolamenti huma ppublikati fuq il-website tal-Università ta’ Malta u l-istudenti għandhom ir-responsabbilità li jinfurmaw ruħhom dwarhom biex ikunu jistgħu jimxu magħhom. L-istudenti l-ġodda kollha jiġu infurmati b’din ir-regola fl-ewwel ġimgħa li jidħlu fl-Università. L-attendenza għal dan l-istudy unit partikolari ġiet meħuda billi l-istudenti ffirmaw isimhom u l-karti ġew miġbura mill-lecturer fl-aħħar tal-lecture. Ir-rekwiżit tal-attendenza ma kenitx ta’ mija fil-mija; l-istudenti ma setgħux ifallu tliet lectures jew iktar mis-sitt lectures li kienu ntizi biex ikunu ppreparati għal dawn l-assessments, sakemm mhux għal xi raġuni valida.

Uniformijiet tal-iskejjel — items li huma generic

Question

Wara li ġiet konkluża l-investigazzjoni rigward l-uniformijiet mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk l-items tal-uniformijiet tal-iskejjel li għandhom jiġu klassifikati bħala generic u għalhekk m'għandhomx ikollhom disinn ikkumplikat? Tista' telenka kull item għal kull uniformi ta’ kull skola li l-awtorità tirrakkmanda li għanda tiġi kklasifikata bħala generic?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fis-Settur tal-Istat ħarġu Expression of Interest għal l-uniformijiet ta’ kull Kulleġġ. Dan il-proċess kien jinkludi speċifikazzjonijiet ta’ kull item li hemm inkluż l-uniformi ta’ dak il-Kulleġġ partikulari. Xi wħud mill-oġġetti huma ġeneriċi, jiġifieri ta’ kulur wieħed mingħajr l-ebda rakkmu, u oħrajn kienu speċifiċi. L-Expression of Interest tassigura li l-prezz tal-Uniformi sħiħa ġiet irħas, waqt li tat enfasi fuq il-kwalita’. Fid-disinn tal-Uniformijiet ġew konsultati diversi persuni tal-kulleġġ inkluż ġenituri, għalliema u studenti. Sadanittant qed tinġabar informazzjoni iktar iddettaljata kulleġġ, kulleġġ.

Investigazzjoni dwar l-uniformijiet tal-iskejjel — msytery shopping - prezzijiet

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif tul l-investigazzjoni dwar l-uniformijiet tal-iskejjel, l-Awtorità dwar il-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ħadet ħsieb l-aspett ta’ response bias fil-ġbir tal-informazzjoni u vverifikar tal-prezzijiet miġbura? Tista' tgħid kenitx implementata l-prattika tal-mystery shopping fil-ġbir ta’ informazzjoni? Jekk iva, għaliex ma kien hemm ebda referenza għal dan fir-rapport finali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Minstru kkonċernat.
Leg 11 PQ #34429 Sitting 480 2012-05-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Talba għall-Facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ ta' tfajla li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li se tispiċċa mill-Università u applikat għall-facilitator u għad ma kellhiex rispsota u hija għandha aktar ċertifikati milli mitluba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ learning support assistants jagħlqu fl-aħħar ta’ Mejju 2012. L-applikanti eliġibbli li applikaw f’Marzu, April u Mejju se jsirilhom l-‘Interview’ wara l-għeluq tad-data tal-applikazzjoni.