Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mis-sena 2013 sat-Tnejn 12 ta’ Novembru 2018, ma kien hemm l-ebda inkjesta maħtura mill-Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap 273 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Għassa tal-Pulizija l-antika ġewwa Wied il-Għajn għadhiex f’idejn il-Korp inkella għaddietx lura f’idejn il-Lands Department?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-Għassa tal-Pulizija l-antika ta’ Wied il-Għajn m’għadhiex f’idejn il-Korp u ċ-ċwievet għaddew f’idejn il-Lands Department (illum L-Awtorità tal-Artijiet).
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fil-preżent kemm hemm persuni u immigranti rregolari fiċ-Ċentri Miftuħa? Jista’ jindika fejn huma mqassma u ta’ liema nazzjonalità huma?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid meta waslu f’pajjiżna l-persuni u l-immigranti rregolari li preżentement huma fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li preżentament sas-6 ta’ Novembru 2018, il-popolazzjoni ġewwa Safi Barracks hija ta’ 11-il persuna.
Id-data tal-wasla hija li ġej :
11 ta’ Ottubru 2017 persuna waħda
10 ta’ Jannar, 2018 2 persuni
5 ta’ Mejju 2018 persuna waħda
13 ta’ April 2018 persuna waħda
8 ta’ Awwissu 2018 2 persuni
15 ta’ Settembru, 2018 persuna waħda
23 ta’ Ottubru 2018 persuna waħda
30 ta’ Ottubru 2018 persuna waħda
6 ta’ Novembru 2018 persuna waħda
Tajjeb li wieħed jgħid li uffiċjali tad-Detenzjoni jipparteċipaw f’xogħol ieħor biex jassistu l-AWAS u anke xogħol ieħor fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk l-Għassa tal-Pulizija ġewwa Wied il-Għajn hux ser tiċċaqlaq minn fejn qiegħda u tinbena oħra? Jekk iva, meta huwa previst li ser tinbeda?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li kif diġà ngħad fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari fuq dan is-suġġett, bl-aħħar tweġiba f’Mejju ta’ din is-sena, nikkonferma li l-għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn mhux ser tibqa’ fejn kienet u ser tinbena oħra flokha f’sit fejn diġà hemm il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar. Ix-xogħol tal-bini hu previst li jinbeda malli l-proċessi ta’ tendering li diġà bdew, jintemmu.
B’referenza għar-risposta parlamentari 7560, jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ ingħata lill-pulizija li jaħdmu fis-Servizz ta’ Emerġenza 112 f’dawn l-aħħar sentejn, biex ikunu jistgħu jgħinu b’mod professjonali lill-familji vulnerabbli li jagħmlu użu minn dan is-servizz tant importanti? Fuqiex kien jikkonsisti dan it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-pulizija li jaħdmu fis-servizz ta’ Emergenza 112 huma uffiċjali illi qabel ma bdew jaqdu dan id-dover kienu diġà jagħmlu xogħol relatat bħala Membri tal-Korp stazzjonati fil-Control Room tal-Pulizija. Dawn huma uffiċjali li minħabba n-natura ta’ xogħolhom huma diġà konxji mal-assistenza li trid tingħata lil dawk li jirreferu għal dan is-servizz, meta jkun hemm il-bżonn.
Nirreferi għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Hu fatt li hemm nuqqas ta’ riżors uman u dan in-nuqqas qed jagħmel tajjeb għalih il-volontarjat. F’Jannar ħarġet sejħa biex jiġu ingaġġati aktar impjegati tal-Protezzjoni Ċivili. Għalkemm l-applikazzjonijiet għalqu fid-9 ta’ Frar, s’issa għadhom ma bagħtu għal ħadd. Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward? Jista’ jgħid kemm hemm impjegati f’dan is-settur? Jista’ jgħid kemm huma l-voluntiera li jieħdu sehem f’din id-dixxiplina? Jista’ jgħid kemm hemm persuni jitħarrġu barra minn Malta biex jispeċjalizzaw f’dan il-qasam ta’ salvataġġ?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej proċess ta’ ingaġġ. Irid jingħad li l-voluntiera mhux qed jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ impjegati bħalma qed jallega l-interpellant. Il-voluntiera jintużaw għall-attivitajiet tal-massa, u meta jkun hemm emerġenzi kbar.
Rigward l-applikazzjonijiet tal-Assistant and Rescue Officers wieħed għandu jieħu inkonsiderazzjoni li l-proċess kien twil minnu nnifsu għax għall-ewwel darba saru eżamijiet fiżiċi u eżamijiet tal-kitba. Fil-ġimgħat li ġejjin dan il-proċess ser ikun konkluż biex tibda r-raba’ parti tal-proċess cioè li jibda t-taħriġ.
Bħalissa hemm 155 firefighter.
Voluntiera hemm reġistrati 60, biss huma madwar 45 li huma attivi u jiġu għat-taħriġ fuq bażi regolari.
Barra minn Malta nibagħtu persuni fuq taħriġ speċjalizzat u huwa proċess kontinwu.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta’ Malta tagħmilx sorveljanza fl-ibħra ‘l hinn mit-12-il mil nawtiku iżda inqas minn 24 mil nawtiku mill-kosta Maltija u ċjoè fil-contiguous zone?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nista’ nassigura lill-Onor. Interpellant li l-Forzi Armati ta’ Malta tagħmel sorveljanza, mill-ajru u mill-baħar, fiż-żona kontigwa u lil hinn minn din.
Bini ta’ toroq f’Għawdex — allegazzjonijiet dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet - investigazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar allegazzjonijiet li ħarġu f'Lulju 2017 dwar korruzzjoni jew nuqqasijiet oħra fil-bini ta‘ toroq f'Għawdex ġietx konkluża? Jekk ġiet konkluża x'passi ttieħdu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant għadha għaddejja u li għaddejja wkoll Inkjesta Maġisterjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza ġiet irrappurtata misruqa u kemm minn dan is-serq ta' karozzi kien rappurtat f'Għawdex mill-bidu tas-sena 2015 sal-lum, maqsuma sena b'sena? Jista' jgħid kemm minn dawn il-karozzi rrappurtati nieqsa fil-fatt instabu u jagħti ċifra għall-Malta u oħra għal Għawdex? Jista' jgħid għall-istess perjodu u sena b'sena kemm kien rappurtat serq minn karozzi u kemm minn dan is-serq minn karozzi kien f'Għawdex?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta’ Jannar 2015 u t-tletin ta’ Settembru 2018 ġew irrapurtati misruqa elf u tlieta u sittin (1,063) vettura. Minn dawn instabu ħames mija u ħamsa u erbgħin (545) filwaqt li ħames mija u tmintax (518) għadhom mhux irkuprati. Informazzjoni dettaljata kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — servizzi ta’ konsulenza minn individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'impjieg, servizzi ta' konsulenza jew xort'oħra kellu jew għad għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, mal-Ministeru tiegħu u mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid, sena b'sena, kemm tħallas dan l-individwu għas-servizzi tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu msemmi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ma ngħata l-ebda kuntratt ta’ xogħol jew konsulenza la minn dan il-Ministeru u lanqas mill-entitajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sal-lum.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-eks Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux qed jagħmel xi tip ta' xogħol għal Pulizija jew għal Malta Security Services (Secret Service), u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' ingaġġ tiegħu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
L-eks Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandu kuntratt bħala ‘Konsulent tal-Ministeru’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ telefonati ġenwini fuq is-Servizz ta’ Emerġenza 112 li saru s-sena l-oħra? Fuqiex kienu dawn it-telefonati? Kemm hemm linji tat-telefon biex jitmexxa dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi in-numru ta’ telefonati ġenwini fuq is-Servizz ta’ Emerġenza 112 li saru s-sena l-oħra kien jammonta għal mija u tnejn u sittin elf, u tnejn u erbgħin (162,042). Dawn it-telefonati kienu prinċipalment relatati ma’ talbiet għal servizzi ta’ Emerġenza, Protezzjoni Ċivili, Pulizija u Forzi Armati ta’ Malta però ma jeżistux dettalji fuqiex kienu. Infurmat illi hemm tnejn u tletin linja tat-telefon li huma fuq is-sistema li jistgħu jintużaw biex jitmexxa dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati każijiet ta' serq mill-underground parking tal-Isptar Mater Dei, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti u kemm tressqu persuni l-Qorti dwar l-istess każijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ każijiet ta’ serq mill-underground parking tal-Isptar Mater Dei, kif irreġistrati fis-sistema tal-Pulizija, sena b'sena, mis-sena 2013 sal-21 t’Ottubru 2018 kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. Ma kienx hemm każi li ġew solvuti.
2013
2014
2015
2016
2017
2018
As on 211018
Total
2
5
2
3
3
0
15
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet lil xufiera li jkunu qegħdin isuqu bil-mod fuq dik li hija magħrufa bħala l-fast lane fit-toroq Maltin u Għawdxin minn Jannar 2013 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi ma nħarġet ebda ċitazzjoni lil xufiera li jkunu qegħdin isuqu bil-mod fuq dik li hija magħrufa bħala l-fast lane fit-toroq Maltin u Għawdxin minn Jannar 2013 sal-lum peress li tali offiża ma teżistix fil-Liġijiet ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li sa Settembru 2018, se jinħatru numru kbir ta’ Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija? Jekk iva, kemm se jinħatru?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-promozzjonijiet ta’ Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija saru fil-25 ta’ Lulju 2018. B’kollox saru dsatax (19)-il Supretendent.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri li qed isegwu studju akkademiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qed isegwu xi forma ta’ studju akkademiku? Jista’ jgħid x’suġġetti qegħdin jistudjaw dawn il-priġunieri?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 40 priġunier li qed isegwu xi forma ta’ studju akkademiku f’suġġetti ta’ ECDL, Malti, Taljan, Krafts, Mużika u kors ta’ Certificate of Professional Competence (CPC). Madankollu f’Ottubru se jibdew korsjiet b’kollaborazzjoni mal-Lifelong Learning fejn hemm total ta’ 81 applikazzjoni. Is-suġġetti li se jkunu offruti, minbarra dawk diġà mogħtija, huma Ingliż, Matematika u Ħjata. Hemm ukoll 4 priġunieri li se jibbenifikaw minn prison leave biex matul din is-sena akkademika se jkunu qed isegwu korsijiet fl-ivell post sekondarju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt tagħha fis-16 t’Ottubru 2017 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli, jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant qatt ma kien jinżamm u għadu ma jinżammx.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt tiegħu fil-5 ta’ Diċembru 1986 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant qatt ma kien jinżamm u għadu ma jinżammx.