Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Segretarjat għall-Gvern Lokali – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li li ma sarux pagamenti dwar xiri ta’ MacBook għas-Segretarjat Parlamentari.

Raħal Ġdid — Triq Sammat - Problema bl-ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-problema li qegħdin jiffaċċjaw numru ta’ residenti b’ilma tax-xita jidħol f’darhom fi Triq Sammat f’Raħal Ġdid wara li saret it-triq fejn jidher li l-qlib ma sarx sewwa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li ma rċieva l-ebda lment rigward problema bl-ilma tax-xita fi Triq Sammat.

Ħal Għaxaq — Triq it-Telleritu - Xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fi Triq it-Telleritu f’Ħal Għaxaq, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet tlestewx, kemm damu għaddejjin u kemm ġew jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Obbligi tal-patrimonju

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ fatturi/invoices u dettalji assoċjati li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali ħarġet biex jinġabru ‘obbligi tal-patrimonju’/‘heritage obligations’ kif mitluba fit-tabella annessa, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif infurmat mill-SCH l-informazzjoni mitluba u kif rikjesta ma tistax tkun fornuta minħabba restrizzjoni tal-protezzjoni tad-data.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Siti ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista kif mitluba fit-tabella annessa li telenka s-siti tal-iżvilupp, numru tal-applikazzjoni/permess, it-tip u n-numru ta’ features jew strutturi ta’ valur kulturali li ġew approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex jitkissru jew jinħattu, suġġett li jitħallas ‘obbligu tal-patrimonju’/‘heritage obligation’ u l-ammont tal-‘obbligu tal-patrimonju’/‘heritage obligation’ impost, mill-2014 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif infurmat mill-SCH l-informazzjoni mitluba u kif rikjesta ma tistax tkun fornuta minħabba restrizzjoni tal-protezzjoni tad-data.

MICAS — Membri tal-Bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord għall-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) u fuq liema kriterji ntgħażlu biex ikunu fuq dan il-bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-membri tal-bord huma s-Sinjura Phyllis Muscat bħala ċerpersin, il-viċi ċerpersin, Dr Georgina Portelli, u l-membri Dr Claire Cassar, s-Sur Francis Sultana, s-Sur Martin Scicluna, s-Sur Patrick Camilleri u s-Sinjura Gabriella Agius. Dawn in-nies intgħażlu fuq il-bazi tal-esperjenza tagħhom fil-karriera u l-kamp rispettivi tagħhom, li jinkludu l-arti u d-diżinn, l-edukazzjoni, il-management u l-finanzi, kif ukoll l-amministrazzjoni ta' proġetti kulturali infrastrutturali, kwalitaijiet neċċessarji sabiex jitmexxa x-xogħol estensiv li wassal għas-suċċess tal-Malta International Contemporary Arts Space.

MICAS — Għażla tal-artisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema linji gwida jew kriterji ġew applikati fl-għażla tal-artisti barranin u Maltin għall-esebizzjoni ġewwa l-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) (għall-inawgurazzjoni) jew jekk kinux sempliċement mistiedna? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm xi konsulenti tal-arti jew konsulenti oħrajn konsultattivi barranin involuti fil-proċess tal-għażla? Jekk iva, jista’ jipprovdi lista ta’ min huma u jipprovdi t-termini tal-ingaġġ tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-MICAS li bħala aġenzija tal-gvern stabilita bil-liġi, l-għażla tal-artisti internazzjonali u Maltin li jiffurmaw parti mill-programm artistiku tal-MICAS għas-snin li ġejjin, huma ggwidati u mnebbħa mid-dokument ‘MICAS Artistic Programme Policy’. Primarjament, il-MICAS hija instituzzjoni li turi d-distintività u l-ambizzjoni tagħha permezz tal-programm ta’ wirjiet tagħha u firxa ta’ attivitajiet pubbliċi u akkademiċi. Il-mandat legali tal-MICAS jiddikjara li dan huwa mużew internazzjonali, u għalhekk trid tiżviluppa u żżomm programm li huwa kkaratteriżżat mill-innovazzjoni u impenn lejn l-ogħla standards artistiċi u intellettwali - pari-passu mal-prassi ta' mużewijiet internazzjonali ta' kalibru. Sabiex tpoġġi lilha nnifisha fuq quddiem nett tat-tendenzi ġodda u xejriet emerġenti fl-arti kontemporanja, il-Kumitat Kreattiv tal-MICAS huwa magħmul primarjament minn professjonisti tal-arti b’konnessjonijiet fid-dinja internazzjonali tal-arti: immexxi mid-direttur artistiku Edith Devaney, kif ukoll mal-membri tal-bord Phyllis Muscat (ċerpersin eżekuttiv), Dr Georgina Portelli, u Francis Sultana (Ambaxxatur Malti għall-Kultura). L-għażla tal-artista internazzjonali Portugiża Joana Vasconcelos tifforma parti minn strateġija sabiex il-programm ta’ wirja jistabbilixxi lil MICAS internazzjonalment u jżomm il-pożizzjoni tiegħu fix-xena dinjija, kif ukoll jiġbed lejn Malta udjenzi li jfittxu destinazzjonijiet kulturali. Għal-kumplament, il-programm se jippreżenta skeda varjata ta’ wirjiet ambizzjużi li huma akkademiċi, iżda aċċessibbli għall-udjenzi tagħna. Il-wirjiet waħedhom ta’ artisti stabbiliti se jkunu bbilanċjati minn wirjiet ta’ gruppi magħżula bir-reqqa u opportunitajiet biex jintwera x-xogħol ta’ artisti emerġenti Maltin u internazzjonali.

MICAS — Artisti Maltin magħżula

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' artisti Maltin magħżula għall-wirjiet tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min għażilhom u l-proċess ta’ kif intgħażlu?

Response (BONNICI, OWEN)

Qabel xejn nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-eżebizzjoni unika li saret fl-2023, b’mod virtwali kif ukoll fil-ktieb stampat, ‘Between Sea and Land’. Dakinhar, qabel ma tlesta l-MICAS, ġiet varata eżebizzjoni ta’ ħafna artisti kemm emerġenti u veterani, bl-użu tal-VR headsets juru din l-arti – kemm ‘fiżika’ kif ukoll diġitali – fis-swali tal-MICAS (li dakinhar kienu għadhom lanqas tlestew) fuq il-pjattaforma diġitali Vortic. Ninsab infurmat mill-MICAS li l-artisti kienu: Caesar Attard, Matthew Attard, Norbert Francis Attard, Aaron Bezzina, Ruth Bianco, Vince Briffa, Austin Camilleri, Charlie Cauchi, Angelo Dalli, Patrick Fenech, Romeo Roxman Gatt, Anton Grech, David Pisani, Pierre Portelli, Teresa Sciberras, u Raphael Vella. L-għażla ta’ dawn l-artisti ġiet iggwdata mill-kumitat kreattiv tal-MICAS immexxi minn Edith Devaney, id-direttur artistiku tal-MICAS, fuq kriterju sabiex jintgħażlu artisti li kienu qed jaħdmu parzjalment jew kompletament f'forma diġitali, inkluża l-Intelliġenza Artifiċjali. M'hemmx għalfejn ngħidu li proġett ta’ din l-ambizzjoni u l-kumplessità jiddependi fuq l-għarfien espert u l-kreattività ta' ħafna nies. Dawn jinkludu l-kuratur indipendenti bbażata fir-Renju Unit, Jo Baring, li ġabet l-esperjenza konsiderevoli tagħha f'dan il-proġett, kif ukoll Dr Katya Borg, li kkontribwiet għall-għarfien tagħha tal-arti kontemporanja Maltija. Fl-2025, nhar d-9 ta’ Jannar, ġiet varata l-eżebizzjoni dwar Ray Pitrè bl-iskultura tiegħu Figure In Rods; u din is-sena, MICAS se torganiżża eżebizzjoni ta’ sitt artisti Maltin taħt tema komuni, mifruxa fuq it-tlett sulari tal-mużew.

MICAS — Artisti lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri hemm fis-seħħ biex jiġu żgurati artisti emerġenti lokali kif ukoll artisti veterani stabbiliti biex jingħataw opportunitajiet għar-rappreżentanza fil-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-MICAS li naturalment, il-konverżazzjoni dwar min hu ‘emerġenti’ u ‘veteran’ hija nnifisha diskussjoni kumplessa fuq livell internazzjonali, speċjalment fejn tidħol arti Maltija li forsi dejjem kienet nieqsa minn pjattaforma internazzjonali. Dan hu, wara kollox, l-għan tal-MICAS. Niġbed l-attenzjoni għall-eżebizzjoni unika li saret fl-2023, b’mod virtwali kif ukoll fil-ktieb stampat, ‘Between Sea and Land’. L-artisti kienu: Caesar Attard, Matthew Attard, Norbert Francis Attard, Aaron Bezzina, Ruth Bianco, Vince Briffa, Austin Camilleri, Charlie Cauchi, Angelo Dalli, Patrick Fenech, Romeo Roxman Gatt, Anton Grech, David Pisani, Pierre Portelli, Teresa Sciberras, u Raphael Vella. Hawnhekk wieħed jista’ jixhed għall-firxa motivata ta’ artisti hekk imsejħa ‘emerġenti’ u ‘veterani’. Ninsab infurmat ukoll li l-għażliet tal-kumitat kreattiv tal-MICAS mhumiex imnebbħa biss minn xi kunċett ta’ bilanċ, iżda kif hemm miktub fl-Artistic Programme Policy, kwalunkwe programm artistiku irid jiġi ġestit b’mod strateġiku sabiex ikun marbut mill-qrib max-xena tal-arti kontemporanja li dejjem tinbidel. Għalhekk, kwalunkwe wirja trid turi ambizzjoni, u xejra akkademika iżda filwaqt tkun aċċessibbli għall-udjenzi tagħna. Kwotazzjoni mid-dokument: “Il-wirjiet waħedhom ta’ artisti stabbiliti se jkunu bbilanċjati minn wirjiet ta' gruppi magħżula bir-reqqa u opportunitajiet biex jintwera x-xogħol ta’ artisti emerġenti”.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Baġit allokat u infiq għall-PR

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-baġit allokat u l-infiq għall-PR tal-Ministeru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-informazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ budget għall-PR huwa parti mil-line item rispettiv fl-estimi tal-budget li ngħatat kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Sponsorships u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, tal-benefiċċji ta' 'l fuq minn €2,500 għal kull għotja fis-sena 2023, u minn Jannar sa Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħata lil kull benefikant u kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili.

Ħal Tarxien — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien matul is-sena 2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien li rċieva 164 ilment mill-bidu tas-sena sal-ġurnata tal-lum. Dawn l-ilmenti u/jew suġġerimenti huma diversi u jinkludu refresh ta’ sinjali tat-toroq, tindif, annimali mejta, ġbir ta’ skart, qtugħ ta’ bozoz u qtugħ ta’ ħaxix.

Il-Fgura — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali tal-Fgura matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li rċieva total ta’ 1,151 bejn ilmenti u suġġerimenti mill-bidu tas-sena sal-ġurnata tal-lum. Dawn l-ilmenti u/jew suġġerimenti li fost oħrajn kienu għal manutenzjoni ta’ toroq u bankini, tindif, żbir, sinjali tat-toroq, ġbir ta’ skart goff, linji fit-toroq, ħsarat fid-dawl tat-toroq.

Santa Luċija — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li l-informazzjoni disponibbli tmur lura sal-aħħar ta’ Lulju 2024. F’dan il-perjodu l-Kunsill irċieva total ta’ 43 ilment. Dawn kienu dwar Bus Shelters, Housing Authority, servizz tat-trasport pubbliku, qtugħ ta’ bozoz, żbir ta’ siġar, wires mdendlin, ħsarat tal-ilma, ġbir ta’ skart, traffic management, tindif tal-ġonna u tindif tal-latrini.

Raħal Ġdid — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu lmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li rċieva total ta’ 506 bejn ilmenti u suġġerimenti mill-bidu tas-sena sal-ġurnata tal-lum. Dawn l-ilmenti u/jew suġġerimenti kienu għal refreshing ta’ markings, inspection chambers imkissra, bozoz maqtugħa, bankini mkissra, ħmieġ tal-ħamiem, ħofor fit-toroq, bżonn ta’ patching u tabelli mdawwrin.

Il-Gudja — Kunsill Lokali - Ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti u suġġerimenti għand il-Kunsill Lokali tal-Gudja matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fiex kienu jikkonsistu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li rċieva madwar 673 ilment u suġġeriment li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu dwar parkeġġ, ġbir ta’ skart u knis. Rċieva ukoll diversi suġġerimenti u lmenti matul ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin fil-proġett tal-pjazza.

Kunsilli Lokali — Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema mill-iskemi maħruġa mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2023 kienu maħsuba għall-Kunsilli Lokali? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli lokali applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi, maqsuma skema skema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni mitluba, kif mgħoddija lili mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Kunsilli Lokali — Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema mill-iskemi maħruġa mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 kienu maħsuba għall-Kunsilli Lokali? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli lokali applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi, maqsuma skema skema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni mitluba, kif mgħoddija lili mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Kunsilli Reġjonali — Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema mill-iskemi maħruġa mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2023 kienu maħsuba għall-Kunsilli Reġjonali? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli reġjonali applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi, maqsuma skema skema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni mitluba, kif mgħoddija lili mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Kunsilli Reġjonali — Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema mill-iskemi maħruġa mill-Ministeru tiegħu matul is-sena 2024 kienu maħsuba għall-Kunsilli Reġjonali? Jista' jgħid ukoll liema kienu l-kunsilli reġjonali li applikaw għal kull waħda minn dawn l-iskemi, maqsuma skema skema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni mitluba, kif mgħoddija lili mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.