Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — persuni b'diżabilità impjegati fis-settur u fis-servizz pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b'diżabilità f'kull skala fis-settur u s-servizz pubbliku impjegati fid-dipartimenti, uffiċċji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — vetturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm vetturi mad-dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha? Tista' tgħid għal kull vettura skont in-numru, x'inhu l-użu tagħha u min jużaha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni barranin — working permits pendenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni barranin attwali li għandhom talba pendenti għall-working permits f'pajjiżna? X'nazzjonalità huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni barranin li għandhom working permit

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni barranin attwali li għandhom working permit f'pajjiżna? X'nazzjonalità huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għal working permits miċħuda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il applikazzjoni għal working permits ġiet miċħuda sena b'sena matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ working permits miċħuda fl-2010 kien ta’ 447-il applikazzjoni filwaqt li bejn Jannar 2011 sal-aħħar ta’ Settembru 2011 kien hemm 234-il applikazzjoni miċħuda.

Ħaddiema li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni/ħaddiema li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar disa' xhur tas-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' persuni/ħaddiema li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar disa' xhur tas-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-istatistika mitluba minnu ma tinżammx mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteri tiegħi. Peress li din l-istatistika tinżamm mill-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol nitlob lil Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru responsabbli.

ħwienet li abbużaw bl-iSmart Card

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu dawk il-ħwienet li tneħħew mis-sistema wara li nqabdu jabbużaw bl-iSmart Card? Liema kienu dawk il-ħwienet l-oħra li kienu sospiżi għal xi żmien minn din l-iskema minħabba abbużi simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minħabba li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura Kummerċjali u għalhekk tista’ tkun sensittiva ikun aħjar li din l-informazzjoni ma tingħatax. Madankollu għas-sodisfazzjoni tal-Onor Membru nista’ ngħaddilu l-lista b’mod privat.

MCAST — assentejiżmu

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26908, tista' l-Ministru tipprovdi r-rendikont mitlub?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rata ta’ assentejiżmu fl-MCAST għas-sena akkademika 2010/2011 ġiet kalkolata fil-livell ta’ 11.1%. Fl-istess sena, in-numru ta’ studenti reġistrati għall-korsijiet tal-ġurnata ( full-time ) matul is-sena akkademika 2010/2011 huwa ta’ 6072.

Benefiċċju tal-Qgħad

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma dawk il-persuni li jistgħu jieħdu xi benefiċċju tal-qgħad meta jgħixu mal-ġenituri anzjani?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull persuna li tkun ħallset ammont adegwat ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali bħala impjegata fl-aħħar sentejn tikkwalifika għal benefiċċju tal-qgħad irrispettivament jekk tkunx tgħix mal-ġenituri jew le. Tajjeb jiġi ċċarat li kull Għajnuna Soċjali inkluż Għajnuna għal Qgħad (Unemployment Assistance) jew Benefiċċju Speċjali għal Disimpieg (Special Unemployment Benefit) tingħata fuq bażi ta’ test tal-mezzi tal-familja. Kemm-il darba fid-dar mal-ġenituri ikun hemm joqogħdu single parents jew persuni separati/divorzjati, dawn jitqiesu bħala familja oħra f’dik id-dar u għalhekk it-test tal-mezzi tinħadem fuq id-dħul biss ta’ dawn il-persuni u t-tfal tagħhom (u jiġi eskluz mit-test tal-mezzi d-dħul tal-ġenituri). Fil-każ ta’ persuna waħedha (xebba jew ġuvni) dawn jitqiesu bħala parti mill-familja tal-ġenituri u għalhekk ikun irid jiġi kkunsidrat id-dħul kollu ta’ dawn flimkien mad-dħul tal-ġenituri u b’hekk x’aktarx ma jikkwalifikawx għall-Għajnuna jew Benefiċċju Speċjali msemmi.

PBS — nefqa fuq kull sett tal-aħbarijiet

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi statement ta' kemm intnefaq fuq kull sett tal-aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services mis-sena 1998 sas-sena 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PBS nefqet is-somma ta’ €30,409 bejn is-sena 1998 u s-sena 2010. Din in-nefqa tirrikkwarda s-sett tal-aħbarijiet li kien sar fis-sena 2007 għax skont l-informazzjoni li għandu l-PBS, darba biss sar sett tal-aħbarijiet bejn is-sena 1998 u s-sena 2010.

PBS — Spejjeż tas-sett tal-aħbarijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28156, tista' l-Ministru tippreżenta breakdown tal-ispejjeż tas-sett tal-aħbarijiet tal-PBS, li sewa lil pajjiżna s-somma ta' €98,700?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Furjana — Divizjoni tal-Edukazzjoni - cleaners part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed jaħdmu l-cleaners li hemm part-time fid-Divizjoni tal-Edukazzjoni, fil-Furjana, jiġifieri x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Min jiddeċiedi dwar dawn il-ħinijiet? Min jiddeċiedi kif jieħdu l-leave? Kemm għandhom sigħat ta' vacation leave u sick leave?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-part time cleaners jaħdmu 4 sigħat kull jum. Hemm minnhom jibdew fis-6.00am u hemm minnhom jibdew fit-8.00am. Min jidħol fis-6am jispiċċa fl-10am u min jibda fit-8am jispiċċa fil-12.00pm. Dawn jaqgħu taħt r-responsabilta tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi u l-ħinijiet ġew deċiżi skont l-esigenza. Il-Leave jittieħed skont it-talba li jagħmel il-ħaddiem u skont l-esiġenza tas-servizz. Dawn għandhom pro-rata vacation leave u sick leave.

għajnuna lill-foster carers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li qed jgħixu f'foster care? Kemm għandhom żmien it-tfal f'kull każ? X'għajnuna jgawdu foster carers mill-Agenzija Appoġġ, mill-Awtorità tad-Djar, mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali biex jittaffew problemi fl-oqsma konċernati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Att dwar it-Tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed jiġi abbozzat Att dwar it-Tfal (Children's Act)? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal u x'timeframes hemm biex jitressaq fil-Parlament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’dan il-waqt, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja ma ħoss il-bżonn li jabbozza Att speċifiku dwar it-Tfal, minħabba l-fatt li l-iskopijiet u l-għanjiet ta’ Att dwar it-Tfal huma rifletti f’diversi liġijiet oħra Maltin, bħal- Kodiċi Ċivili (Kap 16), il-Kodiċi Kriminali (Kap 9), l- Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Kap 285), l-Att dwar Foster Care (Kap 491) Att dwar il-Kummissarju tat-tfal u l-Att dwar il-Qorti tal-Minorenni (Kap 287). Barra minn hekk is-sena li għaddiet Malta għamlet l-emendi legali neċessarji biex rratifikajna il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament sesswali u abbuż, kif ukoll il-Protokoll b’Għazla tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-Bejgħ tat-Tfal, Prostituzzjoni tat-Tfal u l-Pornografija tat-Tfal. Permezz ta’ dawn l-emendi legali li saru wara konsultazzjoni mal-ufficju tal-Avukat Ġenerali u ġew approvati mill-Kabinet qabel ma rratifikajni dawn iż-żewġ istrumenti legali internazzjonali, Malta kompliet issaħħaħ l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f’pajjiżna. Barra minn hekk, tajjeb ukoll li nsemmi l-Abboz tal-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal, li ħa joħroġ għall-konsultazzjoni fil-11 ta’ Novembru 2011, iħares lejn id-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal minn perspettiva wiesgħa. F’dan l-abbozz il-Working Group li twaqqaf taħt dan il-Ministeru għamel ukoll rakkomandazzjonijiet ghal xi tibdiliet fil-ligi Maltija li jitrattaw it-tfal; għalhekk b’dan il-mod l-istess protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal li jista’ joffri Att dwar it-Tfal, li jista’ joħloq xi konfużjoni fit- traddizjoni tas-sistema legali Maltija, qed jiġi salvagwardjat permezz ta’ tisħiħ ta’ struttura legali li diġa teżiżti.

White Rocks — Proġett Sportiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnu l-proġett sportiv tal-White Rocks? Tista' tgħid jekk hux se jsir jew le? Jekk iva, meta mistenni li jibda? Jekk le, għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-negozjati dwar il-proġett tal-White Rocks Sports and Leisure Village għadhom għaddejjin. L-informazzjoni neċessarja tingħata meta n-negozjati jiġu konklużi.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — persuna tistenna xi flus

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' xebba, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna risposta mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali rigward flus li għandha tieħu u li ilha tistenna minn Diċembru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lil-persuna konċernata qed tiġi nfurmata rigward it-talba tagħha għall-Għajnuna Medika.

Raħal Ġdid: Skola Primarja u Sekondarja — Studenti bl-iscabies

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk fl-Iskola Sekondarja u dik Primarja ta' Raħal Ġdid hemm studenti bl-iscabies?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fl-iskola primarja ta’ Raħal Ġdid, id-Dipartiment tas-Saħħa ikkonferma li kien hemm 4 każijiet ta’ scabies. Dawn ġew mogħtija t-trattament meħtieġ.

Dipartiment tat-Taxxa — impjegati full-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm impjegati full-time reġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxa fl-2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Far — Ċentru ta' Matul il-Jum - attivitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni se tittieħed biċċa art li tintuża għall-attivitajiet sportivi għall-persuni b'diżabilità li jattendu ċ-Ċentru ta' Matul il-Jum ta' Ħal Far? Tista' tikkonferma jekk hux se jsiru radar jew jekk hux se jiġi stallat xi apparat ieħor ta' din ix-xorta? Jekk dan huwa l-każ, x'se jagħmel il-gvern biex dan it-telf jitpatta bi spazju ieħor biex dawn il-persuni jkollhom spazju addattat u adegwat għall-attivitajiet bħalma kellhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-biċċa art li tintuża għall-attivitajiet sportivi minn persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentru ta’ Ħal Far li parti minnha se tittieħed mill-allokazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja se tingħata lil ‘Malta Air Traffic Services’ biex jinbena sistema ta’ Radar neċessarju għall-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Din l-art ġiet identifikati mill-MEPA għal dan l-użu. Qed isiru l-arrangamenti biex tingħata biċċa art oħra proprjetà tal-gvern biex tintuża mill-persuni b’diżabilità flok dik li se tittieħed.