Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lista ta' proprjetajiet li ġew devoluti lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjetajiet li ġew devoluti lill-kunsilli lokali f'din il-leġislatura? Għal liema skop ingħataw u kemm ġew mitluba jħallsu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li f’din il-leġislatura kien hemm 50 devoluzzjoni ta’ proprjetà lil diversi kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda Tal-Kamra Lista tal-proprjetajiet devoluta bid-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — flus f'konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jghid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

trattat tal-ACTA — effett fuq id-dipartiment tas-saħħa għall-mediċini

Question

B'referenza għat-trattat tal-ACTA dwar il-mediċini li ġie ffirmat f 'Tokjo mill-Unjoni Ewropea u mill-ambaxxatur Malti għan-nom ta' pajjiżna , jista' l-Ministru jinfurmani jekk sarx studju dwar kif dan se jaffettwa n-nefqa globali tad-dipartiment tas-saħħa għall-mediċini li jirrikjedu l-isptarijiet, ċentri tas-saħħa eċċ.? Jekk fl-affermattiv, min għamel dawn l-istudji u jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31788.

San Ġwann — Stefanotis Str - talba għal ġnien

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31099 li saret lill-Minsitru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u sisa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk qattx saret xi talba riċentement mill-Kunsill Lokali San Ġwann għad-devoluzzjoni tal-art f’Stefanotis Str, sabiex ikun jista' jsir ġnien pubbliku mill-kunsill kif kien oriġinarjament? Jekk iva, meta saru t-talbiet varji u x’kienet it-tweġiba uffiċjali min-naħa tal-Gvern Ċentrali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’għandu l-ebda talba mill-Kunsill Lokali San Gwann għad-devoluzzjoni tal-art f’Stefanotis Street biex ikun jista’ jsir ġnien pubbliku. Il-Kunsill Lokali San Ġwann kien biss talab informazzjoni dwar it-titlu tal-art in kwistjoni fl-14 t’Ottubru 1996 liem informazzjoni kienet ingħatat mid-Dipartiment. Madanakollu, id-Dipartiment għandu talba mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali sabiex isir proġett ta’ tisbiħ fi Triq Stefanotis għall-użu pubbliku datata 1 ta’ Settembru 2011, liem talba għadha qed tiġi kkunsidrata.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — Ageing Report Economic and Budgetary Projections

Question

Billi jidher li d-dipartimenti governattivi għaddejjin minn eżerċizzju mal-Unjoni Ewropea dwar it-2012 Ageing Report Economic and Budgetary Projections for The European Union Member States (2010 - 2060), jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar draft report ta' dawk id-dipartimenti li jaqgħu taħtu u li qed jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju? Jista' jgħid kemm huma l-projections ta' kull spiża ta' kull proġett imsemmi f'kull rapport?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Peress li l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment hu responsabbli għal dan l-eżerċizzju ta’ projections ekonomici u finanzjarji, nistieden l-Onor Interpellant sabiex jidderiġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.

Dipartiment tal-Artijiet — ittra mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Artijiet mhux qed iwieġeb għall-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li tweġiba għall-ittra lid-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ġiet mibgħuta f’dawn il-ġranet. Intant, il-kwistjoni dwar il-kumpens dovut għall-akkwist tal-proprjetajiet li ttieħdu mill-Gvern li jikkonsistu f’żewġ fondi separati, u li dettalji tagħhom intbagħtu separatament, ninforma lill-Onorevoli Membru li skont it-termini tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Proprjeta għal skopijiet pubbliċi, il-kumpens offrut lis-sidien ġie depożitat f’kont bankarju. Fil-każ tal-fond li qabel kien dar, hemm kawża pendenti quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ li l-istess sidien fetħu kontra l-Gvern biex jikkontestaw il-prezz offrut bħala kumpens għall-akkwist ta’ din id-dar. Fil-każ tal-fond l-ieħor li s-sidien kellhom għandhom b’ċens temporanju u li issa skada, is-sidien ma kkontestawx il-prezz offrut u għaldaqstant, id-dipartiment jista’ jikkonkludi l-ħlas tal-kumpens.

Għawdex — Għarb - kumpens għar-raba' meħuda biex titwessa' triq

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-porzjon raba', li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġiet meħuda biex titwessa' triq li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament fl-Għarb Għawdex u dan meta s-sidien tagħha ma ġew infurmati b'xejn u lanqas ħadd ma avviċinhom biex jieħu l-kumpens spettanti lilhom skont il-ligi u skont r-records jidher li l-esproprju sar mill-Ministru għal Għawdex u mhux mill-Kummissarju tal-Artijiet? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid kif u meta se jingħataw il-kumpens dawn in-nies?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31765.

kwestjoni dwar boathouse

Question

B’referenza għall-boathouse li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid taħt liema proċeduri din il-boathouse għaddiet lill-istess inkwilini li kienu ilhom disa' snin ma jħallsu kera għaliha u li kienet u għadha qed tiġi użata minn terzi, mhux bħala boathouse iżda bħala store għall-iscrap u ħwejjeġ oħra marbutin ma’ negozju ta’ restaurant li jinsab sovrappost għall-istess boathouse u dan tul dan il-perjodu kollu? Jista' jgħid taħt liema titolu reġgħet ġiet assenjata l-boathouse lill-istess inkwilini? Jista' jikkonferma li din il-boathouse reġgħet ġiet assenjata lill-istess inkwilin f’Jannar 2011 b’direct order u mingħajr talba għall-offerti b’tender pubbliku? Jista' jikkonferma li l-inkwilini ħallsu multa nominali mingħajr ma ġew imġiegħla jħallsu l-arretrati tal-kera?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Il-permess tal-boathouse ġie itterminat żmien ilu wara li mietet il-persuna li kellha l-permess f’isimha. Minn spezzjoni li saret riċenti irriżulta li l -boathouse baqgħet tiġi użata mill-armla tal-persuna li kellha l-permess fuqha u għalhekk id-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ permess ġdid lil armla b’kera ogħla kif normalment jagħmel f’każijiet bħal dawn. Dan il-permess kien ukoll soġġett għall-ħlas ta’ darba għas-somma ta’ €250 bħala kumpens għal okkupazzjoni li jkopru s-snin li din il-boathouse kienet qed tiġi okkupata mill-armla.

informazzjoni dwar it-trattat tal-ACTA

Question

B'referenza għat-trattat tal-ACTA dwar il-mediċini li ġie ffirmat f 'Tokjo mill-Unjoni Ewropea u mill-ambaxxatur Malti għan-nom ta' pajjiżna , jista' l-Ministru jinfurmani jekk sarx studju dwar kif dan se jaffettwa l-prezzijiet għall-komsumaturi? Jekk fl-affermattiv, min għamel dawn l-istudji u jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-ACTA hu ftehim plurilaterali bil-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali. L-ACTA ma jaffetwax il-kummerċ leġittimu fil-mediċina ġenerika. Għaldaqstant ma kienx meħtieġ li jsiru studji f’dan ir-rigward.

trattat tal-ACTA — effett fuq il-ħaddiema fl-industrija lokali tal-mediċina

Question

B'referenza għat-trattat tal-ACTA dwar il-mediċini li ġie ffirmat f 'Tokjo mill-Unjoni Ewropea u mill-ambaxxatur Malti għan-nom ta' pajjiżna , jista' l-Ministru jinfurmani jekk sarx studju dwar kif dan se jaffettwa lill-ħaddiema fl-industrija lokali tal-mediċina? Jekk fl-affermattiv, min għamel dawn l-istudji u jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31788.

trattat tal-ACTA — effett fuq il-kompetittività tal-industrija lokali tal-mediċina

Question

B'referenza għat-trattat tal-ACTA dwar il-mediċini li ġie ffirmat f 'Tokjo mill-Unjoni Ewropea u mill-ambaxxatur Malti għan-nom ta' pajjiżna , jista' l-Ministru jinfurmani jekk sarx studju dwar kif dan se jaffettwa l-kompetittività tal-industrija lokali tal-mediċina? Jekk fl-affermattiv, min għamel dawn l-istudji u jista' jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31788.

Ministeru tal-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-appartament li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, lil min jappartjeni, jekk hux lill-Gvern jew lill-inkwilin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-indirizz li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament jikkonsisti minn blokk ta’ 8 appartamenti li sebgħa minnhom huma tal-gvern, filwaqt li appartament wieħed kien mixtri mill-inkwilin.

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31490 u t-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 31435 u cioè:Jista' jgħid kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31490.

Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30823 u jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkumpensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30823.

Dipartiment tal-Artijiet u Uffiċċju Konġunt — call for tender għas-servizz ta' avukat

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn inħarġet call for tender għas-servizz ta' avukat għad-Dipartiment tal-Artijiet u Uffiċċju Konġunt, meta dan id-dipartiment diġà għandu avukat impjegat direttament u huwa r-rappreżentant legali tal-istess Dipartiment tal-Artijiet? Jista' jagħti dettalji lil min ingħata dan it-tender u d-dettalji tal-kuntratt?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li s-sejħa għall-Expression of Interest għall-provvista ta’servizz legali lid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern kienet intiża sabiex jitqabbdu avukati privati fuq bażi ta’ Contract for Service sabiex jagħtu għajnuna ta’ servizz legali lid-Dipartment għal perjodu ta’ żmien. Dan huwa provvidiment temporanju peress li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern qiegħed fil-fażi li jimpjega miegħu żewġ avukati wara sejħa għall-applikazzjoni li ħarġet fl-aħħar tas-sena li għaddiet, biex b’hekk ikompli jsaħħaħ l-uffiċċju legali tiegħu biex ikun iktar effettiv u effiċjenti. Id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu żewġ avukati mpjegati miegħu iżda peress li wieħed mill-avukati kien ser ikun assenti għal xi żmien, u allura d-Dipartiment kien ser jispiċċa b’avukat wieħed impjegat full time li jrid ilaħħaq ma’ numru konsiderevoli ta’ kawżi magħmula mid-Dipartiment jew kontra, aċċessi u anke jagħti pariri legali lid-Dipartiment, inħasset il-ħtieġa li temporanjament jitqabbdu avukati privati biex jagħtu servizz legali lid-Dipartiment. Bl-għajnuna ta’ dawn l-avukati, d-Dipartiment jista’ jnaqqas l-ammont ta’ xogħol legali li hemm b’lura u b’hekk ikun jista’ jaħdem iktar effettiv u jżied fl-effiċenza, kif ukoll sabiex jiġi assigurat li l-interessi tal-Gvern fuq il-proprjetà jkunu salvagwardjati. Minn din is-sejħa tqabbdu 3 avukati biex joffri servizz legali għal perjodu ta’ tnax –il xahar liem kuntratt jista’ jiġi imġedded għall-perjodu ieħor ta’ tnax –il xahar. Is-servizz irid jingħata għal 25 siegħa fil-ġimgħa bir-rata ta’ ħlas ta’ €15.70 (mingħajr VAT) is-siegħa, pagabbli kull erba’ ġimgħat. Kemm il-darba jinħadmu siegħat aktar minn 25 siegħa, isir ħlas bir-rata ta’ €25 is-siegħa (mingħajr VAT) għal kull siegħa aktar li nħadmet. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Membru li l-kuntratt ta’ wieħed minn dawn l-avukati ġie tterminat ftit tal-ġranet ilu. L-avukati mqabbda biex jagħtu servizz legali lid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern huma: Dr Stefano Filletti Dr Michael Tanti-Dougall Dr Adrian Delia (Kuntratt terminat)

kwestjoni dwar boathouse

Question

B’referenza għall-boathouse li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid taħt liema proċeduri din il-boathouse għaddiet lill-istess inkwilini li kienu ilhom disa' snin ma jħallsu kera għaliha u li kienet u għadha qed tiġi użata minn terzi, mhux bħala boathouse iżda bħala store għall-iscrap u ħwejjeġ oħra marbutin ma’ negozju ta’ restaurant li jinsab sovrappost għall-istess boathouse u dan tul dan il-perjodu kollu? Jista' jgħid taħt liema titolu reġgħet ġiet assenjata l-boathouse lill-istess inkwilini? Jista' jikkonferma li din il-boathouse reġgħet ġiet assenjata lill-istess inkwilin f’Jannar 2011 b’direct order u mingħajr talba għall-offerti b’tender pubbliku? Jista' jikkonferma li l-inkwilini ħallsu multa nominali mingħajr ma ġew imġiegħla jħallsu l-arretrati tal-kera?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

proċess tal-applikazzjoni għall-assenjazzjoni ta’ biċċa art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess tal-applikazzjoni għall-assenjazzjoni ta’ biċċa art li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li wara lid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern kien irċieva talba għal biċċa art mingħand il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament, l-applikant ġie infurmat permezz ta’ ittra datata 19 t’Ottubru 2005, sabiex l-ewwel jikseb il-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-iżvilupp propost, u meta tali permess joħroġ, jibgħat kopja tal-permess flimkien mall-pjanti approvati lid-Dipartiment sabiex it-talba tiegħu tkompli tiġi proċessata. Madanakollu, minn dak iż-żmien ’l hawn id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma rċieva l-ebda korrispondenza li tinkludi l-permess tal-MEPA, min-naħa tal-applikant u għaldaqstant, it-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ma tistax tkompli tiġi proċessata.