Legislature:
Category:
Reset
Active:

tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33300 u jgħid liema oqsma se jintlaqtu l-iktar ħażin u allura l-programm ppjanat se jkollu jinbidel fil-qasam tal-biedja u sajd minħabba nuqqas u l-qtugħ ta' flus li se jseħħ wara li fil-budget il-gvern kellu jerġa' jnaqqas €40 miljun minnu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33238.

Ħal Farruġ — klieb abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment tal-Animal Welfare se jieħu ħsieb l-għadd ta' klieb abbandunati fiż-żona ta' Ħal Farruġ u li ġieli kienu ta' periklu għat-tfal residenti f'din l-area u dan minkejja l-għadd ta' rapporti regolari li r-residenti jagħmlu lill-awtoritajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5673 fejn hemm indikat li diġà kienu tneħħew xi-klieb fiż-żona ta’ Ħal-Farruġ. Jista’ jkun il-każ li hemm numru ta’ klieb ġodda li minn żmien għal żmien qed jiġu abbandunati fl-akkwati. Minn dak ż-żmien saru wkoll numru ta’ spezzjonijiet fuq l-imsemmija żona u jirriżulta li hemm numru żgħir ta’ klieb li kienu qed jinżlu fiż-żona residenzjali għax kienu qed jiġu mitmugħa minn numru ta’ residenti. Dawn l-klieb qatt ma jkunu fl-istess post u jkunu qegħdin jiġġerrew minn żona għal oħra. Għaladqastant huwa kruċjali li r-rapporti jsiru lid-Direttorat għal-Ħarsien tal-Annimali immedjatament kif ukoll li dawn r-rapporti jagħtu deskrizzjoni eżatta tal-ħin u l-post fejn jkunu jiġġerrew dawn l-klieb. L-ispezzjonijiet qed jsiru abbażi tar-rapporti li jsiru u fejn qed jinstabu klieb abbandunati li jistgħu jkunu ta’ periklu għar residenti dawn qegħdin jinġabru minnufih.

MEPA — capping fuq il-Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34119 u 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kawżi fuq awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-prezzijiet taċ-ċilindri tad-daqsijiet differenti tal-gass mis-sena 2008 sal-lum xahar b'xahar li bihom inbiegħu lill-konsumatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Ħal Farruġ — area għar-rikreazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi pjan biex tiġi organizzata area miftuħa għar-rikreazzjoni għat-tfal u għaż-żgħażagħ f'Ħal Farruġ f'Ħal Luqa u dan peress li hemm art li kienet fiż-żmien is-servizzi tintuża għal dan l-iskop u li tħalliet abbandunata u mitluqa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit imsemmi jaqa’ taħt il-kunsill lokali u għalhekk nistiednu jressaq din il-Mistoqsija lill-Onorevoli Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari li hu responsabbli mill-kunsilli lokali.

households li għandhom solar panels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn households li għandhom solar panels u f'liema lokalitajiet jinsabu? Jista' jgħid jekk dawn hux kollha bbenefikaw mill-inċentivi tal-gvern jew le? Kemm hija l-għajnuna li jagħti l-gvern? Il-gvern għandu informazzjoni dwar kemm jagħtu għajnuna pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li b’ kollox, f’ Malta u Ghawdex, hawn 5535 sistemi nstallati u awtoriżżati li minnhom 5335 ibbenefikaw minn incentivi tal-gvern. Il-gvern jaghti 50% tan-nefqa totali sa massimu ta’ €3,000. L-iskema addottata f’Malta (2006 u 2008) kienet simili bħal dawk addottati fl-Ingilterra, Awstralija kif ukoll America. Skont indikazzjoni verbali mogħtija mill-PPCD (Ippjanar u Koordinament ta’ Prijoritajiet fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru), fl-Ewropa m’hemmx skemi bħal taghna għall-istallazzjoni ta’ pannelli Fotovoltajiċi li jinvolvu fondi tal-Unjoni Ewropea. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bil-lista tal-ammont ta’ sistemi fotovoltajici skont il-lokalitajiet rispettiv.

Nefqa għar-riklamar ta' prodotti agrikoli lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33593 u jagħti breakdown ta' kemm kienet in-nefqa għar-riklamar ta' prodott/prodotti agrikoli lokali matul l-2011, inkluż laħam u ħalib?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Ministeru ilu għal dawn l-aħħar snin jippromwovi l-prodott frisk lokali f'kull opportunità li tinħoloq kemm f'attivitajiet kif ukoll fi programmi televiżivi u r-radju. Dan mhux dejjem ikun jinvolvi ħlas. Permezz ta’ fondi kemm lokali kif ukoll minn fond ital-Unjoni Ewropea biex jikber l-għarfien tal-prodott frisk lokali fosthom billi jkunu organizatti festi ta' dak li hu Naturalment Malti. Filfatt f'4 snin saru mal-20 festa agrikola li jiffokaw fuq oqsma agrikoli partikolari bħal ma huma l-festa tal-qaqoċċ li saret f'Ħaż-Żabbar, Festa tal-Ħalib fil-Għagħur, il-Festa tal-Majjal f'Haz-Zebbuġ u s-Siġġiewi u tant festi oħra. Intant, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li għaddejja kampanja promozjonali favur il-konsum tal-majjal frisk lokali b'koperazzjoni mal-koperattiva ta' min irabbi l-majjal. Nixtieq insemmi wkoll li din hija t-tieni sena ta' kampanja nformattiva mifruxa fuq 3 snin favur il-konsum tal-ħalib. Din il-kampanja hija eżempju ħaj tal-ħidma flimkien bejn il-Ministeru u l-Koperattivi fejn il-kampanja ta' nofs miljun ewro qed tkun iffinanzjata nofsha minn fondi Ewropej 30% mill-Koperattiva tal-Produtturi tal-ħalib u 20% mill-Gvern.

Esperti barranin fl-oqsma tal-biedja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33592 u jinforma jekk ġewx esperti barranin fl-oqsma tal-biedja u sajd matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jekk fl-affermattiv, f'liema oqsma? Min kienu? X'rapporti kummissjonaw? Jekk fin-negattiv, għaliex ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġu esperti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar erba’, għar-rigward ta’ żviluppi u riċerka fil-qasam agrikolu, il-punt fukali kien it-tkabbir ta’ prodotti addattati għall-ambjent lokali. Għal dan il-Gvern investa biex ikollna esperti lokali u li huma ferm midħa mal-ambjent lokali. Għal aktar dettal, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 34091, 15716 u 5322 għax-xogħol li qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Plant Biotechnical Centre f’ Tal-Kmand, u għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21211 rigward iċ-ċentru sperimentali għat-tnissil u tkattir ta’ siġar. Għar-rigward tal-Awtorità tat-Tmexxija, bejn l-2009 u l-2011 ġiet ikkummissjonata l-kumpanija Exodea Europe biex tfassal rapport rigward ir-regoli tal-programm Leader u biex tinħoloq l-istruttura u jkunu żviluppati l-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Fl-2011 l-Università ta’ Gloucestershire ġiet ikkommissjonata tagħmel rapport dwar ir-Riforma fil-CAP għal wara 2013. Fil-qasam tal-akwakultura l-esperti li ġew Malta kienu dawk li ġew minħabba il-progett tal Unjoni Ewropeja fuq ir-ricerka tat-tfaqqis tat-tonn; is-Selfdott Project. Dawn il-proġett żvolġa ruħhu bejn il-2008 u l-2010. L-esperti barranin involuti kienu mill-Grecja (Dr Constantinos Mylonas), l-Italja (Prof DeMetrio), Spanja (Dr Fernando de la Gandara), l-Izrajel (Prof Hillel Gordin) u Franza (Dr Cristian Fauvel). Waqt dan il-proġett, li Malta kellha rwol importanti ħafna, sar ħafna żvilupp u tfaqqas it-tonn għall-ewwel darba fl-Ewropa. Tajjeb ngħidu li Malta qiegħda min ta’ quddiem fl-Ewropa f’dan il-qasam ta’ ricerka u għalhekk ma kienx hemm ħtiega li jiġu ikkummissjonati rapporti. Min barra dan, is-sena l-oħra ġew żewġ esperti tal-akwakultura mill Universita ta’ Stirling (Mr John Bostok u Mr David Scott) biex jikkonsultaw mal-istakeholders waqt li kienu qegħdin jippreparaw l-abbozz tal-istrategija tal-akwakultura għal Malta. Fis-settur tat-trobbija tal-majjal il-Ministeru minn żmien għal żmien jingaġġa lis-Sur Brian Edwards biex jassisti lill-Koperattiva ta’ Min Irabbi il-Majjal fir-ristrutturar tal-irzizet u dwar is-settur in-generali sabiex dan isir aktar kompettitiv. Huwa ilu inġib Malta sa mill 2005 u periodikament dan jerġa’ jkun ingaġġat għal żminje qasir biex jiġi Malta biex jgħin lill-koperattiva.

skema ta' għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34282 u 33989 u jgħid kemm kien hemm skemi ta’ għajnuna ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea mill-2004 sal-lum għall-bdiewa f’Għawdex għal proġetti ta’ titjib bħalma huma, ġwiebi, bini ta’ ħitan ta’ sejjieħ, irziezet, passaġġi fil-raba, eċċ.? Meta daħlu fis-seħħ dawn l-iskemi u għal liema snin kienu japplikaw? X’ammont ta’ għajnuna ngħatat kull sena taħt kull skema skont in-natura tal-proġett u kemm bdiewa bbenefikaw taħt kull skema ukoll skont in-natura tal-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

splussivi fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jinżammux log books biex ikunu jafu kemm jintużaw splussivi fil-barrieri kull meta dawn jaħarqu l-isplussivi biex ikissru l-blat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura li hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Mosta — żona ta' Santa Margerita - tgħeżżiż

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex iż-żona ta' Santa Margerita fil-Mosta titgħeżżeż kull meta jaħarqu l-isplussivi fil-barrieri viċin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34188.

żona Sanata Margerita — tgħeżżiż mill-isplussivi li jintużaw fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-inkonvenjent li ż-żona ta' Santa Margerita titgħeżżeż kull meta jinħarqu splussivi ġewwa l-barrieri tal-viċin jistax jonqos u/jew jispiċċa għal dejjem? Hemm probabilità li jekk tintuża teknika differenti dawn it-tgħeżżiżiet jispiċċaw jew it-teknika użata hija din l-unika metodu li tinstab fis-suq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34188.

kwestjoni fuq panelli fotovoltaiċi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' dan il-konsumatur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qed jiġi mġiegħel li jaqla' żewġ pannelli fotovoltaiċi għaliex kien iddeċieda li jħallas għal tnejn żejda minn flusu biex iżid l-ammont ta' enerġija ġġenerata mid-dar tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta qed tinsisti li tneħħilu dawn iż-żewġ pannelli meta huwa ma rċeviex sussidju għalihom u ħallashom minn jeddu sena u nofs ilu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-linji gwida tal-iskema tal-Grants fuq panelli fotovoltaiċi jitkellmu b’mod espliċitu dwar l-istallazzjoni ta’ pannelli addizzjonali f’ Artiklu 12, Period of Operation. Dan jgħid: Installation of additional modules or removal of modules, changes to the modules or inverter, or changes in location and/or ownership are considered to be substantial and authorisations may only be granted in exceptional circumstances (example: sale of property, failure of module). Meta l-konsumatur applika għall-grant dan iddikjara li huwa qara, fehem, u qabel mal-kondizzjonijiet li hemm fil-linji gwida tal-iskema. Għaldaqstant huwa innegabbli li meta il-konsumatur waħħal pannelli addizzjonali dan mar kontra ir-regoli tal-iskema li ssottometta ruħu meta iffirma, kif ukoll kiser ir-regoli li jiggvernaw il-fondi tal-ERDF. Il-konsumatur mhuwiex eskluż li jkollu pannelli oħra basta li huwa jagħmel sistema separata għall-pannelli addizzjonali., jew inkella kif jiprovdu r-regolamenti wara ħames snin jistgħu jkunu installati pannelli addizzjonali. Jekk dan il-konsumatur ma jirregolax is-sistemi, dan ikun kiser il-kondizzjonijiet tal-iskema u għalhekk ikollu jirrifondi il-grant li ingħatatlu.

Belt — kiri tas-Saluting Battery

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar il-kirja tas-Saluting Battery fil-Belt? Jista' jgħid kif intagħżlet il-kumpanija li għandha dritt esklussivli tagħmel tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm qiegħed idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Saluting Battery fil-Belt kienet mgħoddija lill-Fundazzjoni Wirt Artna permezz ta’ Att Nutarili fis-26 ta’ Jannar 2009, nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura

Belt — kiri tal-Ġnien ta' Hastings u l-Barrakka t'isfel

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji tal-kirjiet li jeżistu fir-rigward tal-Ġnien ta' Hastings u l-Barrakka t'isfel fil-Belt? Jista' jgħid kif intagħżlu l-kumpaniji li għandhom dritt esklussiv li jagħmlu tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dawn il-postijiet u kemm qed idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ġnien ta' Hastings huwa amministrat mill-Kunsill Lokali tal-Belt u għaldaqstant nistiedenu biex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari. Rigward il-Barrakka t'isfel ninfurmah li ebda kumpanija m’ghanda dritt esklussiv għall-użu tal-Barakka t’Isfel. Kull min jixtieq jikri dan il-ġnien għal xi attività, jista’ japplika mal-MELP għall-użu tal-gnien. Jekk il-ġnien ikun vakanti u available allura il-kirja tkun approvata. Il-applikant jista’ imbgħad iqabbad lil min irid għall-armar, catering, mużika, etc. Il-kontribuzzjonijiet mogħtija jibqgħu jintużaw biss għaż-żamma u għat-titjib fil-istess ġonna. Ir-kontribuzzjoni tvarja skond x’tip ta’ attività ser isir, kemm ser ikun hemm nies mistiedna, hix attività privata jew miftuħa għall-pubbliku, u jekk il-kerrej hux kumpanija li taħdem bi qliegħ jew entità tal-gvern jew NGO.

San Pawl il-Baħar — Kennedy Grove - proġett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li huma mistennija li jitlestew matul din is-sena fl-inħawi ta' Kennedy Grove u s-Salina, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-proġett ghar-riabilitazzjoni tas-Salini inbeda u dan għandu jitlesta sa Settembru 2013. Bħalissa ix-xogħol għaddej b'ritmu mgħaġġel u qed isir ir-restawr tax-Ximenes Redoubt, ir-restawr tal-ħitan madwar is-salini u dalwaqt jinbeda il-bini tat-tinet tal-injam simili ta dawk li kien hemm f' qagħda ħażina ħafna ftit ta żmien ilu.

Ħlas ta' xogħol li jsir fl-irziezet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31501 u jgħid jekk ir-rata ta' €5.41 kull siegħa, li hija rata stabbilita mill-Unjoni Ewropea xi ħames snin ilu għall-ħlas tax-xogħol li jsir mill-proprjetarji tal-irziezet fl-istess irziezet tagħhom li jirrikorru għall-għajnuna, hijiex adegwata għaż-żminijiet tal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rata msemmija kienet stabbilita meta tnieda il-programm ta’ għajnuna finanzjarja għat-tul kollu tal-istess programm. Dan biex jkun żgurat li l-benefiċjarji kollha jirċievu għajnuna maħduma fuq l-istess kriteri sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni favur min japplika aktar tard. Wieħed għandu jiftakar li sakemm din l-iskema tibqa’ miftuħa, applikat għadu jista’ jitlob għajnuna finanzjarja għal xogħol li seta’ jkun sar fl-2008.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — allowances mħallsa lill-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32874 u jgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-aħħar sena ma kien hemm ebda ħlasijiet għal overseas service allowance imħallsa minn dan il-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu, ninsab infurmat li l-ħlas ta’ subsistence allowance kien ta’ €232.098. Rigward l-allowances l-oħra, peress li dawn jitħallsu bħala parti mill-paga, din l-informazzjoni barra li trid tinġabar manwalment u li għadha qed tinġabar, ninfurmah li l-informazzjoni mhix residenti fiżikament f’dan il-Ministeru peress li dan ix-xogħol isir fil-back office ġewwa Għawdex.

Esperti barranin fl-oqsma tal-biedja

Question

Jista' l-Ministru jinforma jekk ġewx esperti barranin fl-oqsma tal-biedja u sajd matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jekk fl-affermattiv, f'liema oqsma? Min kienu? X'rapporti kummissjonaw? Jekk fin-negattiv, għaliex ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġu esperti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.