Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti fuq reati konnessi ma' moħqrija fuq l-annimali sena b'sena fl-aħħar ħames snin? X'piena ħadu f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, ċioe mis-sena 2007 'l hawn, kien hemm 66 persuna li tressqu l-Qorti b’reati konessi ma' moħqrija fuq l-annimali. Is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu priġunerija, liberta kondizzjonata, sentenza ta’ priġunerija sospiża, probation u multa.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-kuntratturi li ħadmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin matul is-sena 2010 u li għadhom ma tħallsux? Jista' jispjega jew jagħti raġuni għal dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2010 il-kuntratturi li ħadmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u li għadhom ma tħallsux huma Andrew Vassallo General Trading Limited, Gramm Plant Hire and Waste Serv Limited u CAS Colombo Plant Hire.
Infurmat ukoll illi d-dokumenti qegħdin fil-proċess li jinħadmu sabiex jitħallsu l-kuntratturi msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2010, fuq kemm-il persuna ntuża l-breathalyser? Kemm inqabdu li kienu 'l fuq mil-limiti permessi mil-liġi? Kien hemm min kien repeat offender għax inqabad aktar minn darba?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 146 sewwieq li sarlu t-test tan-nifs mill-Pulizija. Minn dawn 73 kienu posittivi, waqt li 38 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. Infurmat ukoll illi ma tinzammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fir-ranks differenti fil-Korp tal-Pulizija? Kemm suppost ikun in-numru ta' pulizija f'kull rank?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-complement fid-Distretti u Taqsimiet fil-Korp tal-Pulizija jinbidel minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet in ġenerali tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm infetħu inkjesti maġisterjali mill-bidu tas-sena sal-lum? Jista' jgħid kemm kienu u liema maġistrati huma inkwerenti f'dawn l-inkjesti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena infetħu 404 inkjesta, 392 f'Malta u 12 f'Għawdex. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dettaljata hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-faċilitajiet tal-forensika tal-Korp tal-Pulizija u jekk hemmx il-ħsieb li jiġu miżjuda?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fit-Dipartiment tal-Forensika tal-Korp tal-Pulizija, hemm dawn it-Sezzjonijiet:
Is-sezzjoni tal-Ballistika
Is-sezzjoni tal-Fotografija
Is-sezzjoni tal-Impronti Digitali (Fingerprints)
Is-sezzjoni tax-xena tar-reat magħrufa wkoll bħala Scene of the Crime
Is-sezzjoni tad-Dokumenti magħrufa wkoll bħala National Document Examination Unit
Infurmat ukoll li qed isiru preparamenti sabiex tiġi introdotta sistema ta’ DNA (Database Management System) u tinbidel is-sistema tal-AFIS (Automatic Fingerprints Identifiaction System) għal waħda ġdida.
Imsida — Swatar - Triq Giuseppe Calleja - karozzi pparkjati quddiem garaxxijiet
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji dwar l-ilmenti ripetuti ta' għadd ta' residenti ta' Triq Giuseppe Calleja, Swatar, Imsida li minħabba ħanut fl-istess triq li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed jispiċċaw b'ħafna karozzi regolarment ipparkjati quddiem il-garaxxijiet tagħhom kemm minn xerrejja kif ukoll minn distributuri li jissuplixxu lill-istess ħanut, bil-konsegwenza li ġieli jdumu biex ikunu jistgħu jużaw dawn il-garaxxijiet? F'każijiet oħrajn ġieli saħansitra ssirilhom ħsara lill-bankini u katusi tagħhom minħabba li billi l-ħanut m'għandux loading bay area spiss tintuża għall-istess skop il-parti ta' quddiem ta' dawn l-istess residenżi.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kien hemm rapport wieħed fl-Għassa tal-Imsida dwar ħsarat li ġarrbet vettura waqt li kienet ipparkjata fil-viċinanzi tal-ħanut imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Minn stħarriġ li għamlet il-Pulizija rriżulta illi waqt li għadda van li kien qed jagħmel xi deliveries għall-imsemmi ħanut minn ħdejn din l-vettura, infetħitlu l-bieba ta’ wara u laqtet lill-istess vettura. Għandu jingħad ukoll illi sabiex il-Pulizija tieħu passi dwar ostaklu ta’ garage irid ikollha r-rapport tas-sid.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26485, peress li ma ngħatax breakdown, jista' l-Ministru jgħid kemm miċ-ċitazzjonijiet kienu fuq rimi ta' skart?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena l-Pulizija ħarġet 754 il-ċitazzjoni relatati ma' rimi ta' skart.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament u l-voluntiera tiegħu ma kenux imwaqqfin jew trasferiti għal sezzjoni oħra fil-Protezzjoni Ċivili bħalma kienu l-unika tliet membri tal-Protezzjoni Ċivili li d-dettalji tagħhom ukoll qed jingħataw separatament sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni tal-pulizija fuq il-mewt tal-K9 Search and Rescue Dog, Sweety?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-perusni li qed isir referenza għalihom ġew trasferiti skont l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasferimenti li ġew mogħtija t-tliet membri li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament waqt li għadha għadejja l-investigazzjoni tal-pulizija, ingħatax biex jintefa' dell ikrah fuqhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari preċedenti ċioe' nuru 26905.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inqabdux kaċċaturi u nassaba li kienu qed jipprattikaw b'mod ħażin id-delizzju tagħhom matul l-istaġun tar-rebbiegħa tas-sena 2011? Jista' jgħid kemm kien hemm minn dawn u x'kienu qed jagħmlu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta' din is-sena kien hemm 53 persuna li nqabdu jiksru xi provvedimenti tar-Regolamenti dwar il-Kaċċa u l-Insib.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li hemm għadd ta' ħaddiema jaħdmu fid-detention services Ħal Far, speċjalment bħala security guards, li baqgħu bi status ta' casuals mingħajr ma qatt iffirmaw xi forma ta' kuntratt, minkejja li ilhom jaħdmu hemm xi ħames jew sitt snin? Kif jiġi stabbilit mingħandu jagħmel ix-xogħol ta' għassa minn barra l-area fejn ikun hemm id-detention centre members jew anke ġewwa f'nofshom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 25803 u 26497.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti irregolari li daħlu f'pajjiżna fl-2010? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin? X'kienet l-età tagħhom? Kemm minnhom kienu maskili u kemm minnhom kienu feminili? Jista' jagħti d-dati meta kien reġistrat dħul ta' immigranti irregolari f'pajjiżna?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22772, ninsab infurmat illi minn dawk is-47 immigrant irregolari li daħlu f'Malta, kien hemm 28 Somalu li kienu daħlu fit-18 ta' Lulju 2010 u kien hemm ukoll 3 Libjani u 16 Eġizzjani li kienu daħlu fis-17 ta' Settembru 2010.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi u miżuri ttieħdu sabiex ikun sorveljat id-distribuzzjoni tad-dmirijiet tal-membri tal-Korp tal-Pulizija bix-shift b'mod ġust u ekwu u biex ikun żgurat ukoll li dawk id-dmirijiet li jġibu magħhom benefiċċji jew rimunerazzjoni addizzjonali jiġu mqassma b'mod ekwu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi il-membri tal-Korp jaħdmu fuq xift ta’ madwar 46 siegħa fil-ġimgħa u jieħdu ġurnata frank kull tlett ijiem, wara li jkun ħadmu ta’ bil-lejl (9.00pm – 5.00am), l-għada wara nofs inhar (1.00pm – 9.30pm) u l-ġurnata ta’ wara ta’ filgħodu (5.00am – 1.30pm). Ix-xift jinkorpora fih ukoll żewġ sessjonijiet ta’ 4 sigħat fix-xahar ta’ taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija u ma jinbidilx jekk mhux f’każijiet eċċezzjonali. B’hekk il-membri tal-Korp ikollhom ix-xogħol tagħhom imqassam b’mod ġust u anke’ li jkunu jafu kif imisshom jaħdmu sa minn żmien qabel.
Barra minn hekk, id-Distretti u Taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija huma taħt inkarigu ta’ Assistanti Kummissarji, li fost id-doveri l-oħra, għandhom id-dmir li jaraw illi t-tqassim tax-xogħol fost il-membri tal-Korp, taħt il-kmand tagħhom, isir b’mod ġust u ekwu. Hemm ukoll il-Maġġuri li huma direttament inkarigati mit-tqassim tax-xogħol tal-ġurnata u huma wkoll fid-dmir u d-dover li x-xogħol jitqassam sew fost il-membri tal-Korp.
Malta Police Association — ħlasijiet lill-ex membri tal-korp
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim dwar ħlasijiet li qed ikun diskuss mal-Malta Police Association, hux se jkun japplika ukoll għal ex-membri tal-korp? Jekk le, dawn l-ex membri tal-korp kif se jingħataw dak li huwa tagħhom bi dritt?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26114 u ninsab infurmat li għar-rigward l-ex-membri saru rappreżentazzjonijiet mill-Għaqda Pulizija Pensjonanti.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu programmi oħra, qabel ma tiġi introdotta l-parole f'pajjiżna? Diġà jeżistu dawn il-programmi? Jekk m'hemmx, se jiġu ntrodotti programmi dwar il-problemi speċifiċi ta' anger management u għal sex offenders
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26161.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26485, peress li ma ngħatax breakdown, jista' l-Ministru jgħid kemm miċ-ċitazzjonjijiet kienu fuq moħqrija tal-annimali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena l-Pulizija ħarġet sitt ċitazzjonijiet relatati ma' moħqrija tal-annimali.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26485, peress li ma ngħatax breakdown, jista' l-Ministru jgħid kemm miċ-ċitazzjonjijiet kienu fuq drinking and driving?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena l-Pulizija ħarġet 81 ċitazzjonijiet relatati ma' sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Peress illi dan ir-reat jaqa' taħt il-kategorija dwar ksur tar-Regolamenti tat-Traffiku, dan l-ammont huwa inkluż fit-total li ingħata fit-tweġiba preċedenti, ċioe' Mistoqsija Parlamentari numru 26813.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26485, peress li ma ngħatax breakdown, jista' l-Ministru jgħid kemm miċ-ċitazzjonjijiet kienu fuq kliem oxxen?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba xhur ta’ din is-sena il-Pulizija ħarġet 203 l-ċitazzjoni relatati ma' kliem oxxen fil-pubbliku.